28.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1659

tas-27 ta’ Settembru 2022

dwar rekwiżiti ekwivalenti għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ frott ta’ Citrus sinensis Pers., li joriġina mill-Iżrael fid-dawl tar-riskji maħluqa mit-Thaumatotibia leucotreta

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 41(3), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 44(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (2) jistabbilixxi l-lista ta’ pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni mhux magħrufa li jseħħu fit-territorju tal-Unjoni fil-Parti A tal-Anness II. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 għandu l-għan li jipprevjeni d-dħul, l-istabbiliment u t-tixrid ta’ tali pesti ta’ kwarantina fit-territorju tal-Unjoni, billi jistabbilixxi rekwiżiti speċjali, fl-Anness VII tiegħu, għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra.

(2)

Thaumatotibia leucotreta (Meyrick) (“il-pest speċifikat”) huwa elenkat fil-Parti A tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 bħala pest ta’ kwarantina fl-Unjoni, li mhuwiex magħruf li jeżisti fl-Unjoni. Huwa elenkat ukoll bħala pest ta’ prijorità fl-Anness tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1702 (3).

(3)

Jeżistu rekwiżiti speċjali għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ diversi frott biex it-territorju tal-Unjoni jiġi protett mill-pest speċifikat. Għall-frott Citrus sinensis Pers. (‘il-frott speċifikat’) dawk ir-rekwiżiti huma stipulati fil-punt 62.1(d) tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 u jipprevedu għall-għażla ta’ approċċ sistematiku bl-applikazzjoni ta’ reġimi speċifiċi ta’ trattament bil-kesħa.

(4)

L-Iżrael talab lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-approċċ sistematiku tiegħu għall-frott speċifikat bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti speċjali stipulati fil-punt 62.1(d) tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

(5)

Dak l-approċċ sistematiku użat fir-rigward tal-frott speċifikat jinkludi l-issodisfar tar-rekwiżiti meħuda fis-siti tal-produzzjoni għall-monitoraġġ u l-kontroll tal-pest speċifikat, l-ispezzjoni tal-frott speċifikat fis-sit tal-produzzjoni u fil-faċilitajiet tal-ippakkjar, ir-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà u l-ispezzjoni uffiċjali mwettqa qabel l-esportazzjoni. Dan jinkludi punti kritiċi tal-proċedura ta’ spezzjoni fl-għelieqi, fil-faċilitajiet tal-ippakkjar u qabel l-esportazzjoni, li jirriżultaw f’sospensjoni jew rifjut tal-esportazzjoni tal-frott speċifikat meta l-limiti rilevanti ma jintlaħqux.

(6)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) wettqet valutazzjoni tar-riskju tal-komoditajiet għall-frott taċ-Citrus spp. importat mill-Iżrael (4). Dik il-valutazzjoni kienet tikkonċerna l-probabbiltà ta’ ħelsien mill-pesti fir-rigward tal-pest speċifikat. Barra minn hekk, ġew ipprovduti rakkomandazzjonijiet dwar kif jista’ jittejjeb l-approċċ sistematiku tal-Iżrael. L-Iżrael adatta l-approċċ sistematiku tiegħu filwaqt li qies dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

(7)

Abbażi tal-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Awtorità, flimkien mal-konformità konsistenti tal-frott ikkonċernat mad-dritt tal-Unjoni, huwa ġġustifikat li jiġi aċċettat l-approċċ sistematiku adattati tal-Iżrael bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti speċjali stabbiliti fil-punt 62.1(d) tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

(8)

Sabiex ikun hemm kemm jista’ jkun mill-inqas tfixkil fil-kummerċ, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(9)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika sal-31 ta’ Mejju 2025 biex ikun jista’ jsir l-eżami mill-ġdid tiegħu.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“pest speċifikat” tfisser Thaumatotibia leucotreta (Meyrick);

(2)

“frott speċifikat” tfisser frott ta’ Citrus sinensis Pers.

Artikolu 2

Rekwiżiti ekwivalenti

Ir-rekwiżiti għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-frott speċifikat li joriġina mill-Iżrael stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandhom jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-punt 62.1(d) tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

Artikolu 3

Ċertifikat fitosanitarju

Meta l-frott speċifikat li joriġina mill-Iżrael jiġi introdott fit-territorju tal-Unjoni abbażi tar-rekwiżiti ekwivalenti kif stabbiliti fl-Artikolu 2, dan għandu jkun akkumpanjat minn ċertifikat fitosanitarju li jindika:

(a)

il-kodiċijiet tas-sit tal-produzzjoni; kif ukoll

(b)

taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, id-dikjarazzjoni “Il-kunsinna tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1659”.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sal-31 ta’ Mejju 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1702 tal-1 ta’ Awwissu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-lista ta’ pesti ta’ prijorità (ĠU L 260, 11.10.2019, p. 8).

(4)  Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Citrus L. fruits from Israel for Thaumatotibia leucotreta under a systems approach. EFSA Journal 2021; 19(3):6427, 36 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2021, 6427


ANNESS

Rekwiżiti għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-frott speċifikat li joriġina mill-Iżrael kif imsemmija fl-Artikolu 2

A.   Rekwiżiti relatati mas-siti tal-produzzjoni

1.

Is-siti tal-produzzjoni jkunu ġew irreġistrati u approvati mill-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti tal-Iżrael (“l-NPPO”).

2.

Il-lista tal-kodiċijiet tas-siti tal-produzzjoni approvati tkun ġiet ikkomunikata, qabel l-esportazzjoni tal-frott speċifikat, bil-miktub lill-Kummissjoni mill-NPPO.

3.

Il-monitoraġġ tal-pest speċifikat fis-sit tal-produzzjoni jkun twettaq permezz ta’ nases tal-feromoni, bi frekwenza ta’ mill-inqas nassa waħda għal kull 2,5 ettaru, b’mhux inqas minn 2 nases għal kull sit tal-produzzjoni, fejn is-siti tal-produzzjoni ma jkunux imissu ma’ xulxin.

4.

Il-prodotti għat-tfixkil tat-tgħammir kontra l-preżenza tal-pest speċifikat ġew applikati f’perjodi xierqa, mill-inqas fis-siti tal-produzzjoni, fejn il-preżenza tal-pest speċifikat tkun ġiet ikkonfermata fl-istaġuni tat-tkabbir preċedenti. F’każ li t-tfixkil tat-tgħammir ma jaħdimx, ikunu ġew applikati trattamenti kurattivi kontra l-pest speċifikat.

5.

Ġew segwiti prattiki sanitarji bil-għan li jikkontrollaw il-pest speċifikat. Dawk il-prattiki jinkludu mill-inqas it-tneħħija u l-qerda immedjata tal-frott speċifikat imwaqqa’ u infestat mis-siġar, u t-tneħħija tal-pjanti ospitanti selvaġġi tal-pest speċifikat mis-sit tal-produzzjoni u miż-żoni tal-madwar tiegħu. Il-frott speċifikat residwu kollu jkun tneħħa mis-siti tal-produzzjoni fi tmiem l-istaġun tat-tkabbir.

6.

L-ispezzjonijiet uffiċjali tal-frott speċifikat fis-siti tal-produzzjoni jkunu twettqu mill-NPPO jew minn korpi awtorizzati oħra tal-Iżrael mill-inqas darbtejn fix-xahar fil-perjodu bejn Awwissu u Ottubru u wara kull ġimgħa sa tmiem il-ħsad tal-frott speċifikat. Ikun ġie spezzjonat kampjun rappreżentattiv tal-frott speċifikat, filwaqt li jitqies id-daqs tas-sit tal-produzzjoni. Dik l-ispezzjoni tkun inkludiet kampjunar distruttiv tal-frott speċifikat kollu li juri s-sintomi.

F’każ li jkunu nstabu aktar minn tliet frottiet infestati matul spezzjoni, l-esportazzjoni lejn l-Unjoni mis-sit tal-produzzjoni rispettiv tkun ġiet sospiża għal ħames ġimgħat segwita minn miżuri ta’ kontroll intensifikati għall-pest speċifikat. Madankollu, minn ħames ġimgħat qabel il-ħsad, meta jkunu seħħew sejbiet ta’ frotta infestata waħda jew aktar matul dik l-ispezzjoni, il-frott speċifikat kollu mis-sit tal-produzzjoni rispettiv ikun ġie skwalifikat mill-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

7.

L-NPPO tat permess għall-ħsad tal-frott speċifikat minn sit tal-produzzjoni abbażi tal-informazzjoni dwar l-ispezzjoni u l-monitoraġġ miksuba matul l-istaġun tat-tkabbir.

B.   Rekwiżiti relatati mal-faċilitajiet tal-ippakkjar

1.

Il-faċilitajiet tal-ippakkjar ġew irreġistrati u approvati mill-NPPO.

2.

Il-frott speċifikat ikun ġie ttrasportat lejn il-faċilitajiet tal-ippakkjar ippakkjat b’mod xieraq biex tiġi evitata infestazzjoni mill-pest speċifikat, u ħieles mill-ħamrija, minn fdalijiet oħra u weraq.

3.

Mal-wasla ta’ lott tal-frott speċifikat minn sit tal-produzzjoni fil-faċilitajiet tal-ippakkjar, il-frott speċifikat ikun ġie spezzjonat mill-persunal imħarreġ tal-faċilitajiet tal-ippakkjar għall-preżenza tal-pest speċifikat b’intensità li tippermetti mill-inqas id-detezzjoni ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni, b’livell ta’ fiduċja ta’ 95 % f’konformità mal-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji ISPM 31(*). Fil-każ li tinsab frotta infestata waħda jew aktar matul dik l-ispezzjoni, il-frott speċifikat kollu mis-sit tal-produzzjoni rispettiv ikun ġie skwalifikat mill-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

4.

Mill-inqas 10 % tal-frott speċifikat destinat għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni jkun ġie spezzjonat minn persunal imħarreġ mill-faċilitajiet tal-ippakkjar għall-preżenza tal-pest speċifikat matul l-istadji differenti tal-klassifikazzjoni u l-ippakkjar tal-frott speċifikat. Dik l-ispezzjoni tkun inkludiet kampjunar distruttiv tal-frott speċifikat kollu li juri sintomi tal-pest speċifikat.

C.   Traċċabilità u spezzjonijiet uffiċjali qabel l-esportazzjoni

1.

It-traċċabbiltà għas-sit tal-produzzjoni u l-faċilitajiet tal-ippakkjar ġiet żgurata f’kull ħin.

2.

Qabel l-esportazzjoni, 2 % tal-frott speċifikat tal-kunsinna jkun ġie soġġett għal spezzjonijiet uffiċjali għall-preżenza tal-pest speċifikat, inkluż kampjunar distruttiv f’każ ta’ sintomi, u jkunu nstabu liberi mill-pest speċifikat.