20.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 243/141


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1619

tad-19 ta’ Settembru 2022

li jemenda l-Anness XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 fir-rigward tal-entrata għall-Botswana fil-lista ta’ pajjiżi terzi awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ laħam frisk ta’ ċerti ungulati

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 230(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi, fost l-oħrajn, ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, u japplika mill-21 ta’ April 2021. Wieħed minn dawk ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali hu li dawk il-konsenji jridu jkunu ġejjin minn pajjiż terz jew territorju, żona jew kompartiment tiegħu, kif elenkat f’konformità mal-Artikolu 230(1) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ċerti speċijiet u kategoriji ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali minn pajjiżi terzi jew territorji jew żoni tagħhom, jew minn kompartimenti tagħhom fil-każ ta’ annimali tal-akkwakultura. Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/692 jipprevedi li konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jistgħu jitħallew jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu ġejjin minn pajjiż terz jew territorju, jew żona jew kompartiment tiegħu, kif elenkat għall-ispeċijiet u l-kategoriji partikolari tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali f’konformità mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dak ir-Regolament Delegat.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (3) jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni jew kompartimenti tagħhom, li minnhom hu permess id-dħul fl-Unjoni ta’ dawk l-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692.

(4)

B’mod partikolari, l-Anness XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ laħam frisk ta’ ċerti ungulati.

(5)

Fit-30 ta’ Awwissu 2022, il-Botswana nnotifikat lill-Kummissjoni dwar tifqigħa tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer (FMD). It-tifqigħa tinsab fiż-Żona ta’ Butale, fir-Reġjun tal-Grigal ta’ dak il-pajjiż terz u fiż-żona ta’ kontroll tal-mard 6b deżinjata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Botswana, u ġiet ikkonfermata fis-27 ta’ Awwissu 2022 permezz ta’ analiżi tal-laboratorju (RT-PCR).

(6)

Il-lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom stabbilita fl-Anness XIII tar-Regolament (UE) 2021/404 tispeċifika li huwa awtorizzat id-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ laħam frisk ta’ ċerti ungulati miż-żona BW-5 fil-Botswana, li tikkonsisti miż-żoni ta’ kontroll tal-mard 6a u 6b.

(7)

Minħabba r-riskju ta’ introduzzjoni tal-FMD fl-Unjoni marbut mad-dħul ta’ konsenji ta’ laħam frisk ta’ ċerti ungulati miż-żona ta’ kontroll tal-mard 6b fil-Botswana, jenħtieġ li ma jibqax jiġi awtorizzat id-dħul fl-Unjoni ta’ dawn il-konsenji.

(8)

Għalhekk, l-entrata għall-Botswana fil-lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom stabbilita fl-Anness XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jenħtieġ li tiġi emendata biex titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali f’dak il-pajjiż terz.

(9)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 jiġi emendat kif xieraq.

(10)

Filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fil-Botswana fir-rigward tal-FMD, l-emendi li jridu jsiru fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jsiru effettivi b’urġenza.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1).


ANNESS

L-Anness XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-Parti 1, tiddaħħal l-entrata li ġejja għaż-żona BW-6 fil-Botswana bejn l-entrata għaż-żona BW-5 fil-Botswana u l-entrata għaż-żona BZ-0 fil-Belize:

“BW-6

Annimali bovini

BOV

Maturazzjoni u dissussar

Mingħajr ġewwieni

 

27.8.2022”

 

Annimali ovini u kaprini

OVI

 

Ungulati tal-kaċċa mrobbija

RUF

 

Ungulati tal-kaċċa selvaġġi

RUW

 

(2)

Fil-Parti 2, l-entrata għall-Botswana hija emendata kif ġej:

(a)

l-entrata għaż-żona BW-5 fil-Botswana hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-Botswana

BW-5

Iż-żona ta’ kontroll tal-mard veterinarju 6a”

(b)

tiddaħħal l-entrata li ġejja għaż-żona BW-6 fil-Botswana bejn l-entrata għaż-żona BW-5 fil-Botswana u l-entrata għaż-żona NA-1 fin-Namibja:

“Il-Botswana

BW-6

Iż-żona ta’ kontroll tal-mard veterinarju 6b”