|
7.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 232/8 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1475
tas-6 ta’ Settembru 2022
li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u l-għoti ta’ informazzjoni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 133 u l-Artikolu 143(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/2115 jistabbilixxi qafas legali ġdid għall-politika agrikola komuni (PAK) biex itejjeb it-twettiq tagħha tal-objettivi tal-Unjoni stipulati fit-Trattat. Dak ir-Regolament jispeċifika wkoll dawn l-objettivi tal-Unjoni li jeħtieġ jinkisbu mill-PAK u jiddefinixxi t-tipi ta’ intervent kif ukoll ir-rekwiżiti komuni tal-Unjoni applikabbli għall-Istati Membri, filwaqt li jħalli l-flessibilità lill-Istati Membri fit-tfassil tal-interventi li jeħtieġ jiġu pprovduti fil-Pjanijiet Strateġiċi tagħhom tal-PAK. |
|
(2) |
L-Artikolu 128 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jipprevedi li għandu jiġi stabbilit qafas ta’ prestazzjoni li jippermetti r-rapportar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK. |
|
(3) |
Bħala parti mill-qafas ta’ prestazzjoni, skont l-Artikolu 140 tar-Regolament (UE) 2021/2115 l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom matul l-implimentazzjoni u ex post u jfasslu pjan ta’ evalwazzjoni. Għal dak il-għan, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ċari u komuni dwar il-valutazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u dwar il-kontenut tal-pjanijiet ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi pprovdut appoġġ tekniku għall-Istati Membri u għall-partijiet ikkonċernati rilevanti. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 124(3)(d) u 124(4)(c) tar-Regolament (UE) 2021/2115, il-kumitat ta’ monitoraġġ għandu jeżamina l-progress li jkun sar fit-twettiq tal-evalwazzjonijiet, is-sinteżi tal-evalwazzjonijiet u kwalunkwe segwitu mogħti lis-sejbiet kif ukoll għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-pjan ta’ evalwazzjoni u l-emendi tiegħu. Huwa xieraq li jiġi stabbilit li l-Istati Membri jikkondividu l-informazzjoni dwar l-attivitajiet u s-sejbiet tal-evalwazzjoni, inkluż ir-riżultati tal-eżami tal-kumitat ta’ monitoraġġ, mal-Kummissjoni, peress li l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni hija meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-PAK imsemmija fl-Artikolu 141 ta’ dak ir-Regolament. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 131 u l-Artikolu 140(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà tad-data għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. Għal dak il-għan jeħtieġ li jiġu stabbiliti xi regoli komuni. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni disponibbli meħtieġa biex din tkun tista’ twettaq il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-PAK. B’mod partikolari, din l-informazzjoni se tippermetti lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ standards ta’ kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin tal-art (standards KAAT) kif stabbilit fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament, ta’ interventi f’ċerti setturi msemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu III, ta’ dak ir-Regolament, u l-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali (GAL) u l-attivitajiet tagħhom għal LEADER kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (15), ta’ dak ir-Regolament. Se tippermetti wkoll lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjonijiet tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK. Għad-data dwar il-gruppi operazzjonali tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikola (EIP) imsemmija fl-Artikolu 127(3) ta’ dak ir-Regolament, l-informazzjoni miġbura se ttejjeb in-networking bejn il-promoturi tal-proġetti u t-tixrid tas-sejbiet. Għal dak il-għan, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ċari u komuni dwar l-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-Istati Membri. |
|
(7) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2290 (2) jistabbilixxi regoli dwar il-metodi għall-kalkolu tal-indikaturi komuni tal-output u tar-riżultat stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115. Jenħtieġ li dawn ir-regoli jitqiesu għar-rapportar tad-data diżaggregata skont l-intervent imsemmi f’dan ir-Regolament. |
|
(8) |
Peress li l-Istati Membri jeħtieġ li jkollhom regoli dwar l-informazzjoni li għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sabiex jiżviluppaw l-għodod xierqa tal-IT u jistabbilixxu s-sistemi għall-ġbir tad-data qabel ma tibda l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK fl-1 ta’ Jannar 2023, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Agrikola Komuni, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
TITOLU I
EVALWAZZJONI TAL-PJANIJIET STRATEĠIĊI TAL-PAK
Artikolu 1
Valutazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni
1. Meta jevalwaw il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu mistoqsijiet ta’ evalwazzjoni u fatturi ta’ suċċess biex jivvalutaw il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 140(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115.
2. Meta jivvalutaw l-effettività tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri għandhom jużaw l-elementi ewlenin ta’ evalwazzjoni stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-loġika ta’ intervent tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u, fejn rilevanti għall-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, il-fatturi ta’ suċċess rakkomandati stabbiliti f’dak l-Anness.
3. Meta jivvalutaw l-effiċjenza tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri għandhom janalizzaw jekk l-effetti jew il-benefiċċji tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK ntlaħqux bi spiża raġonevoli u għandhom jivvalutaw is-simplifikazzjoni kemm għall-benefiċjarji kif ukoll għall-amministrazzjoni, b’enfasi speċjali fuq l-ispejjeż amministrattivi u fuq l-użu ta’ għodod diġitali u satelliti.
Artikolu 2
Evalwazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni
L-Istati Membri għandhom iwettqu l-evalwazzjonijiet tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom msemmija fl-Artikolu 140(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115 matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni kif ġej:
|
(a) |
l-Istati Membri għandhom jippjanaw l-evalwazzjonijiet tal-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/2115 li jkunu indirizzati fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, f’konformità mal-loġika ta’ intervent tal-Pjan Strateġiku tal-PAK, permezz ta’ evalwazzjonijiet oġġettivi jew komprensivi li jkopru diversi objettivi, jew jipprovdu ġustifikazzjoni tar-raġuni għaliex objettiv speċifiku ma jkunx ġie evalwat matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni; |
|
(b) |
l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom billi jużaw il-kriterji ta’ evalwazzjoni rilevanti u jivvalutaw l-impatti tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom filwaqt li jqisu l-kamp ta’ applikazzjoni, it-tip u l-adozzjoni tal-interventi tal-Pjan Strateġiku tal-PAK; |
|
(c) |
fejn rilevanti, l-Istati Membri għandhom iqisu l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-interventi, b’mod partikolari għal dawk l-interventi mhux implimentati fil-livell nazzjonali, iżda fil-livell reġjonali jew lokali; |
|
(d) |
fejn rilevanti, abbażi tal-ħtiġijiet ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri u b’kont meħud tal-loġika u l-implimentazzjoni tal-intervent tal-Pjan Strateġiku tal-PAK, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw ukoll l-interventi jew is-suġġetti speċifiċi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, bħall-arkitettura ambjentali u klimatika msemmija fl-Artikolu 109(2)(a) tar-Regolament (UE) 2021/2115, il-valur miżjud ta’ LEADER kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (15), ta’ dak ir-Regolament, in-networks tal-PAK imsemmija fl-Artikolu 126 ta’ dak ir-Regolament jew is-Sistema tal-Għarfien u tal-Innovazzjoni Agrikoli (AKIS) definita fl-Artikolu 3, il-punt (9), ta’ dak ir-Regolament; |
|
(e) |
L-Istati Membri għandhom iwettqu evalwazzjonijiet fil-ħin biex ikunu jistgħu jħejju l-perjodu sussegwenti tal-Pjan Strateġiku tal-PAK. Fejn rilevanti, l-Istati Membri għandhom jużaw ukoll data tal-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti. |
Artikolu 3
Evalwazzjonijiet ex post tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK
1. L-evalwazzjonijiet ex post imsemmija fl-Artikolu 140(6) tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandu jkun fihom valutazzjoni komprensiva tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u tal-implimentazzjoni tagħhom.
2. L-evalwazzjonijiet ex post għandhom jinkludu l-valutazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u tal-implimentazzjoni tagħhom abbażi ta’ kull wieħed mill-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-Unjoni u l-impatt imsemmi fl-Artikolu 140(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115 fir-rigward tal-kontribut tal-Pjan Strateġiku tal-PAK għall-ilħuq tal-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament u dawk l-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament li jkunu indirizzati mill-Pjan Strateġiku tal-PAK.
3. Wara li jlestu l-evalwazzjoni ex post, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw is-sejbiet tal-evalwazzjoni lill-Kummissjoni.
Artikolu 4
Pjan ta’ evalwazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom ifasslu pjan ta’ evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 140(4) tar-Regolament (UE) 2021/2115 f’konformità mal-loġika ta’ intervent tal-Pjan Strateġiku tal-PAK. Il-pjan ta’ evalwazzjoni għandu jikkonforma mar-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
2. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw fil-pjan ta’ evalwazzjoni l-partijiet ikkonċernati rilevanti li għandhom jitqiesu meta jiġu ppjanati l-evalwazzjoni u l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità. Fejn rilevanti, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw partijiet ikkonċernati għajr il-membri tal-kumitat ta’ monitoraġġ.
Artikolu 5
Rapportar tal-attivitajiet u s-sejbiet tal-evalwazzjoni
L-Istati Membri għandhom jaqsmu l-informazzjoni dwar l-attivitajiet u s-sejbiet tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 124(3)(d) u 124(4)(c) tar-Regolament (UE) 2021/2115 mal-Kummissjoni wara l-eżami mill-kumitat ta’ monitoraġġ, inkluż ir-riżultat ta’ dak l-eżami, mhux aktar tard minn xahar qabel il-laqgħa ta’ rieżami annwali msemmija fl-Artikolu 136 ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 6
Valutazzjoni tal-kontribut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK
1. L-evalwazzjonijiet tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għandhom ikunu bbażati fuq l-indikaturi komuni rilevanti tal-output, tar-riżultat, tal-impatt u tal-kuntest stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115. L-Istati Membri għandhom janalizzaw l-effetti tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK fuq l-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament.
2. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jużaw indikaturi speċifiċi fl-evalwazzjonijiet tagħhom differenti minn dawk stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115 jew kwalunkwe informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva rilevanti oħra biex ifasslu konklużjonijiet rilevanti dwar l-impatt tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK.
3. Fejn l-indikaturi komuni tar-riżultat jiġu espressi f’termini ta’ sehem jew għadd ta’ unitajiet rilevanti soġġetti għal ċerti interventi, l-Istati Membri għandhom jistmaw l-eżiti tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK bl-użu tal-effetti potenzjali ta’ dawn l-interventi.
4. Meta jivvalutaw intervent li ma jkunx marbut ma’ xi indikatur tar-riżultat b’mod konformi mal-Artikolu 111, it-tieni paragrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri għandhom jipprovdu valutazzjoni tajba ta’ dan l-intervent ibbażata fuq informazzjoni rilevanti dwar ir-riżultati tal-intervent u l-effetti tiegħu fir-rigward tal-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament.
5. L-Istati Membri għandhom jibbażaw il-valutazzjoni tagħhom tal-kontribut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK fuq l-iżvilupp tal-indikaturi tal-impatt stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115. L-Istati Membri għandhom jikkwantifikaw il-kontribut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għal dawn l-iżviluppi għal mill-inqas l-indikaturi tal-impatt komuni stabbiliti fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Data u appoġġ tekniku għall-evalwazzjonijiet
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà tad-data għall-evalwaturi biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom relatati mal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa mal-unitajiet statistiċi nazzjonali u, fejn rilevanti, reġjonali, maċ-ċentri ta’ riċerka, mal-impriżi u mal-fornituri tad-data biex jiżguraw id-disponibbiltà tad-data. Tali arranġamenti għandhom iqisu l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali rilevanti għall-evalwazzjonijiet u jinkludu l-użu statistiku ta’ data minn reġistri amministrattivi msemmija fl-Artikolu 143(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115.
3. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-ħtiġijiet għall-appoġġ tal-partijiet ikkonċernati u tal-amministrazzjonijiet involuti fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, inkluż l-GAL imsemmija fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), filwaqt li jqisu l-kapaċità diversa tal-istituzzjonijiet u tal-partijiet ikkonċernati f’termini ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.
4. Abbażi tal-ħtiġijiet identifikati, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu attivitajiet ta’ appoġġ, inkluż taħriġ, linji gwida u kwalunkwe attività rilevanti oħra ta’ bini tal-kapaċità, li għandhom jiġu implimentati min-network(s) nazzjonali tal-PAK imsemmija fl-Artikolu 126(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115 jew f’kollaborazzjoni magħhom.
5. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm ta’ ħidma annwali mal-awtoritajiet, mal-evalwaturi u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn kompetenti tal-Istati Membri, abbażi tal-ħtiġijiet tagħhom għall-appoġġ, li għandu jiġi implimentat min-network Ewropew għall-PAK imsemmi fl-Artikolu 126(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115, jew f’kollaborazzjoni miegħu.
TITOLU II
DATA GĦAT-TWETTIQ TAL-MONITORAĠĠ U TAL-EVALWAZZJONI TAL-PJANIJIET STRATEĠIĊI TAL-PAK
Artikolu 8
Kamp ta’ applikazzjoni tad- data li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri
F’konformità mal-Artikoli 9 sa 18, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja, meħtieġa biex din tkun tista’ twettaq il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-PAK:
|
(a) |
data diżaggregata dwar l-interventi u l-benefiċjarji; |
|
(b) |
il-proporzjon ta’ bwar permanenti stabbilit kull sena skont l-Artikolu 48(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 (4); |
|
(c) |
data dwar l-interventi f’ċerti setturi, imsemmija fit-Titolu III, Kapitolu III, tar-Regolament (UE) 2021/2115; |
|
(d) |
data dwar il-gruppi operazzjonali tal-EIP imsemmija fl-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115; |
|
(e) |
data dwar l-GAL u l-attivitajiet tagħhom għal LEADER kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (15), tar-Regolament (UE) 2021/2115. |
Artikolu 9
Data diżaggregata dwar l-interventi
1. Id-data diżaggregata dwar l-interventi msemmija fl-Artikolu 8, il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament għandha tkopri l-interventi kollha fil-forma ta’ pagamenti diretti msemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu II, tar-Regolament (UE) 2021/2115, inkluż il-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton imsemmi f’dak il-Kapitolu, it-Taqsima 3, is-Subtaqsima 2, u l-interventi kollha għall-iżvilupp rurali msemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu IV, ta’ dak ir-Regolament, esklużi l-interventi għal LEADER imsemmija fl-Artikolu 8, il-punt (e), ta’ dan ir-Regolament.
2. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw id-data diżaggregata msemmija fl-ewwel paragrafu għal kull sena finanzjarja agrikola skont l-ammont ta’ unità, għal kull applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-ħlas ta’ kull benefiċjarju. It-tranżazzjonijiet kollha mwettqa matul is-sena finanzjarja agrikola għandhom jinġabru fil-qosor.
3. Regoli dettaljati dwar il-kontenut ta’ data diżaggregata dwar l-interventi huma stabbiliti fl-Anness IV, punti 1, 2 u 3.
Artikolu 10
Data diżaggregata dwar il-benefiċjarji
1. Id-data diżaggregata dwar il-benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 8, il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament għandha tinkludi informazzjoni dwar il-bdiewa fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2021/2115 u l-benefiċjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (13), ta’ dak ir-Regolament li jirċievu appoġġ taħt interventi koperti mis-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll imsemmija fl-Artikolu 65(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (5) (is-“sistema integrata”).
2. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw id-data diżaggregata dwar il-benefiċjarji għal kull sena finanzjarja agrikola.
3. Regoli dettaljati dwar il-kontenut ta’ data diżaggregata dwar il-benefiċjarji huma stabbiliti fl-Anness IV, il-punt 4.
Artikolu 11
Proporzjon ta’ bwar permanenti
Il-proporzjon ta’ bwar permanenti msemmija fl-Artikolu 8, il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi nnotifikat fil-livell stabbilit mill-Istati Membri skont l-Artikolu 48(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament Delegat (UE) 2022/126.
Artikolu 12
Data dwar l-interventi f’ċerti setturi
1. Id-data dwar l-interventi f’ċerti setturi msemmija fl-Artikolu 8, il-punt (c), ta’ dan ir-Regolament għandha tinkludi data dwar l-interventi fis-setturi elenkati fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2021/2115.
2. Ir-regoli dettaljati dwar il-kontenut tad-data dwar l-interventi f’dawk is-setturi huma stabbiliti fl-Anness V.
Artikolu 13
Data dwar il-gruppi operazzjonali tal-EIP
1. Id-data dwar il-gruppi operazzjonali tal-EIP imsemmija fl-Artikolu 8, il-punt (d), ta’ dan ir-Regolament għandha tinkludi informazzjoni dwar proġetti ta’ gruppi operazzjonali tal-EIP imsemmija fl-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115.
2. Ir-regoli dettaljati dwar il-kontenut tad-data dwar il-gruppi operazzjonali tal-EIP huma stabbiliti fl-Anness VI.
Artikolu 14
Data dwar il-GAL u l-attivitajiet tagħhom għal LEADER
1. Id-data dwar il-GAL u l-attivitajiet tagħhom għal LEADER imsemmija fl-Artikolu 8, il-punt (e), ta’ dan ir-Regolament għandha tinkludi informazzjoni dwar l-interventi implimentati abbażi tal-Artikolu 77(1)(b) tar-Regolament (UE) 2021/2115.
2. Ir-regoli dettaljati dwar il-kontenut tad-data dwar il-GAL u l-attivitajiet tagħhom għal LEADER huma stabbiliti fl-Anness VII.
Artikolu 15
Data u frekwenza tat-trażmissjoni tad- data
1. Mis-sena ta’ rapportar 2025 ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw id-data diżaggregata dwar l-interventi u l-benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 8, il-punt (a), kull sena sat-30 ta’ April tas-sena N fir-rigward tal-interventi li għalihom ikunu saru pagamenti fis-sena finanzjarja agrikola N-1.
Fl-2024, l-Istati Membri jistgħu jirrapportaw id-data diżaggregata dwar l-interventi fir-rigward tal-interventi mħallsa fis-sena finanzjarja agrikola 2023 sat-30 ta’ Novembru 2024. Jekk l-Istati membri ma jirrapportawx id-data diżaggregata dwar interventi fl-2024, għandhom jirrapportawhom fl-2025 b’mod konformi mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.
B’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, id-data dwar il-benefiċjarji relatata maż-żona ddikjarata u mal-art f’kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin għandha tiġi rrapportata, fis-sena N, fir-rigward ta’ interventi li għalihom ikunu ntalbu pagamenti fis-sena kalendarja N-2.
2. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull sena l-proporzjon ta’ bwar permanenti msemmija fl-Artikolu 8, il-punt (b), sal-15 ta’ Marzu tas-sena N fir-rigward taż-żona ddikjarata fis-sena kalendarja N-1. L-ewwel sena ta’ rapportar għandha tkun l-2024.
3. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull sena d-data dwar l-interventi f’ċerti setturi msemmija fl-Artikolu 8, il-punt (c), sa:
|
(a) |
il-15 ta’ Ġunju tas-sena N fir-rigward tad-data tas-sena kalendarja N-1 imsemmija fil-punti 1, 2(a) u (c), u 3 sa 7 tal-Anness V; |
|
(b) |
il-31 ta’ Jannar tas-sena N fir-rigward tad-data tas-sena kalendarja N imsemmija fil-punt 2(b) tal-Anness V; |
|
(c) |
il-15 ta’ Ġunju tas-sena N fir-rigward tad-data tas-sena finanzjarja N-1 imsemmija fil-punti 8 sa 10 tal-Anness V. |
L-ewwel sena ta’ rapportar għandha tkun l-2023 għad-data msemmija fil-punt 1 u 2(b) tal-Anness V, l-2024 għad-data msemmija fil-punti 2(a) u (c), u 3 sa 7 ta’ dak l-Anness u l-2025 għad-data msemmija fil-punti 8 sa 10 ta’ dak l-Anness.
B’deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu, għas-settur tal-apikultura, għandu japplika dan li ġej:
|
(a) |
l-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull sentejn id-data msemmija fil-punti 5 u 6 tal-Anness V; |
|
(b) |
id-data msemmija fil-punt 5 tal-Anness V għandha tkopri s-sena kalendarja ta’ qabel is-sena ta’ rapportar; |
|
(c) |
id-data msemmija fil-punt 6 tal-Anness V għandha tkopri s-sentejn kalendarji ta’ qabel is-sena ta’ rapportar; |
|
(d) |
l-ewwel sena ta’ rapportar għandha tkun l-2023 għad-data msemmija fil-punti 4, 5 u 6 tal-Anness V u l-2024 għall-punt 9 ta’ dak l-Anness. Fl-2023, id-data msemmija fil-punti 5 u 6 tal-Anness V tista’ tiġi rrapportata sal-15 ta’ Settembru. |
4. L-Istati Membri għandhom jibdew jirrapportaw id-data dwar il-gruppi operazzjonali tal-EIP imsemmija fl-Artikolu 8, il-punt (d), hekk kif jiġi approvat il-proġett tal-grupp operazzjonali, mill-2023.
5. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw id-data dwar il-GAL u l-attivitajiet tagħhom għal LEADER imsemmija fl-Artikolu 8, il-punt (e), kif ġej:
|
(a) |
sat-30 ta’ April 2026 fir-rigward tal-operazzjonijiet imħallsa fis-snin finanzjarji mill-2023 sal-2025, b’mod kumulattiv; u |
|
(b) |
sat-30 ta’ April 2030 fir-rigward tal-operazzjonijiet imħallsa fis-snin finanzjarji mill-2023 sal-2029, b’mod kumulattiv. |
B’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, id-data relatata mal-varjabbli tal-GAL stabbiliti fl-Anness VII, punt 1, għandha tiġi rrapportata sat-30 ta’ April tas-sena N għall-GAL magħżula sal-31 ta’ Diċembru tas-sena N-1.
Artikolu 16
Trasferiment tad- data
1. Id-data msemmija fl-Artikolu 8, il-punti (a), (b), (d) u (e), għandha tiġi ttrasferita lill-Kummissjoni permezz tas-sistema elettronika għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni msejħa “SFC2021”, li għaliha r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri huma stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2289 (6).
Id-data msemmija fl-Artikolu 8, il-punt (c), għandha tiġi ttrasferita lill-Kummissjoni permezz tas-sistema bbażata fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni magħmula disponibbli mill-Kummissjoni skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 (7).
2. Għad-data diżaggregata dwar l-interventi u l-benefiċjarji li għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 8, il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament, l-aġenzija tal-pagamenti msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2021/2116 jew, fejn aktar minn aġenzija tal-pagamenti waħda tkun akkreditata fi Stat Membru, il-korp ta’ koordinazzjoni msemmi fl-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament, għandu jittrasferixxi d-data lill-Kummissjoni.
3. Għall-proporzjon fuq il-bwar permanenti, id-data li għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 8, il-punt (b) għandha tiġi ttrasferita mill-aġenzija tal-pagamenti jew mill-korp ta’ koordinazzjoni.
4. Għad-data dwar l-interventi f’ċerti setturi li għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 8, il-punt (c), id-data dwar il-gruppi operazzjonali tal-EIP li għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 8, il-punt (d), u d-data dwar il-GAL u l-attivitajiet tagħhom għal LEADER li għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 8, il-punt (e), id-data tista’ tiġi ttrasferita mill-Istati Membri jew minn kwalunkwe entità(jiet) awtorizzata/i mill-Istati Membri.
Artikolu 17
Data kompluta kif xieraq
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 tkun kompluta u awtokonsistenti, kif ukoll li l-kontenut tagħha jiġi rreġistrat u ppreżentat f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi IV sa VII. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli bbażati fuq il-kompjuter.
Artikolu 18
Kontrolli tad- data u korrezzjoni tad- data
1. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-korrezzjonijiet tal-iżbalji klerikali jew ovvji jew tal-iżbalji ta’ natura purament editorjali tad-data msemmija fl-Artikolu 8.
2. L-Istati Membri għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni f’każ ta’ sottomissjoni ta’ data żbaljata jew f’każ li tinqala’ problema bit-trasferiment tad-data, u jikkoreġu d-data.
3. Mingħajr preġudizzju għall-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ twettaq kontrolli bil-għan li tivverifika jekk l-Istati Membri pprovdewx data kompluta u awtokonsistenti kif xieraq. Fil-każ ta’ sottomissjoni ta’ data żbaljata, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri jikkoreġu d-data pprovduta.
Artikolu 19
Użu tad- data
Il-Kummissjoni ma għandhiex tiżvela jew tuża d-data personali miksuba skont dan ir-Regolament għal finijiet oħrajn għajr biex twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha fil-kuntest tal-qafas ta’ prestazzjoni skont it-Titolu VII, il-Kapitolu I, tar-Regolament (UE) 2021/2115, u biex timmonitorja u tevalwa l-PAK skont l-Artikolu 143 ta’ dak ir-Regolament.
TITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
l-Artikolu 20
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Settembru 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2290 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar il-metodi għall-kalkolu tal-indikaturi komuni tal-output u tar-riżultat stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115 (ĠU L 458, 22.12.2021, p. 486).
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tipi ta’ intervent speċifikati mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għall-perjodu mill-2023 sal-2027 skont dak ir-Regolament kif ukoll regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 52).
(5) Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187).
(6) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2289 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-preżentazzjoni tal-kontenut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u dwar is-sistema elettronika għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni (ĠU L 458, 22.12.2021, p. 463).
(7) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).
ANNESS I
ELEMENTI EWLENIN TA’ EVALWAZZJONI U FATTURI TA’ SUĊĊESS RAKKOMANDATI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(2)
|
Objettiv |
Elementi ewlenin li għandhom jiġu vvalutati |
Fatturi ta’ suċċess rakkomandati |
|
Li jingħata appoġġ għall-introjtu vijabbli tal-azjendi agrikoli u r-reżiljenza tas-settur agrikolu fl-Unjoni kollha biex jittejbu s-sigurtà tal-ikel u d-diversità agrikola fit-tul kif ukoll biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ekonomika tal-produzzjoni agrikola fl-Unjoni |
L-introjtu vijabbli tal-azjendi agrikoli Introjtu vijabbli tal-azjendi agrikoli jfisser mhux biss introjtu stabbli iżda wkoll introjtu mqassam b’mod ġust. |
Il-livell ta’ introjtu agrikolu fl-azjendi agrikoli appoġġati qed jiżdied jew, tal-anqas, huwa stabbli u d-disparitajiet bejn l-azjendi agrikoli u setturi ekonomiċi oħra qed jonqsu, meta jitqiesu x-xejriet ġenerali tal-ekonomija. |
|
Ir-reżiljenza Ir-reżiljenza tinkludi l-appoġġ lill-bdiewa li qed jiffaċċjaw riskji potenzjali u limitazzjonijiet speċifiċi li jistgħu jġiegħluhom iwaqqfu l-attività agrikola. |
L-appoġġ għall-introjtu jitqassam lill-bdiewa l-aktar fil-bżonn. |
|
|
Li tissaħħaħ l-orjentazzjoni lejn is-suq u tiżdied il-kompetittività tal-azjendi agrikoli kemm fuq terminu qasir kif ukoll fit-tul, inkluż permezz ta’ aktar enfasi fuq ir-riċerka, it-teknoloġija u d-diġitalizzazzjoni |
L-orjentazzjoni msaħħa lejn is-suq Abbażi tal-bilanċ tal-kummerċ agroalimentari (importazzjoni-esportazzjoni). |
Il-kummerċ agroalimentari qed jiżdied. |
|
Il-kompetittività tal-azjendi agrikoli Abbażi taż-żieda fil-kapital, fix-xogħol u fil-produttività tal-art permezz tal-innovazzjoni. |
Il-produttività fl-azjendi agrikoli appoġġati qed tiżdied. |
|
|
Li tittejjeb il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-valur |
Il-pożizzjoni tal-bidwi fil-katina alimentari L-integrazzjoni tal-bdiewa fil-katina alimentari u l-parteċipazzjoni fi skemi ta’ kwalità u fil-produzzjoni organika biex jiżdied il-valur miżjud. |
Is-sehem tal-produzzjoni kummerċjalizzata skont l-iskemi tal-kwalità u l-produzzjoni organika qed jiżdied. Is-sehem tal-produzzjoni kummerċjalizzata mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi (OP) u forom oħra ta’ organizzazzjonijiet tal-bdiewa appoġġati qed jiżdied. Il-valur miżjud gross għall-bdiewa f’OP u f’forom oħra ta’ organizzazzjonijiet tal-bdiewa jew li jipparteċipaw fi skemi tal-kwalità u fil-produzzjoni organika qed jiżdied. |
|
Li jingħata kontribut għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-adattament għalih, inkluż billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jissaħħaħ is-sekwestru tal-karbonju, kif ukoll għall-promozzjoni tal-enerġija sostenibbli |
Il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima Abbażi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) u s-sekwestru tal-karbonju. |
L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-agrikoltura qed jonqsu. Is-sekwestru tal-karbonju organiku fil-ħamrija qed jiżdied jew jinżamm. Il-kapaċità tal-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli qed tiżdied. |
|
L-adattament għat-tibdil fil-klima Abbażi tar-reżiljenza tal-agrikoltura għat-tibdil fil-klima. |
Ir-reżiljenza tal-agrikoltura għat-tibdil fil-klima qed tiżdied. |
|
|
Li jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli u l-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi naturali bħall-ilma, il-ħamrija u l-arja, inkluż billi titnaqqas id-dipendenza fuq sustanzi kimiċi |
Il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali Abbażi tal-preservazzjoni jew it-tisħiħ tal-kwalità u tal-kwantità tar-riżorsi naturali billi jitnaqqsu s-sustanzi niġġiesa u l-isfruttament. |
L-emissjonijiet tal-ammonijaka fl-agrikoltura, it-tnixxija tan-nutrijenti u l-erożjoni tal-ħamrija qed jonqsu. Il-bilanċ tan-nutrijenti fuq l-art agrikola qed jitjieb, biex b’hekk jitnaqqas it-telf ta’ nutrijenti. Il-pressjoni fuq il-ġibjuni tal-ilma naturali qed tonqos. L-użu u r-riskju ta’ pestiċidi kimiċi u l-użu ta’ pestiċidi aktar perikolużi qed jonqsu. |
|
Li jingħata kontribut għall-waqfien u t-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità, jissaħħu s-servizzi tal-ekosistema u jiġu ppreservati l-ħabitats u l-pajsaġġi |
It-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità Abbażi tal-bijodiversità u l-ħabitats fl-art agrikola jew f’żoni oħra affettwati minn prattiki agrikoli jew tal-forestrija. |
Il-bijodiversità relatata mal-art agrikola qed titjieb jew, tal-anqas, it-telf tal-bijodiversità waqaf. Il-bijodiversità fiż-żoni ta’ Natura 2000 affettwati mill-agrikoltura jew mill-forestrija qed titjieb jew, tal-anqas, it-telf tal-bijodiversità waqaf. L-agrobijodiversità qed tiżdied. |
|
Is-servizzi tal-ekosistema Abbażi tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ li jikkontribwixxu għas-servizzi tal-ekosistema billi jospitaw speċijiet rilevanti (eż. permezz tad-dakkir, il-kontroll tal-pesti), permezz ta’ proċessi bijofiżiċi (eż. permezz tal-kontroll tal-erożjoni, iż-żamma tal-kwalità tal-ilma), jew permezz ta’ valuri kulturali (eż. il-valur estetiku). |
Ix-xejriet tad-dakkara qed jitjiebu, jew, tal-anqas, huma stabbli. Iż-żona koperta mill-karatteristiċi tal-pajsaġġ fl-art agrikola qed tiżdied jew tinżamm. |
|
|
Li jiġu attirati u jingħata appoġġ lill-bdiewa żgħażagħ u lil bdiewa ġodda oħrajn u jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ negozju sostenibbli fiż-żoni rurali |
It-tiġdid tal-bdiewa Abbażi tal-appoġġ għall-istabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ u ta’ bdiewa ġodda u tal-kontinwità. |
L-għadd ta’ bdiewa żgħażagħ u ġodda qed jiżdied. |
|
L-iżvilupp tan-negozju Abbażi tal-appoġġ għall-bidu ta’ negozji rurali ġodda u għad-diversifikazzjoni tal-azjendi agrikoli |
L-għadd ta’ negozji rurali qed jiżdied. |
|
|
Li jiġu promossi l-impjiegi, it-tkabbir, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluża l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-biedja, l-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp lokali fiż-żoni rurali, inkluża l-bijoekonomija ċirkolari u l-forestrija sostenibbli |
L-ekonomija rurali sostenibbli Abbażi tat-tkabbir ekonomiku u l-promozzjoni tal-impjiegi. |
L-ekonomija taż-żoni rurali qed tikber jew, tal-anqas, hija stabbli u d-distakk urban-rurali qed jonqos. Ir-rata ta’ impjieg fiż-żoni rurali qed titjieb. In-negozju relatat mal-bijoekonomija qed jiżdied. Il-forestrija sostenibbli qed tiżdied. |
|
L-iżvilupp lokali Il-forniment ta’ servizzi u infrastruttura lokali. |
Is-servizzi u l-infrastrutturi lokali qed jitjiebu. |
|
|
L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-inklużjoni soċjali Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-biedja u fl-ekonomija, l-ekwità tal-introjtu u t-tnaqqis tal-faqar. |
L-impjieg u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-biedja qed jitjiebu. L-appoġġ tal-Pjan Strateġiku tal-PAK huwa mqassam b’mod aktar ġust. Il-faqar rurali qed jonqos. |
|
|
Li jittejjeb ir-rispons tal-agrikoltura tal-Unjoni għad-domanda tas-soċjetà dwar l-ikel u s-saħħa, inkluż ikel ta’ kwalità tajba, sikur u sustanzjuż prodott b’mod sostenibbli, it-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, kif ukoll li jittejjeb it-trattament xieraq tal-annimali u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi |
Ikel ta’ kwalità u sikur Abbażi tat-trawwim ta’ skemi tal-kwalità, il-promozzjoni tal-benesseri tal-annimali u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi. |
Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata skont l-iskemi tal-kwalità qed jiżdied. Il-benesseri tal-annimali qed jitjieb u l-użu tal-antimikrobiċi qed jonqos. |
|
Li jiġi mmodernizzat is-settur bit-trawwim u l-kondiviżjoni tal-għarfien, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fl-agrikoltura u fiż-żoni rurali, u bl-inkoraġġiment tal-użu tagħhom mill-bdiewa, permezz ta’ aċċess imtejjeb għar-riċerka, l-innovazzjoni, l-iskambju tal-għarfien u t-taħriġ |
Is-sistema tal-Għarfien u tal-Innovazzjoni Agrikoli (AKIS) u l-istrateġija diġitali Abbażi tal-appoġġ għall-azzjonijiet strateġiċi tal-AKIS, l-interventi relatati mal-AKIS, u l-istrateġija diġitali u l-impatt tagħhom fuq l-adozzjoni tal-innovazzjoni mill-bdiewa. |
Għadd dejjem akbar ta’ bdiewa qed jipparteċipaw fi programmi ta’ taħriġ u/jew jagħmlu użu mill-pariri dwar l-azjendi agrikoli. Il-bdiewa jibdlu l-prattiki tal-biedja wara li jipparteċipaw fi programmi ta’ taħriġ u/jew jagħmlu użu mill-pariri dwar l-azjendi agrikoli. Għadd dejjem akbar ta’ bdiewa qed jingħataw appoġġ għat-teknoloġija tal-biedja diġitali permezz tal-Pjan Strateġiku tal-PAK. In-nefqa tal-Pjan Strateġiku tal-PAK li tappoġġa l-ħolqien tal-innovazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien qed tiżdied. |
ANNESS II
REKWIŻITI MINIMI GĦALL-ISTRUTTURA U L-KONTENUT TAL-PJAN TA’ EVALWAZZJONI MSEMMI FL-ARTIKOLU 4(1)
1. Objettivi u ħtiġijiet
Dikjarazzjoni tal-objettivi tal-pjan ta’ evalwazzjoni u l-ħtiġijiet relatati mal-evalwazzjoni, immirati biex jiżguraw li jitwettqu attivitajiet ta’ evalwazzjoni suffiċjenti u xierqa, b’mod partikolari biex jipprovdu informazzjoni meħtieġa għat-tmexxija tal-programm, biex jinformaw il-perjodu tal-programm ta’ politika li jmiss, u biex jiġi żgurat li d-data meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK tkun disponibbli.
2. Governanza u koordinazzjoni
Deskrizzjoni qasira tal-arranġamenti ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni għall-Pjan Strateġiku tal-PAK, li tidentifika l-korpi ewlenin involuti u r-responsabbiltajiet tagħhom.
3. Immappjar tal-partijiet ikkonċernati
Deskrizzjoni fil-qosor tal-partijiet ikkonċernati relevanti msemmija fl-Artikolu 4(2) u l-bżonnijiet tagħhom relatati ma’ attivitajiet ta’ evalwazzjoni u, fejn relevanti, il-bini tal-kapaċitajiet.
4. Kronoloġija
L-ippjanar indikattiv tal-evalwazzjonijiet u l-istudji ta’ appoġġ għall-evalwazzjoni li għandhom jitwettqu matul iċ-ċiklu ta’ programmazzjoni, kif ukoll ir-raġunament għall-għażliet magħmula, inkluż:
|
(a) |
l-evalwazzjonijiet biex tiġi vvalutata l-kontribuzzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għall-objettivi tal-PAK, li għandhom jitwettqu matul l-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK; |
|
(b) |
fejn rilevanti, l-evalwazzjonijiet biex jiġu vvalutati suġġetti speċifiċi msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (e); |
|
(c) |
l-istudji ta’ appoġġ u attivitajiet oħra ta’ riċerka u ta’ analiżi għall-evalwazzjonijiet. |
5. Data u informazzjoni
Deskrizzjoni fil-qosor tal-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 7(2) biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tad-data għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, inkluż l-identifikazzjoni tas-sorsi tad-data ewlenin li għandhom jintużaw, l-arranġamenti istituzzjonali għall-forniment tad-data u l-arranġamenti għall-kontroll tal-kwalità tad-data. Jenħtieġ li din it-taqsima tinkludi wkoll l-identifikazzjoni ta’ lakuni fid-data u l-azzjonijiet biex dawn jiġu indirizzati, inkluż li jkun hemm sistemi tad-data operattivi maż-żmien.
6. Komunikazzjoni u segwitu
Deskrizzjoni ta’ kif is-sejbiet mill-evalwazzjoni se jiġu ddisseminati lir-riċevituri fil-mira, inkluż deskrizzjoni tal-mekkaniżmi stabbiliti għas-segwitu u għall-użu tar-riżultati tal-evalwazzjoni.
7. Riżorsi, appoġġ tekniku u bini tal-kapaċità
Deskrizzjoni tar-riżorsi meħtieġa u previsti biex jiġi implimentat il-pjan ta’ evalwazzjoni, inkluż indikazzjoni tal-kapaċità amministrattiva, tad-data, tar-riżorsi finanzjarji u tal-ħtiġijiet tal-IT.
Deskrizzjoni tal-implimentazzjoni tal-appoġġ għall-programm imsemmi fl-Artikolu 7(3) u (4), inkluż l-appoġġ tekniku u l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità mwettqa biex jiġi żgurat li l-pjan ta’ evalwazzjoni jkun jista’ jiġi implimentat bis-sħiħ u l-appoġġ ippjanat lill-GAL għall-evalwazzjoni tal-istrateġiji ta’ Żvilupp Lokali.
ANNESS III
L-INDIKATURI TAL-IMPATT IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 6(5)
|
Kodiċi tal-indikatur (1) |
L-isem tal-indikatur |
|
I.2 |
Tnaqqis tal-inugwaljanzi fl-introjtu: L-evoluzzjoni tal-introjtu agrikolu meta mqabbel mal-ekonomija ġenerali |
|
I.3 |
Tnaqqis tal-varjabbiltà tal-introjtu tal-azjendi agrikoli: L-evoluzzjoni tal-introjtu agrikolu |
|
I.4 |
Appoġġ għall-introjtu vijabbli tal-azjendi agrikoli: L-evoluzzjoni tal-livell tal-introjtu agrikolu skont it-tip ta’ biedja (meta mqabbel mal-medja fl-agrikoltura) |
|
I.5 |
Kontribut għall-bilanċ territorjali: L-evoluzzjoni tal-introjtu agrikolu f’żoni b’restrizzjonijiet naturali (imqabbel mal-medja) |
|
I.10 |
Kontribut għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima: L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura |
|
I.12 |
Żieda tal-enerġija sostenibbli fl-agrikoltura: Il-produzzjoni sostenibbli ta’ enerġija rinnovabbli mill-agrikoltura u l-forestrija |
|
I.14 |
Titjib tal-kwalità tal-arja: L-emissjonijiet tal-ammonijaka mill-agrikoltura |
|
I.15 |
Titjib tal-kwalità tal-ilma: Il-bilanċ gross tan-nutrijenti fuq l-art agrikola |
|
I.26 |
PAK iktar ġusta: Id-distribuzzjoni tal-appoġġ mill-PAK |
(1) L-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115.
ANNESS IV
REGOLI DWAR DATA DIŻAGGREGATA DWAR L-INTERVENTI U L-BENEFIĊJARJI MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 9(3) U 10(3)
Rapportar ta’ data diżaggregata dwar l-interventi
|
1. |
Meta jirrapportaw id-data għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-interventi msemmija fl-Artikolu 8, il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-metodi ta’ kalkolu għall-indikaturi tal-output u tar-riżultat stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2290 u dawn li ġejjin:
|
|
2. |
L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-lista li ġejja ta’ varjabbli tal-monitoraġġ, għal kull intervent għal kull benefiċjarju, f’konformità mad-disinn speċifiku tal-interventi u l-loġika ta’ intervent tagħhom:
|
|
3. |
L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-kontribut tal-valuri tal-output għan-numeratur tal-indikaturi tar-riżultat rilevanti stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115, bl-użu tal-varjabbli tar-riżultat li ġejjin:
|
Ir-rapportar ta’ data relatata mal-benefiċjarji
|
4. |
L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-varjabbli li ġejjin dwar il-benefiċjarji, f’konformità mat-tfassil speċifiku tal-interventi u l-loġika ta’ intervent tagħhom:
|
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1).
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).
ANNESS V
REGOLI DWAR ID-DATA DWAR L-INTERVENTI F’ĊERTI SETTURI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 12(2)
Informazzjoni amministrattiva u informazzjoni għal kull settur
Għal interventi f’ċerti setturi msemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu III, tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw informazzjoni amministrattiva u informazzjoni għal kull settur permezz tal-formoli li ġejjin:
|
1. |
Formola A.1. Din il-formola tikkonċerna s-settur tal-frott u l-ħxejjex, is-settur tal-apikultura, is-settur tal-inbid, is-settur tal-ħops, is-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, u s-setturi l-oħra msemmija fl-Artikolu 42(a) sa (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115 rispettivament, li għalihom l-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull sena r-referenzi (iperlinks) għal-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata mill-Istati Membri fis-sena kalendarja preċedenti biex jimplimentaw interventi settorjali; |
|
2. |
Formola A.2. Din il-formola tikkonċerna s-settur tal-frott u l-ħxejjex, is-settur tal-ħops, is-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, u s-setturi l-oħra. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw annwalment l-informazzjoni tas-suq li ġejja:
L-informazzjoni msemmija fil-punt (a) u (c) għandha tiġi rrapportata għas-sena kalendarja preċedenti. L-informazzjoni msemmija fil-punt (b) għandha tiġi rrapportata għas-sena kalendarja attwali; |
|
3. |
Formola A.3. Din il-formola tikkonċerna s-settur tal-frott u l-ħxejjex, li għalih l-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull sena l-informazzjoni dwar is-suq dwar l-assistenza finanzjarja nazzjonali lill-OP għas-sena kalendarja preċedenti, kif ġej:
|
|
4. |
Formola A.4. Din il-formola tikkonċerna l-informazzjoni li l-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull sena fis-settur tal-apikultura: l-għadd ta’ kaxxi tan-naħal lesti għax-xitwa fit-territorju tal-Istati Membri bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru ddeterminat skont metodu affidabbli stabbilit fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK; |
|
5. |
Formola A.5. Din il-formola tikkonċerna informazzjoni oħra dwar is-suq li l-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull sentejn fis-settur tal-apikultura, li tkopri s-sena kalendarja ta’ qabel in-notifika tagħha:
|
|
6. |
Formola A.6. Din il-formola tikkonċerna informazzjoni oħra dwar is-suq, li l-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull sentejn fis-settur tal-apikultura, għas-sentejn kalendarji ta’ qabel in-notifika tagħha:
|
|
7. |
Formola A.7. Din il-formola tikkonċerna s-setturi l-oħra, li għalihom l-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull sena l-informazzjoni dwar is-suq li ġejja għas-sena kalendarja preċedenti:
|
Tagħrif relatat man-nefqa
Għal interventi f’ċerti setturi msemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu III, tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw informazzjoni relatata man-nefqa permezz tal-formoli li ġejjin:
|
8. |
Formola B.1. Din il-formola tikkonċerna s-settur tal-frott u l-ħxejjex, is-settur tal-ħops, is-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, u s-setturi l-oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punti (a), u (d) sa (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, li għalihom l-Istat Membru għandu jirrapporta kull sena l-informazzjoni li ġejja relatata mas-sena finanzjarja agrikola preċedenti diżaggregata skont is-settur:
|
|
9. |
Formola B.2. Din il-formola tikkonċerna s-settur tal-apikultura, li għalih l-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull sena n-nefqa pubblika totali mġarrba (f’euro jew fil-munita nazzjonali) matul is-sena finanzjarja agrikola, diżaggregata skont l-intervent; |
|
10. |
Formola B.3. Din il-formola tikkonċerna s-settur tal-inbid, li għalih l-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull sena l-informazzjoni li ġejja relatata mas-sena finanzjarja agrikola preċedenti:
|
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
ANNESS VI
REGOLI DWAR ID-DATA DWAR IL-GRUPPI OPERAZZJONALI TAS-SĦUBIJA EWROPEA GĦALL-INNOVAZZJONI GĦALL-PRODUTTIVITÀ U S-SOSTENIBBILTÀ AGRIKOLA (EIP) IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 13(2)
Data obbligatorja
|
1. |
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw id-data obbligatorja li ġejja dwar il-gruppi operazzjonali tal-EIP:
|
Data rakkomandata
|
2. |
L-Istati Membri huma mħeġġa bil-qawwa biex jirrapportaw id-data rakkomandata li ġejja dwar il-gruppi operazzjonali tal-EIP:
|
Data fakultattiva
|
3. |
L-Istati Membri jistgħu jirrapportaw id-data fakultattiva li ġejja dwar il-gruppi operazzjonali tal-EIP:
|
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).
(2) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija ‘Mill-Għalqa sal-Platt’ għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent”.
(3) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna”.
(4) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2021 bit-titolu “L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti għall-2030”.
(5) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2021 intitolata “Ċikli tal-Karbonju Sostenibbli”.
ANNESS VII
REGOLI DWAR ID-DATA DWAR IL-GAL U L-ATTIVITAJIET TAGĦHOM GĦAL LEADER IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 14(2)
Data relatata mal-GAL
|
1. |
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw sat-30 ta’ April tas-sena N il-varjabbli stabbiliti fil-punti (a) sa (g), għal kull GAL, għall-GAL magħżula sal-31 ta’ Diċembru tas-sena N-1. Id-data tirrigwarda s-sitwazzjoni tal-GAL fil-mument tal-għażla u tiġi rrapportata darba biss.
|
Data relatata mal-attivitajiet tal-GAL
|
2. |
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw il-lista ta’ varjabbli dwar l-attivitajiet tal-GAL stabbilita fil-punti (a) sa (d) skont il-GAL, fl-2026 u fl-2030, mill-mument tal-ewwel pagament lil operazzjoni partikolari. Ir-rapport fis-sena N jirrigwarda l-operazzjonijiet kollha mħallsa sal-15 ta’ Ottubru N-1. Dawn il-varjabbli jirrigwardaw l-għadd ta’ operazzjonijiet implimentati b’mod konformi mal-Artikolu 34(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/1060.
|
Data relatata mal-finanzi tal-GAL
|
3. |
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw il-varjabbli stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) dwar il-finanzjament tal-GAL fl-2026 u fl-2030. Ir-rapport fis-sena N jirrigwarda l-operazzjonijiet kollha mħallsa sal-15 ta’ Ottubru N-1.
|
Kontribut għall-indikaturi tar-riżultat
|
4. |
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw fl-2026 u fl-2030 informazzjoni skont il-GAL dwar il-kontribut tas-SŻL għall-indikaturi tar-riżultat rilevanti kollha msemmija fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115 magħżula fil-Pjan Strateġiku tal-PAK tagħhom wara l-għażla tal-LDS. Ir-rapport fis-sena N jirrigwarda l-operazzjonijiet kollha mħallsa sal-15 ta’ Ottubru tas-sena N-1. |