13.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 236/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1518

tad-29 ta’ Marzu 2022

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 rigward l-inklużjoni ta’ ċerti prekursuri tad-droga fil-lista ta’ sustanzi skedati

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 30a tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 jistabbilixxi miżuri għall-monitoraġġ tal-kummerċ fil-prekursuri tad-droga fl-Unjoni, filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 111/2005 jirregola l-kummerċ fil-prekursuri tad-droga bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi. L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 u l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 fihom lista ta’ sustanzi skedati li huma soġġetti għal għadd ta’ miżuri ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ armonizzati previsti f’dawk ir-Regolamenti.

(2)

L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali rrappurtaw il-qbid tal-etil alfa-fenilaċetoaċetat (EAPA) u tal-metil 3-osso-2-(3,4-metilenediossifenil)butanoat (MAMDPA) fil-kuntest tal-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi.

(3)

L-EAPA jintuża biex jiġi prodott il-1-Fenil-2-propanon (P-2-P), magħruf ukoll bħala benżil metil keton (BMK). Il-BMK bħala prekursur tal-amfetammina u l-metamfetammina.

(4)

L-MAMDPA jintuża biex jiġi prodott it-3,4-Metilenediossifenilpropan-2-on (PMK), li, fih innifsu, huwa prekursur tat-3,4-metilenediossimetamfetammina (MDMA), magħruf b’mod komuni bħala “ekstasi”.

(5)

L-amfetammina, il-metamfetammina u l-MDMA huma xi wħud mill-aktar drogi komuni li jiġu prodotti b’mod illeċitu fl-Unjoni. Għandhom konsegwenzi serji għas-saħħa tal-bniedem u qed jikkawżaw problemi serji soċjali u ta’ saħħa pubblika fi wħud mir-reġjuni tal-Unjoni.

(6)

Għalhekk, l-EAPA u l-MAMDPA jenħtieġ li jkunu skedati fil-livell tal-Unjoni biex jiġu rinforzati l-kontroll u l-monitoraġġ tagħhom.

(7)

Is-sustanzi skedati elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 u fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 huma maqsuma f’kategoriji li għalihom japplikaw miżuri differenti, sabiex jintlaħaq bilanċ proporzjonat bejn il-livell ta’ riskju maħluq minn kull sustanza speċifika u l-piż fuq il-kummerċ leċitu. Il-kontrolli u l-miżuri ta’ monitoraġġ l-aktar stretti japplikaw għas-sustanzi fil-Kategorija 1.

(8)

L-EAPA u l-MAMDPA, bħala prekursuri tal-amfetammina, tal-metamfetammina u tal-MDMA, joħolqu theddid sinifikanti għas-saħħa soċjali u pubblika fl-Unjoni. Ma għandhom l-ebda produzzjoni, kummerċ jew użu leċitu magħruf, ħlief għal skopijiet ta’ riċerka. Għalhekk, l-inklużjoni tagħhom fil-Kategorija 1 fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 u fil-Kategorija 1 fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 tkun rispons xieraq biex jiġi evitat l-użu tagħhom fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi u, fl-istess ħin, ma toħloqx piż amministrattiv żejjed sinifikanti għall-operaturi ekonomiċi u għall-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 273/2004 u (KE) Nru 111/2005 jiġu emendati skont dan.

(10)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 273/2004 u (KE) Nru 111/2005 flimkien jimplimentaw ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi, li saret fi Vjenna fl-20 ta’ Diċembru 1988 u li ġiet approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE (3). Fid-dawl tar-rabta sostantiva mill-qrib bejn is-setgħat f’dawk iż-żewġ Regolamenti, huwa xieraq li l-emendi jiġu adottati permezz ta’ att delegat wieħed,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 273/2004

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 huwa emendat skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 111/2005

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 47, 18.2.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 22, 26.1.2005, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE tat-22 ta’ Ottubru 1990 fir-rigward tal-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi (ĠU L 326, 24.11.1990, p. 56).


ANNESS I

Fir-Regolament (KE) Nru 273/2004, fl-Anness I, fit-tabella tal-Kategorija 1, jiddaħħlu l-entrati li ġejjin fil-lista ta’ sustanzi fil-post xieraq skont is-sekwenza tal-Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda:

Sustanza

Deżinjazzjoni NM (jekk hi differenti)

Kodiċi NM

Nru CAS

“etil alfa-fenilaċetoaċetat (EAPA)  (*1)

 

Ex29183000

5413-05-8

metil 3-osso-2-(3,4-metilenediossifenil)butanoat (MAMDPA)  (*2)

metil 3-osso-2-(3,4-metilenediossifenil)butanoat

Ex29329900

1369021-80-6


(*1)  magħruf ukoll bħala etil 3-osso-2-fenilbutanoat, skont il-IUPAC (l-Unjoni Internazzjonali tal-Kimika Pura u Applikata).

(*2)  magħruf ukoll bħala metil 2-(2H-1,3-benżodiossol-5-il)-3-ossobutanoat, skont il-IUPAC.”.


ANNESS II

Fir-Regolament (KE) Nru 111/2005, fl-Anness, fit-tabella tal-Kategorija 1, jiddaħħlu l-entrati li ġejjin fil-lista ta’ sustanzi fil-post xieraq skont is-sekwenza tal-Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda:

Sustanza

Deżinjazzjoni NM (jekk hi differenti)

Kodiċi NM

Nru CAS

“etil alfa-fenilaċetoaċetat (EAPA)  (*1)

 

Ex29183000

5413-05-8

metil 3-osso-2-(3,4-metilenediossifenil)butanoat (MAMDPA)  (*2)

metil 3-osso-2-(3,4-metilenediossifenil)butanoat

Ex29329900

1369021-80-6


(*1)  magħruf ukoll bħala etil 3-osso-2-fenilbutanoat, skont il-IUPAC (l-Unjoni Internazzjonali tal-Kimika Pura u Applikata).

(*2)  magħruf ukoll bħala metil 2-(2H-1,3-benżodiossol-5-il)-3-ossobutanoat, skont il-IUPAC.”.