9.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 207/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1381

tat-8 ta’ Awwissu 2022

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel ġdid galatto-oligosakkarid

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel il-ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid biss jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) stabbilixxa lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid.

(3)

Il-lista tal-Unjoni stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 tinkludi l-galatto-oligosakkarid bħala ikel ġdid awtorizzat.

(4)

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-galatto-oligosakkarid ġie awtorizzat biex jitqiegħed fis-suq bħala ikel ġdid għall-użu f’għadd ta’ oġġetti tal-ikel, inkluż il-formula tat-trabi u l-formula tal-prosegwiment kif definit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(5)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/900 (5) emenda l-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel ġdid galatto-oligosakkarid. B’mod partikolari, il-livell tal-użu tal-ikel ġdid galatto-oligosakkarid fis-supplimenti tal-ikel kif definit fid-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) żdied minn 0,333 kg galatto-oligosakkarid/kg ta’ suppliment tal-ikel (33,3 %) għal 0,450 kg galatto-oligosakkarid/kg ta’ suppliment tal-ikel (45,0 %) għall-popolazzjoni ġenerali, esklużi t-trabi u t-tfal żgħar.

(6)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/684 (7) emenda l-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel ġdid galatto-oligosakkarid. B’mod partikolari, l-użu tal-galatto-oligosakkarid ġie estiż għal ikel addizzjonali, jiġifieri, il-ħelu tal-ħalib, il-ġobon u l-ġobon ipproċessat, il-butir u x-xaħmijiet li jistgħu jiddelku.

(7)

Fid-29 ta’ Ġunju 2020, il-kumpanija GLNP (“l-applikant”) ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 biex jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel ġdid “galatto-oligosakkarid”. L-applikant talab li l-użu tal-galatto-oligosakkarid jiġi estiż għall-ikel għal skopijiet mediċi speċjali kif definit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013 maħsub għall-popolazzjoni ġenerali, esklużi t-trabi u t-tfal żgħar.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283, fit-12 ta’ Lulju 2021 il-Kummissjoni kkonsultat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”), u talbitha tagħti opinjoni xjentifika dwar il-bidla fil-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel ġdid galatto-oligosakkarid.

(9)

Fit-28 ta’ Frar 2022, l-Awtorità adottat l-opinjoni xjentifika tagħha “Safety of the extension of use of galacto-oligosaccharides as a novel food in food for special medical purposes pursuant to Regulation (UE) 2015/2283 (8)” f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(10)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità kkonkludiet li l-bidla proposta hija sikura fil-kundizzjonijiet proposti tal-użu, u, għalhekk huwa xieraq li jiġu emendati l-kundizzjonijiet tal-użu tal-galatto-oligosakkarid.

(11)

L-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni u fl-opinjoni tal-Awtorità tagħti biżżejjed raġunijiet biex jiġi stabbilit li l-bidliet fil-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel ġdid huma konformi mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2015/2283 u jenħtieġ li jiġu approvati.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/900 tat-3 ta’ Ġunju 2021 li jawtorizza bidla fil-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel ġdid “galatto-oligosakkarid” skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (ĠU L 197, 4.6.2021, p. 71).

(6)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/684 tat-28 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel ġdid galatto-oligosakkarid (ĠU L 126, 29.4.2022, p. 10).

(8)   EFSA Journal 2022;20(3):7203.


ANNESS

Fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470, l-entrata għal “galatto-oligosakkarid” hija sostitwita b’dan li ġej:

Ikel ġdid awtorizzat

Kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel ġdid

Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi oħrajn

Rekwiżiti oħrajn

Protezzjoni tad-data

“Galatto-oligosakkarid

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi (espressi bħala proporzjon f’kull kilogramma ta’ galatto-oligosakkarid/kg tal-prodott tal-ikel finali)

 

 

 

Supplimenti tal-ikel kif definit fid-Direttiva 2002/46/KE

0,333

Supplimenti tal-ikel kif definit fid-Direttiva 2002/46/KE, esklużi t-trabi u t-tfal żgħar

0,450 (li jikkorrispondi għal 5,4 g galatto-oligosakkarid/porzjon; massimu ta’ 3 porzjonijiet kuljum sa massimu ta’ 16,2 g kuljum)

Ikel għal skopijiet mediċi speċjali kif definit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013, esklużi t-trabi u t-tfal żgħar

F’konformità mar-rekwiżiti nutrizzjonali partikolari tal-persuni li huma maħsubin għalihom il-prodotti iżda mhux aktar minn 0,128 (li jikkorrispondi għal massimu ta’ 8,25 g ta’ galatto-oligosakkarid kuljum)

Ħalib

0,020

Xarbiet magħmulin mill-ħalib

0,030

Sostitut ta’ ikla għall-kontroll tal-piż (fl-għamla ta’ xarbiet)

0,020

Xarbiet analogi għal dawk magħmulin mill-ħalib

0,020

Jogurt

0,033

Deżerti magħmulin mill-ħalib

0,043

Deżerti magħmulin mill-ħalib iffriżati

0,043

Xarbiet magħmulin mill-frott u xarbiet li jagħtu l-enerġija

0,021

Xarbiet li jissostitwixxu l-ikel għat-trabi

0,012

Meraq għat-trabi

0,025

Xarbiet tal-jogurt għat-trabi

0,024

Deżerti għat-trabi

0,027

Snacks għat-trabi

0,143

Ċereali għat-trabi

0,027

Xarbiet maħsubin biex jagħmlu tajjeb għall-użu tal-enerġija waqt sforz muskolari qawwi magħmulin b’mod speċjali għall-isportivi

0,013

Meraq

0,021

Mili tat-torti tal-frott

0,059

Preparati tal-frott

0,125

Bars

0,125

Ċereali

0,125

Formula tat-trabi u formula tal-prosegwiment kif definit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013

0,008

Ħelu tal-ħalib

0,05

Ġobon u ġobon ipproċessat

0,1

Butir u xaħmijiet li jistgħu jiddelku

0,1”