6.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 259/76


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/1905

tas-6 ta’ Ottubru 2022

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (2) jagħti effett lill-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2014/145/PESK.

(2)

Fis-6 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1907 (3) li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK, li introduċiet kriterju ulterjuri għall-elenkar ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għall-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni li fondi u riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għal persuni u entitajiet deżinjati. Id-Deċiżjoni PESK 2022/1907 introduċiet ukoll aktar derogi mill-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni li fondi u riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli fir-rigward ta' ċerti entitajiet elenkati, u introduċiet dispożizzjonijiet addizzjonali rigward l-obbligi tal-Istati Membri rigward l-għoti ta' derogi.

(3)

L-emendi għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/1907 jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat u għalhekk hija neċessarja azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, b'mod partikolari bl-intenzjoni li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha.

(4)

Jenħtieġ għalhekk, li r-Regolament (UE) Nru 269/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat kif gej:

(1)

fl-Artikolu 3(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

"(h)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jiffaċilitaw il-ksur tal-projbizzjoni ta’ ċirkomvenzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, tar-Regolamenti tal-Kunsill (UE) Nru 692/2014 (*1), Nru 833/2014 (*2) jew (UE) 2022/263 (*3), jew tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2014/145/PESK (*4), 2014/386/PESK (*5), 2014/512/PESK (*6) jew (PESK) 2022/266 (*7),

(*1)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 692/2014 tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni fl-Unjoni ta' oġġetti li joriġinaw fil-Krimea jew Sevastopol, minħabba l-annessjoni illegali tagħhom (ĠU L 183 24.6.2014, p. 9)."

(*2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229 31.7.2014, p. 1)."

(*3)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/263 tat-23 ta’ Frar 2022 dwar miżuri restrittivi b’reazzjoni għar-rikonoxximent taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk u d-deċiżjoni li jintbagħtu l-forzi armati Russi f'dawk iż-żoni (ĠU L 42I, 23.2.2022, p. 77)."

(*4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L 78 17.3.2014, p. 16)."

(*5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/386/PESK tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar restrizzjonijiet fuq oġġetti li joriġinaw fil-Krimea jew Sevastopol, minħabba l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol (ĠU L 183 24.6.2014, p. 70)."

(*6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229 31.7.2014, p. 13)."

(*7)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/266 tat-23 ta’ Frar 2022 dwar miżuri restrittivi b'reazzjoni għar-rikonoxximent taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk u d-deċiżjoni li jintbagħtu l-forzi armati Russi f’dawk iż-żoni (ĠU L 42I, 23.2.2022, p. 109).’;"

(2)

l-Artikolu 6a jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 6a

1.   B'deroga mill-Artikolu 2(2), l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw pagamenti lill-Portijiet tal-Baħar tal-Krimea għal servizzi pprovduti fil-Port tas-Sajd ta' Kerch, fil-Port Kummerċjali ta' Yalta u fil-Port Kummerċjali ta' Evpatoria, u għal servizzi pprovduti minn Gosgidrografiya u minn fergħat tal-Port-Terminal tal-Portijiet tal-Baħar tal-Krimea.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”;

(3)

fl-Artikolu 6b jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

"4.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jappartjenu għall-entità elenkata fl-entrata numru 91 fl-Anness I, jew it-tqegħid ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta' dik l-entità, b’tali kundizzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti jqisu xierqa u wara li jkunu ddeterminaw li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għat-terminazzjoni ta' tranżazzjonijiet, inkluż bejgħ, li jkunu strettament meħtieġa għall-istralċ, sal-31 ta' Diċembru 2022, ta' joint venture jew arranġament legali simili konkluż qabel is-16 ta' Marzu 2022, li jinvolvi persuna ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness XIX tar-Regolament (UE) Nru 833/2014.

5.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jappartjenu għall-entità elenkata fl-entrata numru 101 fl-Anness I, jew it-tqegħid ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta' dik l-entità, b’talikundizzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti jqisu xierqa u wara li jkunu ddeterminaw li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għat-terminazzjoni sas-7 ta’ Jannar 2023 ta' operazzjonijiet, kuntratti jew ftehimiet oħra konklużi qabel it-3 ta' Ġunju 2022 ma', jew li inkella jinvolvu lil, dik l-entità.

6.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.".

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1907 tas-6 ta’ Ottubru 2022 li temenda Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ara paġna 98 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).