6.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/187


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1863

tal-5 ta’ Ottubru 2022

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 dwar l-irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni b’xejn

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 38(h) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 (2) jistabbilixxi r-regoli dwar l-ispejjeż tal-issortjar u l-imballaġġ tal-frott u l-ħxejjex li jkunu tneħħew mis-suq bil-ħsieb li jitqassmu b’xejn. L-Anness V tiegħu jistabbilixxi ammonti b’rata fissa għal tali spejjeż. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 (3), li jistabbilixxi r-regoli dwar l-appoġġ għal tali rtirar mis-suq, jistabbilixxi limitu fuq l-ispejjeż tal-issortjar u l-ippakkjar tal-frott u l-ħxejjex irtirati mis-suq biex jitqassmu b’xejn, sabiex jiġi evitat il-kumpens żejjed. L-esperjenza tal-Istati Membri u tal-organizzazzjoni tal-produtturi fejn tidħol l-implimentazzjoni ta’ rtirar, juri li l-ammonti b’rata fissa mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, tal-issortjar u l-imballaġġ għad-distribuzzjoni b’xejn fis-settur tal-frott u l-ħxejjex ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala ammonti f’daqqa, imma aktar bħala ammonti massimi li ma għandhomx jinqabżu u li sabiex jiġi evitat il-kumpens żejjed, l-ispejjeż tal-issortjar u l-imballaġġ ma għandhomx ikunu eliġibbli jekk id-distribuzzjoni tal-frott u l-ħxejjex issir wara l-ipproċessar.

(2)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(3)

Għal raġunijiet ta’ trattament indaqs tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jirtiraw il-frott u l-ħxejjex mis-suq għad-distribuzzjoni b’xejn waqt is-sena ta’ produzzjoni 2022, il-metodu l-ġdid ta’ kalkolazzjoni għandu jintuża għall-perjodu kollu tal-ħsad. Minħabba li ta’ kull sena l-ħsad tal-ħawħ u tan-nuċiprisk jibda f’April, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ April 2022.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892

Fl-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ispejjeż tal-issortjar u l-ippakkjar tal-frott u l-ħxejjex irtirati mis-suq bl-intenzjoni li jitqassmu b’xejn għandu jkun eliġibbli taħt programmi operazzjonali, ħlief jekk id-distribuzzjoni b’xejn tal-frott u l-ħxejjex issir wara l-ipproċessar. Għall-prodotti f’pakketti ta’ inqas minn 25 kilogramma piż, dawn l-ispejjeż ma għandhomx jaqbżu l-ammonti stabbiliti fl-Anness V.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fil-jum stess tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ April 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 57).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 4).