|
12.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 265/72 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1927
tal-11 ta’ Ottubru 2022
li jistabbilixxi l-miżuri għat-trażżin ta’Aleurocanthus spiniferus (Quaintance) f’ċerti żoni demarkati
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1),il-punti (d) u (e) u l-Artikolu 28(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (2) jistabbilixxi l-lista ta’ pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni magħrufa li jseħħu fit-territorju tal-Unjoni fil-Parti B tal-Anness II. |
|
(2) |
Aleurocanthus spiniferus (Quaintance) (“il-pest speċifikat”) huwa inkluż f’dik il-lista, peress li huwa magħruf li jinstab f’ċerti partijiet tat-territorju tal-Unjoni. Huwa pest polifagu rrapportat li għandu impatt fuq diversi għelejjel u pjanti ornamentali fit-territorju tal-Unjoni (“il-pjanti speċifikati”). |
|
(3) |
L-istħarriġiet imwettqa skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 juru li l-qerda tal-pest speċifikat f’ċerti żoni demarkati ma għadhiex possibbli. |
|
(4) |
Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri għat-trażżin tal-pest speċifikat f’dawk iż-żoni, li jikkonsistu f’żoni infestati u żoni ta’ lqugħ. Dawk il-miżuri huma konformi mal-evidenza teknika u xjentifika disponibbli fir-rigward tal-pjanti speċifikati. |
|
(5) |
L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jqajmu kuxjenza pubblika biex jiżguraw li l-pubbliku ġenerali u l-operaturi professjonisti, ikkonċernati mill-miżuri tat-trażżin fiż-żoni demarkati, ikunu konxji mill-miżuri applikati u mid-delimitazzjoni taż-żoni demarkati għal dak l-iskop. |
|
(6) |
Madankollu, jekk il-pest speċifikat jinstab f’żona ta’ lqugħ madwar żona infestata soġġetta għal miżuri għat-trażżin tal-pest speċifikat, dik is-sejba l-ġdida jenħtieġ li tirriżulta fl-istabbiliment ta’ żona demarkata ġdida mill-awtorità kompetenti, fejn tiġi segwita l-qerda. |
|
(7) |
Jenħtieġ li jitwettqu stħarriġiet annwali għall-preżenza tal-pest speċifikat kif stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1231 (3) biex tiġi żgurata d-detezzjoni bikrija tal-pest speċifikat f’żoni tat-territorju tal-Unjoni fejn il-pest speċifikat ma jkunx magħruf li huwa preżenti. |
|
(8) |
Jenħtieġ li dawk l-istħarriġiet ikunu bbażati fuq l-iskeda tal-istħarriġ fitosanitarju tal-pest speċifikat ippubblikata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, peress li din tqis l-aħħar żviluppi xjentifiċi u tekniċi. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-miżuri għat-trażżin ta’ Aleurocanthus spiniferus (Quaintance) fiż-żoni demarkati fejn il-qerda tiegħu mhijiex possibbli.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“il-pest speċifikat” tfisser Aleurocanthus spiniferus (Quaintance); |
|
(2) |
“il-pjanti speċifikati” tfisser il-pjanti għat-tħawwil ta’ Citrus L., Fortunella Swingle, Poncirus Raf., u l-ibridi tagħhom, Ceratonia siliqua L., Cercis siliquastrum L., Clematis vitalba L., Cotoneaster Medik., Crategus L., Cydonia oblonga L., Diospyros kaki L., Eriobotrya japonica (Thunb.) Lindl., Ficus carica L., Hedera L., Magnolia L., Malus Mill., Melia L., Mespilus germanica L., Myrtus communis L., Parthenocissus Planch., Photinia Lindley., Prunus cerasus L., Prunus laurocerasus L., Psidium guajava L., Punica granatum L., Pyracantha M. Roem., Pyrus L., Rosa L., Vitis L., Wisteria Nutt., għajr iż-żerriegħa, it-trab tad-dakra u l-pjanti fil-kulturi tat-tessuti; |
|
(3) |
“iż-żona demarkata għat-trażżin” tfisser żona elenkata fl-Anness I, fejn il-pest speċifikat ma jistax jiġi eradikat; |
|
(4) |
“l-iskeda tal-istħarriġ fitosanitarju” tfisser il-pubblikazzjoni “Pest survey card on Aleurocanthus spiniferus and Aleurocanthus woglumi” tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (4). |
Artikolu 3
Stabbiliment ta’ żoni demarkati għat-trażżin
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu ż-żoni demarkati għat-trażżin tal-pest speċifikat li jikkonsistu f’żona infestata u żona ta’ lqugħ b’wisa’ ta’ mill-inqas 2 km, madwar iż-żona infestata.
Artikolu 4
Miżuri fi ħdan iż-żoni demarkati għat-trażżin
1. Fiż-żoni infestati, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jittieħdu waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:
|
(a) |
il-kontroll bijoloġiku, bħall-parasitojdi, tal-pest speċifikat; |
|
(b) |
trattamenti xierqa kontra l-pest speċifikat; |
|
(c) |
iż-żbir u l-qerda tal-partijiet tal-pjanti speċifikati infestati bil-pest speċifikat, wara l-applikazzjoni tat-trattamenti previsti fil-punt (b); |
|
(d) |
il-qbid tal-pest speċifikat, u, jekk ikun hemm detezzjoni tal-pest speċifikat, l-applikazzjoni ta’ trattamenti xierqa. |
2. Meta l-preżenza tal-pest speċifikat tkun ġiet ikkonfermata uffiċjalment fiż-żona ta’ lqugħ, għandhom japplikaw l-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament (UE) 2016/2031.
3. Fiż-żoni demarkati għat-trażżin, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqajmu kuxjenza pubblika dwar it-theddida tal-pest speċifikat u dwar il-miżuri adottati għall-prevenzjoni tat-tixrid ulterjuri tiegħu barra minn dawk iż-żoni.
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-pubbliku ġenerali u lill-operaturi professjonali bid-delimitazzjoni taż-żona demarkata għat-trażżin.
Artikolu 5
Stħarriġiet
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-istħarriġiet kif previst fil-paragrafi 2 u 3, filwaqt li jqisu l-informazzjoni msemmija fl-iskeda tal-istħarriġ fitosanitarju.
2. Għandhom iwettqu stħarriġiet annwali bbażati fuq ir-riskju għall-preżenza tal-pest speċifikat fiż-żoni tat-territorju tal-Unjoni fejn il-pest speċifikat mhuwiex magħruf li huwa preżenti iżda fejn jista’ jiġi stabbilit.
3. Fiż-żoni ta’ lqugħ taż-żoni demarkati għat-trażżin, għandhom iwettqu stħarriġiet annwali, kif imsemmi fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, għad-detezzjoni tal-preżenza tal-pest speċifikat.
Dawk l-istħarriġiet għandhom jinkludu:
|
(a) |
eżamijiet viżwali, fi żminijiet xierqa, għad-detezzjoni tal-pest speċifikat jew tas-sintomi tiegħu; |
|
(b) |
qbid; |
|
(c) |
teħid ta’ kampjuni u ttestjar, fil-każ ta’ pjanti li juru sintomi jew suspett ta’ infestazzjoni bil-pest speċifikat. |
Dawk l-istħarriġiet għandhom ikunu aktar intensivi mill-istħarriġiet imsemmija fil-paragrafu 2, b’għadd ogħla ta’ eżamijiet viżwali u nases u, fejn xieraq, teħid ta’ kampjuni u ttestjar.
Artikolu 6
Rapportar
Sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, ir-riżultati tal-istħarriġiet imwettqa fis-sena kalendarja preċedenti, skont:
|
(a) |
l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-Regolament, bl-użu ta’ wieħed mill-mudelli stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1231; |
|
(b) |
l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-Regolament, bl-użu ta’ wieħed mill-mudelli stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ottubru 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1231 tas-27 ta’ Awwissu 2020 dwar il-format u l-istruzzjonijiet għar-rapporti annwali rigward ir-riżultati tal-istħarriġ u dwar il-format tal-programmi ta’ stħarriġ pluriennali u l-arranġamenti prattiċi, previsti rispettivament fl-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 280, 28.8.2020, p. 1).
(4) EFSA (European Food Safety Authority), 2019. Pest survey card on Aleurocanthus spiniferus and Aleurocanthus woglumi. EFSA supporting publication 2019:EN-1565. 17pp. doi:10.2903/sp.efsa.2019.EN-1565. Disponibbli online: https://arcg.is/u5DTL
ANNESS I
Lista ta’ żoni demarkati għat-trażżin kif isemmi fl-Artikolu 2
1. Il-Kroazja
|
Numru taż-żona demarkata (ŻD) |
Żona taż-ŻD |
Reġjun |
Muniċipalitajiet jew delimitazzjonijiet amministrattivi/ġeografiċi oħrajn |
|
|
Muniċipalità |
Muniċipalitajiet katastali |
|||
|
1. |
Żona infestata |
Il-Kontea ta’ Dubrovnik Neretva |
Konavle |
Vitaljina, Ljuta, Đurinići |
|
Żona ta’ lqugħ |
Il-Kontea ta’ Dubrovnik Neretva |
Konavle |
Pločice, Pavlje Brdo, Vodovađa, Dubravka, Dunave, Popovići, Gruda, Lovorno, Pridvorje, Zastolje, Radovčići, Kuna Konavoska |
|
|
2. |
Żona infestata |
Il-Kontea ta’ Split-Dalmatia |
Jelsa |
Vrisnik |
|
Milna |
Milna |
|||
|
Żona ta’ lqugħ |
Il-Kontea ta’ Split-Dalmatia |
Jelsa |
Jelsa, Pitve, Vrbanj, Dol, Stari Grad, Svirče, Vrbovska |
|
|
Šolta |
Gornje Selo |
|||
|
Milna |
Bobovišća |
|||
|
Nerežišća |
Nerežišća, Dračevica |
|||
|
Sutivan |
Sutivan |
|||
2. Il-Greċja
|
Numru taż-żona demarkata (ŻD) |
Żona taż-ŻD |
Reġjun |
Muniċipalitajiet jew delimitazzjonijiet amministrattivi/ġeografiċi oħrajn |
|
1. |
Żona infestata |
Gżejjer Jonji |
Korfu (1) |
(1) L-ebda żona ta’ lqugħ peress li l-gżira kollha hija infestata.
ANNESS II
Mudelli għar-rappurtar tar-riżultati tal-istħarriġiet imwettqa skont l-Artikolu 5(3)
PARTI A
1. Mudell għar-rapportar tar-riżultati tal-istħarriġ annwali
2. Struzzjonijiet dwar kif jimtela l-mudell
Jekk jimtela dan il-mudell, ma għandux għalfejn jimtela l-mudell fil-Parti B ta’ dan l-Anness.
|
Għall-kolonna 1: |
Indika l-isem taż-żona ġeografika, in-numru tat-tifqigħa jew kwalunkwe informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ din iż-żona demarkata (ŻD) u d-data meta ġiet stabbilita. |
||||||
|
Għall-kolonna 2: |
Indika d-daqs taż-ŻD qabel il-bidu tal-istħarriġ. |
||||||
|
Għall-kolonna 3: |
Indika d-daqs taż-ŻD wara l-istħarriġ. |
||||||
|
Għall-kolonna 4: |
Indika l-approċċ: Trażżin. Jekk jogħġbok inkludi r-ringieli kollha li hemm bżonn, skont in-numru ta’ ŻD għal kull pest u l-approċċi li dawn iż-żoni huma soġġetti għalihom. |
||||||
|
Għall-kolonna 5: |
Indika ż-żona taż-ŻD fejn twettaq l-istħarriġ, u inkludi r-ringieli kollha li hemm bżonn: Żona infettata (ŻI) jew żona ta’ lqugħ (ŻL), bl-użu ta’ ringieli separati. Meta jkun il-każ, indika ż-żona taż-ŻL fejn sar l-istħarriġ (eż. l-aħħar 20 km maġenb iż-ŻI, madwar mixtla, eċċ.) f’ringieli differenti. |
||||||
|
Għall-kolonna 6: |
Indika n-numru u d-deskrizzjoni tas-siti tal-istħarriġ, billi tagħżel waħda mill-entrati li ġejjin għad-deskrizzjoni:
|
||||||
|
Għall-kolonna 7: |
Indika liema huma ż-żoni ta’ riskju identifikat abbażi tal-bijoloġija tal-pest, il-preżenza tal-pjanti ospitanti, il-kundizzjonijiet ekoklimatiċi u l-postijiet ta’ riskju. |
||||||
|
Għall-kolonna 8: |
Indika ż-żoni ta’ riskju inklużi fl-istħarriġ, minn dawk identifikati fil-kolonna 7. |
||||||
|
Għall-kolonna 9: |
Indika l-pjanti, il-frott, iż-żrieragħ, il-ħamrija, il-materjal tal-ippakkjar, l-injam, il-makkinarju, il-vetturi, l-ilma, oħrajn, filwaqt li tispeċifika l-każ speċifiku. |
||||||
|
Għall-kolonna 10: |
Indika l-lista ta’ speċijiet/ġeneri tal-pjanti fl-istħarriġ, billi tuża ringiela waħda għal kull speċi/ġeneru tal-pjanti. |
||||||
|
Għall-kolonna 11: |
Indika x-xhur tas-sena meta twettaq l-istħarriġ. |
||||||
|
Għall-kolonna 12: |
Indika d-dettalji tal-istħarriġ, skont ir-rekwiżiti legali speċifiċi ta’ kull pest. Indika b’M/A meta l-informazzjoni ta’ kolonna partikolari ma tkunx applikabbli. |
||||||
|
Fil-kolonni 13 u 14: |
Indika r-riżultati, jekk applikabbli, billi tipprovdi l-informazzjoni disponibbli fil-kolonni korrispondenti. “Mhux determinati” huma dawk il-kampjuni analizzati li għalihom ma nkiseb l-ebda riżultat minħabba fatturi differenti (eż. taħt il-livell ta’ detezzjoni, kampjun mhux ipproċessat-mhux identifikat, antik). |
||||||
|
Għall-kolonna 15: |
Indika n-notifiki tat-tifqigħat tas-sena meta sar l-istħarriġ għas-sejbiet fiż-ŻL. In-numru tan-notifika tat-tifqigħat ma hemmx għalfejn ikun inkluż meta l-awtorità kompetenti tkun iddeċidiet li s-sejba hija waħda mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 14(2), fl-Artikolu 15(2) jew fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2016/2031. F’dak il-każ, indika r-raġuni għaliex ma tajtx din l-informazzjoni fil-kolonna 16 (“Kummenti”). |
PARTI B
1. Mudell għar-rapportar tar-riżultati tal-istħarriġiet annwali bbażati fuq l-istatistika
2. Struzzjonijiet dwar kif jimtela l-mudell
Jekk jimtela dan il-mudell, ma għandux għalfejn jimtela l-mudell fil-Parti A ta’ dan l-Anness.
Spjega s-suppożizzjonijiet sottostanti għad-disinn tal-istħarriġ għal kull pest. Ikteb fil-qosor u ġġustifika:
|
— |
il-popolazzjoni fil-mira, l-unità epidemjoloġika u l-unitajiet ta’ spezzjoni, |
|
— |
il-metodu tad-detezzjoni u s-sensittività tal-metodu, |
|
— |
il-fattur(i) tar-riskju, u indika l-livelli tar-riskju u r-riskji u l-proporzjonijiet relattivi korrispondenti tal-popolazzjoni tal-pjanti ospitanti. |
|
Għall-kolonna 1: |
Indika l-isem taż-żona ġeografika, in-numru tat-tifqigħa jew kwalunkwe informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ din iż-żona demarkata (ŻD) u d-data meta ġiet stabbilita. |
||||||
|
Għall-kolonna 2: |
Indika d-daqs taż-ŻD qabel il-bidu tal-istħarriġ. |
||||||
|
Għall-kolonna 3: |
Indika d-daqs taż-ŻD wara l-istħarriġ. |
||||||
|
Għall-kolonna 4: |
Indika l-approċċ: Trażżin. Jekk jogħġbok inkludi r-ringieli kollha li hemm bżonn, skont in-numru ta’ ŻD għal kull pest u l-approċċi li dawn iż-żoni huma soġġetti għalihom. |
||||||
|
Għall-kolonna 5: |
Indika ż-żona taż-ŻD fejn twettaq l-istħarriġ, u inkludi r-ringieli kollha li hemm bżonn: Żona infettata (ŻI) jew żona ta’ lqugħ (ŻL), bl-użu ta’ ringieli separati. Meta jkun il-każ, indika ż-żona taż-ŻL fejn sar l-istħarriġ (eż. l-aħħar 20 km maġenb iż-ŻI, madwar mixtla, eċċ.) f’ringieli differenti. |
||||||
|
Għall-kolonna 6: |
Indika n-numru u d-deskrizzjoni tas-siti tal-istħarriġ, billi tagħżel waħda mill-entrati li ġejjin għad-deskrizzjoni:
|
||||||
|
Għall-kolonna 7: |
Indika x-xhur tas-sena meta twettqu l-istħarriġiet. |
||||||
|
Għall-kolonna 8: |
Indika l-popolazzjoni fil-mira magħżula billi tipprovdi kif xieraq il-lista tal-ispeċijiet/ġeneri ospitanti u ż-żona koperta. Il-popolazzjoni fil-mira hija definita bħala l-grupp ta’ unitajiet ta’ spezzjoni. Id-daqs tagħha huwa ddefinit tipikament għal żoni agrikoli bl-ettari, iżda jista’ jkun lottijiet, għelieqi, serer eċċ. Jekk jogħġbok iġġustifika l-għażla li saret fis-suppożizzjonijiet sottostanti. Indika l-unitajiet ta’ spezzjoni mistħarrġa. “Unità ta’ spezzjoni” tfisser pjanti, partijiet ta’ pjanti, komoditajiet, materjali, vetturi ta’ pesti li ġew eżaminati bir-reqqa għall-identifikazzjoni u għad-detezzjoni tal-pesti. |
||||||
|
Għall-kolonna 9: |
Indika l-unitajiet epidemjoloġiċi mistħarrġa, filwaqt li tindika d-deskrizzjoni u l-unità ta’ kejl tagħhom. “Unità epidemjoloġika” tfisser żona omoġenja fejn l-interazzjonijiet bejn il-pest, il-pjanti ospitanti u l-fatturi u l-kundizzjonijiet abijotiċi u bijotiċi jirriżultaw fl-istess epidemjoloġija, jekk il-pest ikun preżenti. L-unitajiet epidemjoloġiċi huma suddiviżjoni tal-popolazzjoni fil-mira li huma omoġenji f’termini tal-epidemjoloġija b’mill-inqas pjanta ospitanti waħda. F’xi każijiet il-popolazzjoni tal-pjanti ospitanti kollha f’reġjun/żona/pajjiż tista’ tiġi definita bħala unità epidemjoloġika. Dawn jistgħu jkunu reġjuni tal-klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), żoni urbani, foresti, ġonna tal-ward jew irziezet, jew ettari. L-għażla għandha tkun ġustifikata fis-suppożizzjonijiet sottostanti. |
||||||
|
Għall-kolonna 10: |
Indika l-metodi użati matul l-istħarriġ inkluż l-għadd ta’ attivitajiet f’kull każ, skont ir-rekwiżiti legali speċifiċi ta’ kull pest. Indika b’M/A meta l-informazzjoni ta’ kolonna partikolarti ma tkunx disponibbli. |
||||||
|
Għall-kolonna 11: |
Indika stima tal-effettività tal-kampjunar. L-effettività tal-kampjunar tfisser il-probabbiltà li jintgħażlu partijiet ta’ pjanti infettati minn pjanta infettata. Għall-vetturi, hija l-effettività tal-metodu li jaqbad vettur pożittiv meta jkun preżenti fiż-żona tal-istħarriġ. Għall-ħamrija, hija l-effettività tal-għażla ta’ kampjun tal-ħamrija li jkun fih il-pest meta l-pest ikun preżenti fiż-żona tal-istħarriġ. |
||||||
|
Għall-kolonna 12: |
“Sensittività tal-metodu” tfisser il-probabbiltà ta’ metodu li jagħmel detezzjoni korretta tal-preżenza tal-pest. Is-sensittività tal-metodu hija definita bħala l-probabbiltà li ospitant verament pożittiv jittestja pożittiv. Hija l-multiplikazzjoni tal-effettività tal-kampjunar (jiġifieri l-probabbiltà li jintgħażlu partijiet infettati tal-pjanta minn pjanta infettata) bis-sensittività dijanjostika (karatterizzata mill-ispezzjonijiet viżwali u/jew mit-test tal-laboratorju użati fil-proċess ta’ identifikazzjoni). |
||||||
|
Għall-kolonna 13: |
Ipprovdi l-fatturi ta’ riskju f’kolonni differenti, u uża kemm hemm bżonn ringieli. Għal kull fattur ta’ riskju indika l-livell ta’ riskju u r-riskju relattiv korrispondenti u l-proporzjon tal-popolazzjoni tal-pjanti ospitanti. |
||||||
|
Għall-kolonna B: |
Indika d-dettalji tal-istħarriġ, skont ir-rekwiżiti legali speċifiċi għal kull pest. Indika b’M/A meta l-informazzjoni ta’ kolonna partikolari ma tkunx applikabbli. L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f’dawn il-kolonni hija relatata mal-informazzjoni inkluża fil-kolonna 10 “Metodi ta’ detezzjoni”. |
||||||
|
Għall-kolonna 18: |
Indika l-għadd ta’ siti tal-insib f’każ li dan in-numru jkun differenti mill-għadd ta’ nases (Kolonna 17) (eż. l-istess nassa tintuża f’postijiet differenti). |
||||||
|
Għall-kolonna 21: |
Indika n-numru ta’ kampjuni li nstabu pożittivi, negattivi jew mhux determinati. “Mhux determinati” huma dawk il-kampjuni analizzati li għalihom ma nkiseb l-ebda riżultat minħabba fatturi differenti (eż. taħt il-livell ta’ individwazzjoni, kampjun mhux ipproċessat-mhux identifikat, antik, eċċ.) |
||||||
|
Għall-kolonna 22: |
Indika n-notifiki tat-tifqigħat tas-sena meta sar l-istħarriġ għas-sejbiet fiż-żona ta’ lqugħ. In-numru tan-notifika tat-tifqigħat ma hemmx għalfejn ikun inkluż meta l-awtorità kompetenti tkun iddeċidiet li s-sejba hija waħda mill-każijiet imsemmija fl-Artikoli 14(2), 15(2) jew 16 tar-Regolament (UE) 2016/2031. F’dan il-każ, jekk jogħġbok indika r-raġuni għaliex ma tajtx din l-informazzjoni fil-kolonna 25 (“Kummenti”). |
||||||
|
Għall-kolonna 23: |
Indika s-sensittività tal-istħarriġ, kif definit fl-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji (ISPM 31). Dan il-valur tal-livell ta’ fiduċja miksub tal-ħelsien mill-pesti huwa kkalkulat abbażi tal-eżamijiet (u/jew tal-kampjuni) imwettqa fid-dawl tas-sensittività tal-metodu u tal-prevalenza tad-disinn. |
||||||
|
Għall-kolonna 24: |
Indika l-prevalenza tad-disinn ibbażata fuq stima ta’ qabel l-istħarriġ tal-probabbiltà ta’ prevalenza attwali tal-pest fl-għalqa. Il-prevalenza tad-disinn hija stabbilita bħala mira tal-istħarriġ u tikkorrispondi mal-kompromess li l-maniġers tar-riskju qed jagħmlu bejn ir-riskju li jkollhom il-pest u r-riżorsi disponibbli għall-istħarriġ. Tipikament, għal stħarriġ ta’ detezzjoni jiġi stabbilit valur ta’ 1 %. |