|
10.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 208/5 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1387
tad-9 ta’ Awwissu 2022
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/58 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Federazzjoni Russa u mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju (grain-oriented flat-rolled products of silicon-electrical steel, GOES), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Federazzjoni Russa u mill-Istati Uniti tal-Amerka huma soġġetti għal dazju anti-dumping definittiv, kif impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/58 (2). |
|
(2) |
Fis-7 ta’ Lulju 2021, AK Steel Corporation (“l-applikant”), il-kodiċi addizzjonali TARIC (3) C044, kumpanija li tinsab fl-Istati Uniti tal-Amerka, li l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Unjoni ta’ prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju huma soġġetti għal dazju anti-dumping ad valorem ta’ 22 %, informat lill-Kummissjoni li kienet bidlet l-isem tagħha għal “Cleveland-Cliffs Steel Corporation”, bil-bażi f’Ohio, l-Istati Uniti tal-Amerka. |
|
(3) |
Il-kumpanija talbet lill-Kummissjoni biex tikkonferma li l-bidla fl-isem ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju anti-dumping individwali applikata lilha skont l-isem li kellha qabel. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni stiednet lill-kumpanija biex tipprovdi tweġiba għal kwestjonarju, liema ntbagħtet fl-20 ta’ Awwissu 2021. Fit-3 ta’ Jannar 2022 ġew ipprovduti kjarifiki addizzjonali. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni pprovduta u kkonkludiet li l-bidla fl-isem kienet irreġistrata kif suppost mal-awtoritajiet rilevanti, u ma wasslitx għal xi relazzjoni ġdida ma’ gruppi oħra ta’ kumpaniji li ma kinux investigati mill-Kummissjoni. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni vvalutat, fost l-oħrajn, id-dokumenti ta’ prova li ġejjin li ġew ipprovduti mill-applikant: ċertifikat ta’ emenda, ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-kumpanija u rapporti finanzjarji awditjati. L-industrija tal-Unjoni ġiet ikkonsultata dwar it-talba iżda ma pprovdiet l-ebda kumment. |
|
(7) |
Għaldaqstant, din il-bidla fl-isem ma taffettwax is-sejbiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/58 u b’mod partikolari r-rata tad-dazju anti-dumping ad valorem applikabbli għaliha. |
|
(8) |
Jenħtieġ li l-bidla fl-isem ikollha effett mid-data li fiha l-kumpanija infurmat lill-Kummissjoni li isimha nbidel (kif indikat fil-premessa 2 hawn fuq). |
|
(9) |
Minħabba l-kunsiderazzjonijiet fil-premessi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/58 jiġi emendat biex jirrifletti l-bidla fl-isem tal-kumpanija li qabel kienet attribwita għall-kodiċi TARIC addizzjonali C044. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/58 huwa emendat kif ġej:
|
“AK Steel Corporation, Ohio, l-Istati Uniti tal-Amerika |
22,0 % |
C044” |
huwa sostitwit minn
|
“Cleveland-Cliffs Steel Corporation, Ohio, l-Istati Uniti tal-Amerka |
22,0 % |
C044” |
2. Il-kodiċi addizzjonali TARIC C044, li preċedentement kien attribwit lil AK Steel Corporation, għandu japplika għal Cleveland-Cliffs Steel Corporation mis-7 ta’ Lulju 2021 ’l hemm. Kwalunkwe dazju definittiv imħallas fuq importazzjonijiet ta’ prodotti manifatturati minn Cleveland-Cliffs Steel Corporation li jaqbeż id-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/58 fir-rigward ta’ AK Steel Corporation għandu jiġi rimborżat jew jinħafer f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Awwissu 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/58 tal-14 ta’ Jannar 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Federazzjoni Russa u mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 10, 17.1.2022, p. 17).
(3) It-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea.