14.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 237/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1522

tat-8 ta’ Settembru 2022

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa fir-rigward tal-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dak il-perjodu jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li mhijiex konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Kit ta’ sistema ta’ ffissar tas-sinsla tad-dahar li tikkonsisti, inter alia, minn viti, vireg, pjanċi, ganċijiet, konnetturi laterali għall-impjantar fil-ġisem tal-bniedem għal trattamenti mediċi differenti.

Skont id-dijanjożi medika (frattura, deformazzjoni eċċ. tas-sinsla tad-dahar) diversi partijiet tal-oġġett jistgħu jiġu assemblati biex jiffurmaw sistema ta’ ffissar tas-sinsla tad-dahar (jiġifieri, impjant) waqt operazzjoni. L-impjant jgħaqqad u jsostni l-vertebri, pereżempju, wara frattura jew jisforza l-vertebri lura f’posthom, pereżempju, fil-każ ta’ skoljożi jew iżomm il-vertebri fil-pożizzjoni tagħhom u jsostnihom, pereżempju, fil-każ ta’ mard deġenerattiv tad-diski.

L-oġġett huwa ugwalment adattat għal kull wieħed minn dawk it-trattamenti mediċi.

(Ara l-istampa tal-prodott assemblat)  (*1)

9021 10 90

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali (GIR) 1, 2(a), 3(c) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, In-Nota 6 tal-Kapitolu 90 tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 9021 , 9021 10 , 9021 10 10 u 9021 10 90 .

L-oġġett mhux assemblat għandu l-karattru essenzjali tal-oġġett lest skont it-tifsira tal-GIR 2(a). L-oġġett lest huwa apparat (sistema ta’ ffissar tas-sinsla tad-dahar) li, meta jiġi impjantat fil-ġisem tal-bniedem, jgħaqqad il-vertebri jew iżomm jew jisforza l-vertebri f’posthom. Skont il-funzjoni reali li l-oġġett eventwalment ikollu fil-ġisem, dan huwa jew apparat għall-fratturi (tal-kodiċi NM 9021 10 90 ) jew apparat ortopediku (tal-kodiċi NM 9021 10 10 ). Fil-funzjoni tiegħu bħala apparat ortopediku, jipprevjeni jew jikkoreġi d-deformitajiet tal-ġisem (pereżempju, fil-każ ta’ skoljożi) jew isostni jew iżomm partijiet tal-ġisem (pereżempju, fil-każ ta’ mard deġenerattiv tad-diski) skont it-tifsira tan-Nota 6 tal-Kapitolu 90.

Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 9021 90 90 hija eskluża minħabba li l-prodott huwa kopert minn intestaturi aktar speċifiċi.

Fil-mument tal-importazzjoni, la l-użu reali u lanqas l-użu maħsub tal-oġġett bħala apparat għall-fratturi jew apparat ortopediku ma jkun magħruf. L-użu maħsub tal-oġġett mhuwiex inerenti għalih, minħabba li mhuwiex possibbli li jiġi determinat mill-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi jekk se jsirx apparat għall-fratturi jew apparat ortopediku, minħabba li huwa ugwalment adattat għaż-żewġ skopijiet.

Konsegwentement, fil-mument tal-importazzjoni, il-funzjoni ewlenija tal-oġġett skont it-tifsira tan-Nota 3 tal-Kapitolu 90 flimkien man-Nota 3 tat-Taqsima XVI la hija magħrufa u lanqas tista’ tiġi determinata mill-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu. Għalhekk l-oġġett irid jiġi klassifikat fl-aħħar f’ordni numerika fost il-kodiċijiet NM li jixraqilhom li jitqiesu b’mod ugwali skont it-tifsira tal-GIR 3(c) flimkien mal-GIR 6.

Konsegwentement, l-oġġett irid jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 9021 10 90 bħala qassab u apparat ieħor għall-fratturi.

Image 1


(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.