14.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 237/9 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1524
tat-8 ta’ Settembru 2022
dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti. |
(3) |
Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella. |
(4) |
Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa fir-rigward tal-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, għal ċertu perjodu tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dak il-perjodu jkun ta’ tliet xhur. |
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.
Artikolu 2
L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Settembru 2022.
Għall-Kummissjoni
Gerassimos THOMAS
Direttur Ġenerali
Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).
ANNESS
Deskrizzjoni tal-oġġetti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi NM) |
Raġunijiet |
(1) |
(2) |
(3) |
Oġġett (imsejjaħ kutra tal-pikniks), b’daqs ta’ madwar 200 cm x 150 cm, magħmul minn żewġ saffi ta’ drappijiet tessili nnittjati (ta’ fibri sintetiċi), li wieħed minnhom ikun illaminat b’folja tal-plastik fuq naħa waħda. Iż-żewġ saffi tad-drappijiet tessili huma magħqudin flimkien b’bordura meħjuta mal-erba’ naħat b’faxxa tessili minsuġa żgħira. Is-saff laminat jipproteġi kontra l-umdità u l-ħmieġ tal-art, iżda mhuwiex impermeabbli għall-ilma. Meta jiġi rrumblat, l-oġġett jista’ jinżamm magħluq permezz ta’ flap imwaħħla, magħmula minn drappijiet tessili nnittjati b’sistema tal-għeluq tat-tip velcro, u jista’ jinġarr permezz ta’ maqbad (ċinga tessili) imwaħħal mal-flap. (Ara l-istampa) (*1) |
6306 90 00 |
Il-klassifikazzjoni hija stabbilita mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, min-Nota 7(d) u (f) tat-Taqsima XI u min-Nota 2(a) tal-Kapitolu 59 tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 6306 u 6306 90 00 . Minħabba l-materjali tal-prodott (drappijiet innittjati ta’ fibri sintetiċi tal-intestatura 6006 u drappijiet tessili nnittjati llaminati bil-plastik tal-intestatura 5903 ) l-oġġett huwa oġġett tessili tat-Taqsima XI. Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 6301 bħala gverta hija eskluża, minħabba li l-oġġett ma għandux il-karatteristiċi oġġettivi tipiċi ta’ gverta, pereżempju li jkun tajjeb biex jiddawwar mal-ġisem jew jgħatti l-ġisem ta’ persuna biex ma tħossx il-bard. Dan l-oġġett sempliċement jipproteġi persuna bilqiegħda fuqu mill-umdità u mill-ħmieġ tal-art. Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 6304 bħala oġġetti oħra tad-dar hija eskluża, minħabba li l-oġġett mhuwiex maħsub għall-użu fuq ġewwa, iżda għall-użu mal-art fil-beraħ. Ara n-Nota ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HSEN) tal-intestatura 6304 , l-ewwel paragrafu. Abbażi tal-karatteristiċi oġġettivi tiegħu (ħafif, illaminat għall-protezzjoni, faċli biex jinfetaħ u biex jiġi ppakkjat, u faċli biex jiġi trasportat), l-oġġett huwa intiż għall-użu fuq barra biex jittieħed, pereżempju, fil-kampeġġi, fejn il-baħar, eċċ. u biex jintuża hemmhekk b’mod temporanju (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda għas-subintestatura 6306 90 00 ). Għaldaqstant l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 6306 90 00 bħala oġġetti oħra għall-ikkampjar. |
(*1) L-istampa hija biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.