30.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1671

tad-9 ta’ Ġunju 2022

li jestendi l-perjodu tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 89(1), fl-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 85(2), it-tielet subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jipprevedi li sat-18 ta’ Ġunju 2021, l-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament ma għandux japplika għall-kuntratti tad-derivattivi OTC li huma oġġettivament miżurabbli li jnaqqsu r-riskji ta’ investiment direttament relatati mas-solvenza finanzjarja tal-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet, u għal entitajiet stabbiliti biex jipprovdu kumpens lill-membri ta’ arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet f’każ ta’ inadempjenza. Dan il-perjodu tranżitorju ddaħħal biex jippermetti l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tekniċi vijabbli għat-trasferiment mill-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet ta’ kollateral fi flus u mhux fi flus bħala marġni ta’ varjazzjoni, u b’hekk jiġi evitat kwalunkwe effett negattiv fuq il-benefiċċji tal-irtirar ta’ pensjonanti futuri li jkun ikkawżat minn applikazzjoni immedjata tal-obbligu tal-ikklerjar għal tali kuntratti tad-derivattivi OTC.

(2)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 85(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex testendi l-perjodu tranżitorju stabbilit fl-Artikolu 89(1) ta’ dak ir-Regolament darbtejn, kull darba b’sena, jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li ma ġewx żviluppati soluzzjonijiet tekniċi vijabbli għat-trasferiment permezz ta’ arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet ta’ kollateral fi flus u mhux fi flus bħala marġnijiet ta’ varjazzjoni u li l-effetti negattivi fuq il-benefiċċji tal-irtirar ta’ pensjonanti futuri minħabba kuntratti tad-derivattivi tal-ikklerjar ċentrali baqgħu l-istess. Għal dan il-għan, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 85(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jirrikjedi li l-Kummissjoni tħejji rapporti annwali sal-estensjoni finali tal-perjodu tranżizzjonali, biex jiġi vvalutat jekk ġewx żviluppati tali soluzzjonijiet tekniċi vijabbli u jekk hemmx bżonn li tiġi adottata xi miżura li tiffaċilita dawk is-soluzzjonijiet tekniċi vijabbli.

(3)

Il-Kummissjoni adottat żewġ rapporti annwali fit-23 ta’ Settembru 2020 (2) u fis-6 ta’ Mejju 2021 (3) rispettivament. F’dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni osservat li l-parteċipanti fis-suq għamlu sforzi matul is-snin biex jiżviluppaw soluzzjonijiet tekniċi xierqa li jinkludu trasformazzjoni tal-kollateral minn membri tal-ikklerjar jew permezz ta’ swieq tar-riakkwist ikklerjati. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li xi arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet bdew jikklerjaw ċentralment porzjon tal-portafolli tad-derivattivi tagħhom b’mod volontarju. Ir-rapport ikkonkluda li l-isfida ewlenija li fadal għall-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet kienet l-aċċess, f’kundizzjonijiet tas-suq taħt stress, għal-likwidità biex ikun jista’ jiġi pospost il-marġni ta’ varjazzjoni, minħabba li dak ir-rekwiżit iżid malajr u b’mod sinifikanti r-riskju li jiġu eżawriti l-allokazzjonijiet fi flus kontanti tal-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet.

(4)

Il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 85(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jeżiġi li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA), f’kooperazzjoni mal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, l-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, tippreżenta rapporti annwali lill-Kummissjoni, filwaqt li tivvaluta jekk is-CCPs, il-membri tal-ikklerjar u l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet għamlux sforz xieraq u żviluppawx soluzzjonijiet tekniċi vijabbli li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ tali arranġamenti fl-ikklerjar ċentrali billi jpoġġu kollateral fi flus kontanti u mhux fi flus kontanti bħala marġnijiet ta’ varjazzjoni, inklużi l-implikazzjonijiet ta’ dawk is-soluzzjonijiet fuq il-likwidità tas-suq u l-klijentela tagħhom.

(5)

Fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/962 (4), il-Kummissjoni estendiet il-perjodu tranżizzjonali stabbilit fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 darba, sat-18 ta’ Ġunju 2022.

(6)

Fil-25 ta’ Jannar 2022, l-ESMA ppreżentat l-aħħar rapport tagħha dwar jekk is-CCPs, il-membri tal-ikklerjar u l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet għamlux sforz xieraq u żviluppawx soluzzjonijiet tekniċi vijabbli li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ tali arranġamenti fl-ikklerjar ċentrali billi jiddepożitaw kollateral fi flus u mhux fi flus bħala marġnijiet ta’ varjazzjoni. Filwaqt li fil-biċċa l-kbira kkonfermat is-sejbiet preċedenti tagħha dettaljati f’rapporti preċedenti lill-Kummissjoni, l-ESMA f’dak ir-rapport iffokat fuq kemm l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet huma lesti biex jikklerjaw il-kuntratti tad-derivattivi OTC. Għalkemm għadd dejjem jikber ta’ arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet volontarjament jikklerjaw il-kuntratti tad-derivattivi OTC u l-kundizzjonijiet tal-likwidità jkomplu jevolvu b’mod favorevoli, ir-rapport tal-ESMA kkonkluda wkoll li l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet u l-parteċipanti rilevanti fis-suq jeħtieġu biżżejjed żmien biex jiffinalizzaw l-arranġamenti tal-ikklerjar u tal-ġestjoni tal-kollateral tagħhom. Għalhekk, l-ESMA esprimiet il-fehma li hija meħtieġa estenzjoni addizzjonali b’sena tal-perjodu tranżizzjonali stabbilit fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(7)

Fl-aħħar valutazzjoni tagħha tal-istat ta’ tħejjija tal-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet biex jikklerjaw ċentralment il-portafolli tad-derivattivi tagħhom (5), il-Kummissjoni waslet għal konklużjoni li hija simili għal dik tal-ESMA. Skont l-analiżi tal-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet ta’ likwidità għall-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet baqgħu robusti, anki matul perjodi reċenti ta’ stress fis-suq, u huma mistennija li jkomplu jevolvu b’mod favorevoli hekk kif il-fondi jieħdu mudelli ta’ aċċess alternattivi għas-suq tar-riakkwist. Perspettiva pożittiva għall-aċċess għal-likwidità wasslet għal sitwazzjoni fejn għadd dejjem jikber ta’ arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet bdew jikklerjaw volontarjament mill-inqas parti mill-portafolli tad-derivattivi tagħhom. Il-mudelli alternattivi għall-aċċess għal-likwidità permezz tas-suq tar-riakkwist iridu jingħataw żmien biex jimmaturaw, madankollu, filwaqt li l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet iridu jtejbu l-likwidità interna u l-prattiki tal-ġestjoni tal-kollateral tagħhom.

(8)

Il-Kummissjoni, filwaqt li qieset ir-rapport tal-ESMA, għalhekk ikkonkludiet li huwa tabilħaqq meħtieġ li l-perjodu tranżitorju stabbilit fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jiġi estiż b’sena oħra.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li l-perjodu tranżizzjonali stabbilit fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jiġi estiż.

(10)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza biex jiġi żgurat li l-perjodu tranżitorju jiġi estiż qabel ma jiskadi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-perjodu tranżizzjonali stabbilit fl-Artikolu 89(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 huwa estiż sat-18 ta’ Ġunju 2023.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  COM(2020) 574 final.

(3)  COM (2021) 224 final.

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/962 tas-6 ta’ Mejju 2021 li jestendi l-perjodu tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 89(1), fl-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 213, 16.6.2021, p. 1).

(5)  COM(2022) 254.