12.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/78


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1392

tal-11 ta’ Awwissu 2022

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 12

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabbiltà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

(2)

Fis-7 ta’ Mejju 2021, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ippubblika emendi għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 12 Taxxi fuq l-introjtu. Dawn l-emendi jiċċaraw kif il-kumpaniji għandhom jagħtu rendikont għal taxxi differiti fuq tranżazzjonijiet bħal lokazzjonijiet u obbligi tad-dekummissjonar u għandhom l-għan li jnaqqsu d-diversità fir-rapprotar tal-assi ta’ taxxa differita u obbligazzjonijiet fuq lokazzjonijiet u obbligi ta’ dekummissjonar.

(3)

Bħala konsegwenza tal-emendi għall-IAS 12 Taxxi fuq l-Introjtu, l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 1 Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju wkoll ġie emendat sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn dawn l-istandards.

(4)

Wara l-konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-emendi għal IAS 12 Taxxi fuq l-introjtu jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(5)

Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 12 Taxxi fuq l-Introjtu huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(2)

L-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 1 Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju huwa emendat f’konformità mal-emendi għal IAS 12 Taxxi fuq l-introjtu kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1, mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta’ Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


ANNESS

Taxxa differita relatata ma’ Assi u Obbligazzjonijiet li jorġinaw minn Tranżazzjoni Unika

Emendi għall-IAS 12

Emendi għall-IAS12 Taxxi fuq l-Introjtu

Il-paragrafi 15, 22 u 24 huma emendati. Il-Paragrafi 22 A u 98J–98L huma miżjuda.

RIKONOXXIMENT TAL-OBBLIGAZZJONIJIET TA’ TAXXA DIFFERITA U TAL-ASSI TA’ TAXXA DIFFERITA

Differenzi temporanji taxxabbli

15.

Għandha tiġi rikonoxxuta obbligazzjoni ta’ taxxa differita għad-differenzi temporanji taxxabbli kollha, ħlief sal-punt li l-obbligazzjoni ta’ taxxa differita toriġina minn:

(a)

ir-rikonoxximent inizjali ta’ avvjament; jew

(b)

ir-rikonoxximent inizjali ta’ assi jew obbligazzjoni fi tranżazzjoni li:

(i)

mhijiex kombinament ta’ negozji;

(ii)

fil-waqt tat-tranżazzjoni, la taffettwa l-profitt tal-kontabilità lanqas il-profitt taxxabbli (telf ta’ taxxa); u

(iii)

fil-waqt tat-tranżazzjoni, ma twassalx għal differenzi temporanji taxxabbli u deduċibbli ugwali.

...

Rikonoxximent inizjali ta’ assi jew obbligazzjoni

22.

Tista’ tinħoloq differenza temporanja mar-rikonoxximent inizjali ta’ assi jew obbligazzjoni, pereżempju jekk parti mill-kost jew il-kost kollu ta’ assi ma jkunx deduċibbli għall-finijiet tat-taxxa. Il-metodu tal-kontabilità għal tali differenza temporanja jiddependi fuq in-natura tat-tranżazzjoni li tkun wasslet għar-rikonoxximent inizjali tal-assi jew l-obbligazzjoni:

(a)

f’kombinament ta’ negozji, entità tirrikonoxxi kwalunkwe obbligazzjoni jew assi ta’ taxxa differita u dan jaffettwa l-ammont ta’ avvjament jew qligħ minn xiri bi prezz negozjat li hija tirrikonoxxi (ara l-paragrafu 19);

(b)

jekk it-tranżazzjoni taffettwa l-profitt kontabilistiku jew il-profitt taxxabbli, jew twassal għal differenzi temporanji taxxabbli u deduċibbli ugwali, entità tirrikonoxxi kwalunkwe obbligazzjoni jew assi ta’ taxxa differita u tirrikonoxxi l-ispiża jew l-introjtu riżultanti mit-taxxa differita fi profitt jew telf (ara l-paragrafu 59);

(c)

(c) jekk it-tranżazzjoni mhijiex kombinament ta’ negozji, u la taffettwa l-profitt kontabilistiku u lanqas il-profitt taxxabbli, u ma twassalx għal differenzi temporanji taxxabbli u deduċibbli ugwali, entità, fin-nuqqas tal-eżenzjoni pprovduta mill-paragrafi 15 u 24, tirrikonoxxi l-obbligazzjoni jew l-assi tat-taxxa differita li tirriżulta u taġġusta l-ammont miżmum fil-kotba tal-assi jew l-obbligazzjoni bl-istess ammont. Aġġustamenti bħal dawn jagħmlu r-rapporti finanzjarji inqas trasparenti. Għalhekk, dan l-istandard ma jippermettix li entità tirrikonoxxi l-obbligazzjoni jew l-assi tat-taxxa differita li tirriżulta, la fuq ir-rikonoxximent inizjali u lanqas sussegwentement (ara l-eżempju aktar ’l isfel). Barra minn hekk, entità ma tirrikonoxxix bidliet sussegwenti fl-obbligazzjoni jew fl-assi tat-taxxa differita mhux rikonoxxuta hekk kif l-assi jiġi deprezzat.

...

22A

Tranżazzjoni li mhijiex kombinament ta’ negozji tista’ twassal għar-rikonoxximent inizjali ta’ assi u obbligazzjoni u, fil-ħin tat-tranżazzjoni, la taffettwa l-profitt kontabilistiku u lanqas il-profitt taxxabbli. Pereżempju, fid-data tal-bidu ta’ lokazzjoni, il-lokatarju tipikament jirrikonoxxi obbligazzjoni ta’ lokazzjoni u l-ammont korrispondenti bħala parti mill-kost ta’ assi bid-dritt tal-użu. Skont il-liġi tat-taxxa applikabbli, jistgħu jinħolqu differenzi temporanji taxxabbli u deduċibbli ugwali mar-rikonoxximent inizjali tal-assi u l-obbligazzjoni f’tali tranżazzjoni. L-eżenzjoni pprovduta fil-paragrafi 15 u 24 ma tapplikax għal tali differenzi temporanji u entità tirrikonoxxi kwalunkwe obbligazzjoni u assi ta’ taxxa differita riżultanti.

...

Differenzi temporanji deduċibbli

24.

Assi ta’ taxxa differita għandu jkun rikonoxxut għad-differenzi temporanji kollha deduċibbli sal-punt fejn hu probabbli li se jkun hemm profitt taxxabbli li għalih tista’ tintuża d-differenza temporanja deduċibbli, għajr jekk l-assi ta’ taxxa differita joriġina mir-rikonoxximent inizjali ta’ assi jew obbligazzjoni fi tranżazzjoni li:

(a)

mhijiex kombinament ta’ negozji;

(b)

fil-waqt tat-tranżazzjoni, la taffettwa l-profitt tal-kontabilità lanqas il-profitt taxxabbli (telf ta’ taxxa); u

(c)

fil-waqt tat-tranżazzjoni, ma twassalx għal differenzi temporanji taxxabbli u deduċibbli ugwali.

...

DATA EFFETTIVA

...

98J

Deferred Tax related to Assets and Liabilities arising from a Single Transaction, (Taxxa differita relatata ma’ assi u obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn tranżazzjoni waħda), maħruġ f’Mejju 2021, emenda il-paragrafi 15, 22, u 24 u żied il-paragrafu 22 A. Entità għandha tapplika dawn l-emendi f’konformità mal-paragrafi 98K-98L għall-perjodi tar-rapportar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Jekk entità tapplika l-emendi għal perjodu aktar bikri, għandha tiżvela dan il-fatt.

98K

Entità għandha tapplika Deferred Tax related to Assets and Liabilities arising from a Single Transaction għal tranżazzjonijiet li jseħħu fil-bidu jew wara l-ewwel perjodu komparattiv ippreżentat.

98L

Entità li tapplika Deferred Tax related to Assets and Liabilities arising from a Single Transaction għandha wkoll, fil-bidu tal-ewwel perjodu komparattiv ippreżentat:

(a)

tirrikonoxxi assi ta’ taxxa differita — sal-punt li jkun probabbli li l-profitt taxxabbli se jkun disponibbli li fil-konfront tiegħu tista’ tintuża d-differenza temporanja deduċibbli — u obbligazzjoni ta’ taxxa differita għad-differenzi temporanji deduċibbli u taxxabbli kollha assoċjati ma’:

(i)

assi bid-dritt tal-użu u obbligazzjonijiet ta’ lokazzjoni; u

(ii)

id-dekummissjonar, ir-restawr u obbligazzjonijiet simili u l-ammonti korrispondenti rikonoxxuti bħala parti mill-kost tal-assi relatat; u

(b)

tirrikonoxxi l-effett kumulattiv tal-applikazzjoni inizjali tal-emendi bħala aġġustament għall-bilanċ tal-ftuħ tal-qligħ imfaddal (jew komponent ieħor tal-ekwità, skont kif ikun xieraq) f’dik id-data.

Emendi għall-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju

Jiżdied il-paragrafu 39AH. Fl-Appendiċi B, il-paragrafu B1 huwa emendat u l-paragrafu B14 u l-intestatura tiegħu jiżdiedu.

DATA EFFETTIVA

...

39AH

Deferred Tax related to Assets and Liabilities arising from a Single Transaction, (Taxxa differita relatata ma’ assi u obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn tranżazzjoni waħda), maħruġ f’Mejju 2021, emenda l-paragrafu B1 u żied il-paragrafu B14. Entità għandha tapplika dawn l-emendi għall-perjodi ta’ rappurtar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Jekk entità tapplika l-emendi għal perjodu aktar bikri, għandha tiżvela dan il-fatt.

...


Appendiċi B

Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni retroattiva ta’ IFRSs oħra

Dan l-appendiċi huwa parti integrali tal-IFRS.

B1

Entità għandha tapplika l-eċċezzjonijiet li ġejjin:

...

(g)

self mill-gvern (il-paragrafi B10-B12);

(h)

kuntratti tal-assigurazzjoni (il-paragrafu B13); u

(i)

taxxa differita relatata ma’ lokazzjonijiet u dekummissjonar, restawr u obbligazzjonijiet simili (il-paragrafu B14).

...

TAXXA DIFFERITA RELATATA MA’ LOKAZZJONIJIET U DEKUMMISSJONAR, RESTAWR U OBBLIGAZZJONIJIET SIMILI

B14

Il-paragrafi 15 u 24 tal-IAS 12 Income Taxes (Taxxi fuq l-Introjtu) jeżentaw entità milli tirrikonoxxi assi jew obbligazzjoni ta’ taxxa differita f’ċirkostanzi partikolari. Minkejja din l-eżenzjoni, fid-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs, min jadotta għall-ewwel darba għandu jirrikonoxxi assi ta’ taxxa differita — sal-punt li jkun probabbli li l-profitt taxxabbli se jkun disponibbli li fil-konfront tiegħu tista’ tintuża d-differenza temporanja deduċibbli — u obbligazzjoni ta’ taxxa differita għad-differenzi temporanji deduċibbli u taxxabbli kollha assoċjati ma’:

(a)

assi bid-dritt tal-użu u obbligazzjonijiet ta’ lokazzjoni; u

(b)

id-dekummissjonar, ir-restawr u obbligazzjonijiet simili u l-ammonti korrispondenti rikonoxxuti bħala parti mill-kost tal-assi relatat.