|
19.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 216/20 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1410
tat-18 ta’ Awwissu 2022
li jipprevedi perjodu mnaqqas ta’ notifika minn qabel, qabel il-wasla fil-port għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar impenjati fis-sajd għal stokkijiet soġġetti għar-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għar-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jiżbarkaw f’portijiet Spanjoli
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar, impenjati fis-sajd għal stokkijiet soġġetti għal pjan multiannwali, li għandhom l-obbligu li jirreġistraw b’mod elettroniku d-data tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, għandhom ukoll jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom bl-intenzjoni li jiżbarkaw fil-port, mill-inqas erba’ sigħat qabel il-ħin mistenni tal-wasla fil-port. |
|
(2) |
Fit-28 ta’ Mejju 2021, Spanja talbet li l-perjodu ta’ notifika mnaqqas stabbilit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1188/2013 (2) jiġi estiż għall-bastimenti tas-sajd kollha tal-Unjoni li huma impenjati fis-sajd għal stokkijiet soġġetti għar-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u għar-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) fil-Baħar tal-Kantabrija, fil-Golf ta’ Cadiz u fil-Punent tal-Baħar Mediterran, u li jiżbarkaw f’portijiet Spanjoli. |
|
(3) |
Id-data ġeografika pprovduta minn Spanja biex issostni dik it-talba turi li l-flotot speċifiċi rilevanti li jtajru l-bandiera ta’ Spanja joperaw, bħala regola ġenerali, f’żoni tas-sajd li huma inqas minn erba’ sigħat ’il bogħod mill-portijiet tal-iżbark tagħhom. Minbarra dan, dawk il-portijiet tal-iżbark dejjem ikunu inqas minn sagħtejn u nofs ’il bogħod mill-uffiċċji tal-awtoritajiet ta’ kontroll Spanjoli. Għalhekk, jekk il-bastimenti kkonċernati jintgħażlu għal spezzjoni meta jiżbarkaw, perjodu ta’ notifika minn qabel ta’ mill-inqas sagħtejn u nofs jippermetti lill-awtoritajiet ta’ kontroll Spanjoli kkonċernati jaslu fil-port tal-iżbark fil-ħin biex iwettqu l-ispezzjoni korrispondenti. |
|
(4) |
Għal raġunijiet ta’ trattament ugwali, l-istess perjodu mnaqqas ta’ notifika minn qabel jenħtieġ li japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jiżbarkaw fi kwalunkwe port Spanjol u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni kkonċernati jingħataw id-dritt li jippreżentaw notifika minn qabel ta’ sagħtejn u nofs qabel il-wasla stmata f’port Spanjol. |
|
(6) |
Jenħtieġ li Spanja tivvaluta l-impatt tal-perjodu mnaqqas ta’ notifika minn qabel previst b’dan ir-Regolament sabiex tiżgura r-rieżami xieraq tiegħu u tippreżenta rapport lill-Kummissjoni. |
|
(7) |
Peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1188/2013 jikkoinċidi ma’ dak ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jitħassar. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-perjodu minimu ta’ notifika minn qabel previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għandu jitnaqqas għal sagħtejn u nofs għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar, u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
(a) |
huma impenjati fis-sajd għal stokkijiet soġġetti għall-pjanijiet pluriennali stabbiliti bir-Regolamenti (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022; |
|
(b) |
joperaw esklużivament f’żoni tas-sajd li minnhom jistgħu jaslu fil-port tal-iżbark f’inqas minn erba’ sigħat; |
|
(c) |
jiżbarkaw f’portijiet Spanjoli. |
Artikolu 2
Spanja għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni li jikkonċerna l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament sas-26 ta’ Awwissu 2024.
Dak ir-rapport għandu jinkludi analiżi ta’ kwalunkwe impatt tal-perjodu mnaqqas ta’ notifika minn qabel dwar il-kapaċità tal-awtoritajiet Spanjoli għall-kontroll tas-sajd li jimmonitorjaw b’mod effettiv l-attivitajiet tas-sajd ta’ dawk il-bastimenti li jibbenefikaw minn dak il-perjodu mnaqqas ta’ notifika minn qabel stabbilit fl-Artikolu 1.
Artikolu 3
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1188/2013 huwa mħassar.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Awwissu 2022.
Għall-Kummissjoni
F’isem il-President
Virginijus SINKEVIČIUS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1188/2013 tal-21 ta’ Novembru 2013 li jipprovdi perjodu mnaqqas ta’ notifika qabel il-wasla fil-port tal-bastimenti tal-Unjoni impenjati fis-sajd ta’ stokkijiet tal-merluzz u tal-iskampu fil-Baħar tal-Kantabrija u l-peniżola tal-Iberja tal-Punent li jiżbarkaw fil-portijiet Spanjoli (ĠU L 313, 22.11.2013, p. 47).
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008 (ĠU L 83, 25.3.2019, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1).