5.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 205/127


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1361

tat-28 ta’ Lulju 2022

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 748/2012 fir-rigward tal-kompiti ta’ ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar tal-awtoritajiet kompetenti fl-implimentazzjoni tar-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn u fil-produzzjoni ta’ inġenji tal-ajru li jintużaw għall-avjazzjoni sportiva u rikreattiva

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(14) u (15) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni ambjentali u tal-ajrunavigabbiltà ta’ prodotti, partijiet u tagħmir ta’ inġenji tal-ajru ċivili, kif ukoll ta’ magni, skrejjen u partijiet li għandhom jiġu installati fihom, inkluż iċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tad-disinn u tal-produzzjoni.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1358 (3) jipprovdi regoli sempliċi u proporzjonati għall-inġenji tal-ajru li jintużaw għall-avjazzjoni sportiva u rikreattiva, li huma kosteffettivi u jnaqqsu kwalunkwe piż amministrattiv u finanzjarju bla bżonn għall-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn u fil-produzzjoni ta’ tali inġenji tal-ajru, filwaqt li jinżammu l-livelli meħtieġa ta’ sikurezza.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li jiġu introdotti wkoll regoli xierqa rigward il-kompiti ta’ ċertifikazzjoni, ta’ sorveljanza u ta’ infurzar tal-awtoritajiet kompetenti sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi tar-regoli sempliċi u proporzjonati introdotti għall-inġenji tal-ajru maħsuba primarjament għall-avjazzjoni sportiva u rikreattiva bir-Regolament Delegat (UE) 2022/1358.

(4)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/1358 jagħti perjodu tranżizzjonali suffiċjenti għall-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn u fil-produzzjoni ta’ tali inġenji tal-ajru, biex jiġi żgurat li jikkonformaw mar-regoli u mal-proċeduri l-ġodda introdotti b’dak ir-Regolament. L-istess perjodu tranżizzjonali jenħtieġ li japplika fir-rigward tar-regoli għall-awtoritajiet kompetenti.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 748/2012 jiġi emendat.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-Opinjoni Nru 05/2021 (4), maħruġa mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-kumitat stabbilit f’konformità mal-Artikolu 127(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness Ib (il-Parti 21 Dawl) tar-Regolament (UE) Nru 748/2012 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-25 ta’ Awwissu 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta’ Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1358 tat-2 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 748/2012 fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti aktar proporzjonati għall-inġenji tal-ajru użati għall-avjazzjoni sportiva u rikreazzjonali (ĠU L 205, 5.8.2022, p. 7).

(4)  L-Opinjoni 05/2021 tat-22 ta’ Ottubru 2021 tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, Parti 21 Ħafifa — Ċertifikazzjoni u dikjarazzjoni tal-konformità tad-disinn tal-inġenji tal-ajru użati għall-avjazzjoni sportiva u rikreattiva u prodotti u partijiet relatati, u dikjarazzjoni tad-disinn u tal-ħila tal-produzzjoni tal-organizzazzjonijiet, https://www.easa.europa.eu/document-library/opinions/opinion-052021


ANNESS

L-Anness Ib (il-Parti 21 Dawl) tar-Regolament (UE) Nru 748/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħlu l-punti 21L.1 u 21L.2 li ġejjin:

“21L.1   Ambitu

(a)

It-Taqsima A ta’ dan l-Anness (il-Parti 21 Dawl) tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni li ġejjin li l-post prinċipali tan-negozju tagħhom jinsab fi Stat Membru:

1.

l-applikant u d-detentur ta’ kwalunkwe ċertifikat maħruġ jew li għandu jinħareġ f’konformità ma’ dan l-Anness;

2.

persuni fiżiċi u ġuridiċi li jiddikjaraw, f’konformità ma’ dan l-Anness, il-konformità mad-disinn, il-kapaċitajiet potenzjali tad-disinn jew il-kapaċitajiet potenzjali tal-produzzjoni, jew li jkollhom l-intenzjoni li jagħmlu dawn id-dikjarazzjonijiet;

3.

il-firmatarju ta’ stqarrija tal-konformità għal inġenju tal-ajru, jew ċertifikat tar-rilaxx awtorizzat (il-Formola 1 tal-EASA) għal magna, skrun jew parti prodotta f’konformità ma’ dan l-Anness.

(b)

It-Taqsima B ta’ dan l-Anness tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw iċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar mill-Aġenzija u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali f’konformità ma’ dan l-Anness u tistabbilixxi r-rekwiżiti għas-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ ġestjoni tagħhom relatati mal-eżerċitar ta’ dawn il-kompiti.

21L.2   Awtorità kompetenti

Għall-fini ta’ dan l-Anness, “awtorità kompetenti” għandha tkun:

(a)

għas-Subparti A tat-Taqsima A,

1.

għall-organizzazzjonijiet tad-disinn, l-Aġenzija;

2.

għal organizzazzjoni tal-produzzjoni, l-awtorità ddeżinjata mill-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni jkollha l-post prinċipali tan-negozju tagħha; jew l-Aġenzija, jekk dik ir-responsabbiltà tkun ġiet allokata mill-ġdid lill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 64 jew 65 tar-Regolament (UE) 2018/1139;

(b)

għas-Subpartijiet B, C, D, E, F, J, K, M, N u Q tat-Taqsima A, l-Aġenzija;

(c)

għas-Subpartijiet G, H, I u R tat-Taqsima A, l-awtorità ddeżinjata mill-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni jkollha l-post prinċipali tan-negozju tagħha; jew l-Aġenzija, jekk dik ir-responsabbiltà tkun ġiet allokata mill-ġdid lill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 64 jew 65 tar-Regolament (UE) 2018/1139;

(d)

għas-Subparti P tat-Taqsima A:

1.

għall-inġenji tal-ajru rreġistrati fi Stat Membru, l-awtorità ddeżinjata mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni;

2.

għall-inġenji tal-ajru mhux irreġistrati, l-awtorità ddeżinjata mill-Istat Membru li jkun ppreskriva l-marki ta’ identifikazzjoni;

3.

għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir relatati mas-sikurezza tad-disinn, l-Aġenzija.”;

(2)

It-Taqsima B hija emendata kif ġej:

(a)

tiddaħħal is-Subparti A li ġejja:

“SUBPARTI A — DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

21L.B.11   Dokumentazzjoni tas-sorveljanza

L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi l-atti leġiżlattivi, l-istandards, ir-regoli, il-pubblikazzjonijiet tekniċi, u d-dokumenti relatati kollha lill-persunal rilevanti sabiex dan ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu u jaqdi r-responsabbiltajiet tiegħu.

21L.B.12   Skambju ta’ informazzjoni

(a)

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru u l-Aġenzija għandhom jikkondividu l-informazzjoni disponibbli għalihom permezz tal-investigazzjoni mwettqa tagħhom u s-sorveljanza mwettqa f’konformità ma’ din it-Taqsima, li hija rilevanti għall-parti l-oħra meta twettaq kompiti ta’ ċertifikazzjoni, sorveljanza jew infurzar skont din it-Taqsima.

(b)

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru u l-Aġenzija għandhom jikkoordinaw investigazzjoni ffokata fuq il-prodott u sorveljanza tad-disinn u l-produzzjoni ta’ prodotti u partijiet skont dan l-Anness, inkluż, fejn meħtieġ, it-twettiq ta’ żjarat konġunti ta’ sorveljanza.

21L.B.13   Informazzjoni lill-Aġenzija

(a)

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tinnotifika lill-Aġenzija f’każ ta’ kwalunkwe problema sinifikanti bl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, fi żmien 30 jum minn meta l-awtorità ssir taf bil-problemi.

(b)

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 376/2014 u għall-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tipprovdi lill-Aġenzija mill-aktar fis possibbli bi kwalunkwe informazzjoni sinifikanti għas-sikurezza li tirriżulta mir-rapporti tal-okkorrenzi maħżuna fil-bażi tad-data nazzjonali kif speċifikat fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014.

21L.B.14   Direttivi dwar l-ajrunavigabbiltà riċevuti minn Stati mhux Membri

Meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tirċievi direttiva dwar l-ajrunavigabbiltà mill-awtorità kompetenti ta’ Stat mhux Membru, dik id-direttiva dwar l-ajrunavigabbiltà għandha tiġi ttrasferita lill-Aġenzija.

21L.B.15   Reazzjoni immedjata għal problema ta’ sikurezza

(a)

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 376/2014 u għall-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha timplimenta sistema sabiex tiġbor, tanalizza u xxerred b’mod xieraq l-informazzjoni dwar is-sikurezza.

(b)

L-Aġenzija għandha timplimenta sistema sabiex tanalizza b’mod xieraq kwalunkwe informazzjoni rilevanti marbuta mas-sikurezza li din tkun irċeviet, u tipprovdi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed, bi kwalunkwe informazzjoni, inkluż rakkomandazzjonijiet jew azzjonijiet korrettivi li għandhom jittieħdu, li huma jkunu jeħtieġu sabiex jirreaġixxu fil-ħin għal problema ta’ sikurezza li tkun tinvolvi prodotti, partijiet, tagħmir, persuni jew organizzazzjonijiet li huma soġġetti għar-Regolament (UE) 2018/1139 u għall-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.

(c)

Hekk kif tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tieħu miżuri adegwati sabiex tindirizza l-problema ta’ sikurezza.

(d)

Il-miżuri meħuda skont il-punt (c) tal-punt 21L.B.15 għandhom jiġu nnotifikati minnufih lill-persuni jew lill-organizzazzjonijiet kollha li jeħtieġ li jikkonformaw magħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tinnotifika wkoll lill-Aġenzija dwar dawk il-miżuri u, meta tkun meħtieġa azzjoni kkombinata, lill-Istati Membri l-oħrajn kkonċernati.

21L.B.16   Sistema ta’ ġestjoni

(a)

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi u żżomm sistema ta’ ġestjoni, li tkun tinkludi mill-inqas:

1.

politiki u proċeduri dokumentati sabiex jiddeskrivu l-organizzazzjoni, il-mezzi u l-metodi tagħha sabiex tinkiseb konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u mar-Regolament (UE) Nru 376/2014 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. Il-proċeduri għandhom jinżammu aġġornati u jservu bħala d-dokumenti ta’ ħidma bażiċi fi ħdan dik l-awtorità kompetenti għall-kompiti relatati kollha;

2.

numru suffiċjenti ta’ persunal sabiex iwettaq il-kompiti tagħha u jeżegwixxi r-responsabbiltajiet tagħha. Għandu jkun hemm sistema fis-seħħ sabiex tkun tista’ tiġi ppjanata d-disponibbiltà tal-persunal, sabiex tkun żgurata t-tlestija xierqa tal-kompiti kollha;

3.

persunal li huwa kwalifikat sabiex iwettaq il-kompiti allokati lilu u li jkollu l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa, kif ukoll it-taħriġ inizjali u rikorrenti meħtieġ sabiex jiżgura kompetenza kontinwa;

4.

faċilitajiet u akkomodazzjoni tal-uffiċċji adegwati sabiex jitwettqu l-kompiti allokati;

5.

funzjoni sabiex jiġu mmonitorjati l-konformità tas-sistema ta’ ġestjoni mar-rekwiżiti rilevanti, u l-adegwatezza tal-proċeduri, inkluż l-istabbiliment ta’ proċess ta’ verifiki interni u proċess ta’ ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza. Il-funzjoni ta’ monitoraġġ tal-konformità għandha tinkludi sistema sabiex jiġi pprovdut feedback dwar is-sejbiet tal-verifiki lill-maniġment superjuri tal-awtorità kompetenti sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi kif ikun meħtieġ;

6.

persuna jew grupp ta’ persuni li jkollhom ir-responsabbiltà taħt il-maniġment superjuri tal-awtorità kompetenti għall-funzjoni ta’ monitoraġġ tal-konformità.

(b)

L-awtorità kompetenti għandha taħtar, għal kull qasam ta’ attività, inkluż fis-sistema ta’ ġestjoni, persuna jew persuni li jkollha/jkollhom ir-responsabbiltà ġenerali għall-ġestjoni tal-kompitu/i rilevanti.

(c)

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi proċeduri għall-parteċipazzjoni fi skambju reċiproku tal-informazzjoni kollha meħtieġa ma’ kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kkonċernata u għandha tagħtihom assistenza, fi ħdan l-Istat Membru jew fi Stati Membri oħrajn, inkluż dwar:

1.

is-sejbiet kollha kkomunikati u kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu li tittieħed bħala riżultat tas-sorveljanza ta’ persuni u organizzazzjonijiet li jwettqu attivitajiet fit-territorju ta’ Stat Membru, iżda li jkunu ċċertifikati mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, jew mill-Aġenzija;

2.

kwalunkwe informazzjoni li tirriżulta mir-rapportar tal-okkorrenzi obbligatorju u volontarju kif meħtieġ skont il-punt 21L.A.3.

(d)

Kopja tal-proċeduri relatati mas-sistema ta’ ġestjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru u kwalunkwe emenda għal dawk il-proċeduri għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija għall-fini ta’ standardizzazzjoni.

21L.B.17   Allokazzjoni ta’ kompiti lil entitajiet kwalifikati

(a)

Awtorità kompetenti tista’ talloka l-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni inizjali jew mas-sorveljanza kontinwa ta’ prodotti u partijiet, kif ukoll ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi soġġetti għar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, lil entitajiet kwalifikati. Meta talloka l-kompiti, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li:

1.

tkun daħħlet fis-seħħ sistema sabiex tivvaluta, fil-bidu u b’mod kontinwu, jekk l-entità kwalifikata tikkonformax mal-Anness VI “Rekwiżiti essenzjali għall-entitajiet kwalifikati” tar-Regolament (UE) 2018/1139. Din is-sistema u r-riżultati tal-valutazzjonijiet għandhom jiġu ddokumentati;

2.

tkun stabbiliet ftehim dokumentat mal-entità kwalifikata, li jkun approvat miż-żewġ partijiet fil-livell xieraq tal-maniġment, li jiddefinixxi:

(i)

il-kompiti li għandhom jitwettqu;

(ii)

id-dikjarazzjonijiet, ir-rapporti u r-rekords li għandhom jiġu pprovduti;

(iii)

il-kundizzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu ssodisfati fit-twettiq ta’ dawn il-kompiti;

(iv)

il-kopertura tar-responsabbiltà relatata;

(v)

il-protezzjoni mogħtija lill-informazzjoni miksuba meta jitwettqu dawn il-kompiti.

(b)

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-proċess ta’ verifiki interni u l-proċess ta’ ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza, li huma meħtieġa skont il-punt (a)(5) tal-punt 21L.B.16 ikopru l-kompiti kollha ta’ ċertifikazzjoni u ta’ sorveljanza kontinwa li jitwettqu f’isimha mill-entità kwalifikata.

21L.B.18   Bidliet fis-sistema ta’ ġestjoni

(a)

L-awtorità kompetenti għandu jkollha fis-seħħ sistema sabiex tidentifika l-bidliet li jaffettwaw il-kapaċità potenzjali tagħha li twettaq il-kompiti tagħha u teżegwixxi r-responsabbiltajiet tagħha kif definit fir-Regolament (UE) 2018/1139 u fir-Regolament (UE) Nru 376/2014 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. Din is-sistema għandha tippermettilha tieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex tiżgura li s-sistema ta’ ġestjoni tagħha tibqa’ adegwata u effettiva.

(b)

L-awtorità kompetenti għandha taġġorna s-sistema ta’ ġestjoni tagħha sabiex tirrifletti kwalunkwe bidla fir-Regolament (UE) 2018/1139 u fir-Regolament (UE) Nru 376/2014 u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu b’mod f’waqtu, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tagħha.

(c)

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tinnotifika lill-Aġenzija bi kwalunkwe bidla li taffettwa l-kapaċità potenzjali tagħha li twettaq il-kompiti tagħha u teżegwixxi r-responsabbiltajiet tagħha kif definit fir-Regolament (UE) 2018/1139 u fir-Regolament (UE) Nru 376/2014 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.

21L.B.19   Riżoluzzjoni ta’ tilwim

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tistabbilixxi proċess għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim fi ħdan il-proċeduri dokumentati tagħha.

21L.B.20   Żamma ta’ rekords

(a)

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi sistema ta’ żamma ta’ rekords li tippermetti l-ħżin adegwat, l-aċċessibbiltà u t-traċċabbiltà affidabbli:

1.

tal-politiki u tal-proċeduri dokumentati tas-sistema ta’ ġestjoni;

2.

tat-taħriġ, tal-kwalifiki u tal-awtorizzazzjoni tal-persunal tagħha;

3.

tal-allokazzjoni tal-kompiti li jkopru l-elementi meħtieġa skont il-punt 21L.B.17, kif ukoll id-dettalji tal-kompiti allokati;

4.

tal-proċessi ta’ ċertifikazzjoni u s-sorveljanza kontinwa tal-organizzazzjonijiet iċċertifikati u ddikjarati, inkluż:

(i)

l-applikazzjonijiet għal ċertifikat;

(ii)

id-dikjarazzjonijiet ta’ kapaċità potenzjali;

(iii)

id-dikjarazzjonijiet ta’ konformità tad-disinn;

(iv)

il-programm ta’ sorveljanza kontinwa tal-awtorità kompetenti, inkluż ir-rekords kollha tal-valutazzjonijiet, tal-verifiki u tal-ispezzjonijiet;

(v)

iċ-ċertifikati maħruġa, inkluż kwalunkwe bidla fihom;

(vi)

kopja tal-programm ta’ sorveljanza li jelenka d-dati meta jmisshom isiru l-verifiki u meta saru;

(vii)

kopji tal-korrispondenza formali kollha;

(viii)

ir-rakkomandazzjonijiet għall-ħruġ jew għall-kontinwazzjoni ta’ ċertifikat jew għall-kontinwazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni, id-dettalji tas-sejbiet u l-azzjonijiet meħuda mill-organizzazzjonijiet sabiex dawn jingħalqu, inkluż id-data tal-għeluq ta’ kull punt, l-azzjonijiet ta’ infurzar u l-osservazzjonijiet;

(ix)

kwalunkwe rapport ta’ valutazzjoni, ta’ verifika jew ta’ spezzjoni maħruġ minn awtorità kompetenti oħra;

(x)

kopji tal-manwali bl-istruzzjonijiet, tal-proċeduri u tal-proċessi jew tal-manwali kollha tal-organizzazzjoni u l-emendi għalihom;

(xi)

kopji ta’ kwalunkwe dokument ieħor approvat mill-awtorità kompetenti;

5.

stqarrijiet ta’ konformità tal-inġenji tal-ajru (il-Formola 52B tal-EASA) jew ċertifikati ta’ rilaxx awtorizzati (il-Formola 1 tal-EASA) għall-magni, għall-iskrejjen jew għall-partijiet li tkun spezzjonat skont is-Subparti R ta’ dan l-Anness.

(b)

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tinkludi fiż-żamma ta’ rekords:

1.

l-evalwazzjoni u n-notifika lill-Aġenzija ta’ kwalunkwe mezz alternattiv ta’ konformità propost mill-organizzazzjonijiet u l-valutazzjoni ta’ kwalunkwe mezz alternattiv ta’ konformità użat mill-awtorità kompetenti nnifisha;

2.

informazzjoni dwar is-sikurezza f’konformità mal-punt 21L.B.13 u l-miżuri ta’ segwitu;

3.

l-użu ta’ dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja u flessibbiltà f’konformità mal-Artikoli 71(1) u 76(4) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(c)

L-awtorità kompetenti għandha żżomm lista taċ-ċertifikati kollha li tkun ħarġet u kwalunkwe dikjarazzjoni li tkun irreġistrat.

(d)

Ir-rekords kollha msemmija fil-punti (a), (b) u (c) għandhom jinżammu għal perjodu minimu ta’ ħames snin, soġġett għal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

(e)

Ir-rekords kollha msemmija fil-punti (a), (b) u (c), fuq talba, għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jew tal-Aġenzija.

21L.B.21   Sejbiet u osservazzjonijiet

(a)

Meta l-awtorità kompetenti, matul l-investigazzjoni jew is-sorveljanza jew bi kwalunkwe mezz ieħor, tidentifika nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, ta’ proċedura jew ta’ manwal meħtieġ skont dawk ir-Regolamenti, jew ta’ ċertifikat jew dikjarazzjoni maħruġa f’konformità ma’ dawk ir-Regolamenti, din għandha, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni addizzjonali meħtieġa skont dawk ir-Regolamenti, tikkomunika sejba.

(b)

L-awtorità kompetenti għandu jkollha sistema sabiex tanalizza s-sejbiet fir-rigward tas-sinifikat tas-sikurezza tagħhom.

Sejba tal-livell 1 għandha tinħareġ mill-awtorità kompetenti meta jinstab kwalunkwe nuqqas sinifikanti ta’ konformità li jnaqqas is-sikurezza jew li jipperikola serjament is-sikurezza tat-titjira, jew fil-każ ta’ organizzazzjonijiet tad-disinn tista’ twassal għal nuqqas ta’ konformità mhux ikkontrollat u għal kundizzjoni mhux sikura potenzjali skont il-punt 21L.B.23; is-sejbiet tal-livell 1 għandhom jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

1.

kwalunkwe nuqqas milli l-awtorità kompetenti tingħata aċċess għall-faċilitajiet tal-organizzazzjoni jew tal-persuna fiżika jew ġuridika kif definit fil-punt 21L.A.10 matul il-ħinijiet normali tax-xogħol u wara żewġ talbiet bil-miktub;

2.

l-għoti ta’ informazzjoni ħażina jew falsifikazzjoni ta’ evidenza dokumentarja;

3.

kwalunkwe evidenza ta’ prassi ħażina jew ta’ użu frawdolenti ta’ ċertifikat, dikjarazzjoni jew stqarrija maħruġa f’konformità ma’ dan l-Anness;

4.

in-nuqqas ta’ maniġer responsabbli jew ta’ kap tal-organizzazzjoni tad-disinn, kif applikabbli.

Sejba tal-livell 2 għandha tinħareġ mill-awtorità kompetenti meta jiġi identifikat kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (UE) 2018/1139 u tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, ta’ proċedura jew manwal meħtieġ skont dawk ir-Regolamenti, jew ta’ dikjarazzjoni maħruġa f’konformità ma’ dawk ir-Regolamenti, li ma tiġix ikklassifikata bħala sejba tal-livell 1.

(c)

L-awtorità kompetenti għandha tikkomunika s-sejba lill-organizzazzjoni jew lill-persuna fiżika jew ġuridika bil-miktub, u għandha titlob azzjoni korrettiva sabiex tindirizza n-nuqqas(ijiet) ta’ konformità identifikat(i).

(d)

Jekk ikun hemm xi sejba tal-livell 1, l-awtorità kompetenti għandha tieħu azzjoni immedjata u xierqa f’konformità mal-punt 21L.B.22, sakemm is-sejba ma tkunx fuq organizzazzjoni tad-disinn li tkun iddikjarat il-kapaċitajiet potenzjali tad-disinn tagħha, u f’dak il-każ l-Aġenzija għandha l-ewwel tagħti lill-organizzazzjoni perjodu ta’ implimentazzjoni għal azzjoni korrettiva li jkun xieraq għan-natura tas-sejba, li fi kwalunkwe każ ma għandux ikun iktar minn 21 jum tax-xogħol. Dan il-perjodu għandu jibda mid-data tal-komunikazzjoni bil-miktub dwar is-sejba lill-organizzazzjoni, li titlob azzjoni korrettiva sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ konformità identifikat. Jekk is-sejba tal-livell 1 tkun relatata direttament ma’ inġenju tal-ajru, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun irreġistrat l-inġenju tal-ajru.

(e)

Għal sejbiet tal-livell 2, l-awtorità kompetenti għandha tagħti lill-organizzazzjoni jew lill-persuna fiżika jew ġuridika perjodu ta’ implimentazzjoni għal azzjoni korrettiva li jkun xieraq għan-natura tas-sejba. Il-perjodu għandu jibda mid-data tal-komunikazzjoni bil-miktub dwar is-sejba lill-organizzazzjoni jew lill-persuna fiżika jew ġuridika, li titlob azzjoni korrettiva sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ konformità identifikat. Fi tmiem dan il-perjodu, u soġġett għan-natura tas-sejba, l-awtorità kompetenti tista’ testendi l-perjodu, diment li jkun intlaħaq qbil dwar pjan ta’ azzjoni korrettiva mill-awtorità kompetenti.

L-awtorità kompetenti għandha tivvaluta l-azzjoni korrettiva u l-pjan ta’ implimentazzjoni propost mill-organizzazzjoni jew mill-persuna fiżika jew ġuridika, u jekk il-valutazzjoni tikkonkludi li huma biżżejjed sabiex jindirizzaw in-nuqqas(ijiet) ta’ konformità, taċċettahom.

Jekk l-organizzazzjoni jew il-persuna fiżika jew ġuridika tonqos milli tressaq pjan ta’ azzjoni korrettiva aċċettabbli, jew milli twettaq l-azzjoni korrettiva fil-perjodu ta’ żmien aċċettat jew estiż mill-awtorità kompetenti, is-sejba għandha tiġi avvanzata għal sejba tal-livell 1 u għandha tittieħed azzjoni kif stipulat fil-punt (d).

(f)

L-awtorità kompetenti tista’ toħroġ osservazzjonijiet għal dawk il-każijiet li ma jeħtiġux sejbiet tal-livell 1 jew tal-livell 2:

1.

għal kwalunkwe oġġett li l-prestazzjoni tiegħu tkun ġiet ivvalutata bħala ineffettiva;

2.

meta jkun ġie identifikat li oġġett ikollu l-potenzjal li jikkawża nuqqas ta’ konformità; jew

3.

meta s-suġġerimenti jew it-titjib ikunu ta’ interess għall-prestazzjoni kumplessiva tas-sikurezza tal-organizzazzjoni.

L-osservazzjonijiet maħruġa skont dan il-punt għandhom jiġu kkomunikati lill-organizzazzjoni jew lill-persuna fiżika jew ġuridika bil-miktub u għandhom jiġu rreġistrati mill-awtorità kompetenti.

21L.B.22   Miżuri ta’ infurzar

(a)

L-awtorità kompetenti għandha:

1.

tissospendi ċertifikat jekk l-awtorità kompetenti tqis li jkun hemm raġunijiet raġonevoli li din l-azzjoni tkun meħtieġa sabiex tiġi evitata theddida kredibbli għas-sikurezza tal-inġenji tal-ajru;

2.

toħroġ direttiva dwar l-ajrunavigabbiltà skont il-kundizzjonijiet tal-punt 21L.B.23;

3.

tissospendi, tirrevoka jew tillimita ċertifikat jekk din l-azzjoni tkun meħtieġa skont il-punt (d) tal-punt 21L.B.21;

4.

tissospendi jew tirrevoka ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà jew ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà ristrett meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet speċifikati fil-punt (b) tal-punt 21L.B.163;

5.

tissospendi jew tirrevoka ċertifikat tal-istorbju jew ċertifikat tal-istorbju ristrett meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet speċifikati fil-punt (b) tal-punt 21L.B.173;

6.

tieħu azzjoni immedjata u xierqa meħtieġa sabiex tillimita jew tipprojbixxi l-attivitajiet ta’ organizzazzjoni jew ta’ persuna fiżika jew ġuridika jekk l-awtorità kompetenti tqis li hemm raġunijiet raġonevoli li din l-azzjoni hija meħtieġa sabiex tiġi evitata theddida kredibbli għas-sikurezza tal-inġenji tal-ajru;

7.

tillimita jew tipprojbixxi l-attivitajiet ta’ organizzazzjoni jew ta’ persuna fiżika jew ġuridika li tkun iddikjarat il-kapaċitajiet potenzjali tagħha li tiddisinnja jew li tipproduċi prodotti jew partijiet f’konformità mat-Taqsima A jew li toħroġ stqarrijiet ta’ konformità (il-Formola 52B tal-EASA) jew ċertifikati ta’ rilaxx awtorizzati (il-Formola 1 tal-EASA) f’konformità mas-Subparti R tat-Taqsima A ta’ dan l-Anness skont il-punt (d) tal-punt 21L.B.21;

8.

ma tirreġistrax dikjarazzjoni ta’ konformità tad-disinn sakemm ikun hemm sejbiet mhux solvuti mill-investigazzjoni ta’ sorveljanza inizjali;

9.

tneħħi b’mod temporanju jew permanenti mir-reġistru dikjarazzjoni ta’ konformità tad-disinn jew dikjarazzjoni ta’ kapaċità potenzjali skont il-punt (d) tal-punt 21L.B.21;

10.

tieħu kwalunkwe miżura oħra ta’ infurzar meħtieġa sabiex tiżgura t-terminazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1139 u ma’ dan l-Anness, u, fejn meħtieġ, tirrimedja l-konsegwenzi ta’ dan.

(b)

Malli tieħu miżura ta’ infurzar f’konformità mal-punt (a), l-awtorità kompetenti għandha tinnotifikaha lid-destinatarju, tiddikjara r-raġunijiet għaliha, u tinforma lid-destinatarju bid-dritt tiegħu għal appell.

21L.B.23   Direttivi dwar l-ajrunavigabbiltà

(a)

Direttiva dwar l-ajrunavigabbiltà tfisser dokument maħruġ jew adottat mill-Aġenzija li jordna azzjonijiet li għandhom jitwettqu fuq inġenju tal-ajru sabiex dan jerġa’ lura għal livell aċċettabbli ta’ sikurezza meta l-evidenza turi li l-livell ta’ sikurezza ta’ dan l-inġenju tal-ajru tkun tista’ tiġi kompromessa b’xi mod ieħor.

(b)

L-Aġenzija għandha toħroġ direttiva dwar l-ajrunavigabbiltà meta:

1.

ikun ġie ddeterminat mill-Aġenzija li teżisti kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ sikurezza f’inġenju tal-ajru bħala riżultat ta’ defiċjenza fl-inġenju tal-ajru, jew f’magna, fi skrun jew f’parti installata fuq dan l-inġenju tal-ajru; u

2.

dik il-kundizzjoni aktarx li teżisti jew tiżviluppa f’inġenji tal-ajru oħrajn.

(c)

Direttiva dwar l-airworthiness għandu jkun fiha mill-anqas informazzjoni li tidentifika:

1.

il-kundizzjoni mhux sikura;

2.

l-inġenju tal-ajru affettwat;

3.

l-azzjoni(jiet) meħtieġa;

4.

iż-żmien ta’ konformità għall-azzjoni(jiet) meħtieġa;

5.

id-data tad-dħul fis-seħħ.

21L.B.24   Mezzi ta’ konformità

(a)

L-Aġenzija għandha tiżviluppa mezzi ta’ konformità aċċettabbli (“AMC”) li jistgħu jintużaw sabiex tiġi stabbilita l-konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.

(b)

Jistgħu jintużaw mezzi alternattivi ta’ konformità sabiex tiġi stabbilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

(c)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-Aġenzija dwar kwalunkwe mezz alternattiv ta’ konformità użat mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi taħt is-sorveljanza tagħhom għall-istabbiliment tal-konformità ma’ dan ir-Regolament.”;

(b)

jiddaħħlu s-Subpartijiet G, H u I li ġejjin:

“SUBPARTI G — ORGANIZZAZZJONIJIET TAL-PRODUZZJONI DDIKJARATI

21L.B.141   Investigazzjoni ta’ sorveljanza inizjali

(a)

Malli tirċievi dikjarazzjoni minn organizzazzjoni li tiddikjara l-kapaċità potenzjali tal-produzzjoni tagħha, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika li:

1.

id-dikjarant huwa eliġibbli jiddikjara l-kapaċità potenzjali tal-produzzjoni tiegħu f’konformità mal-punt 21L.A.122;

2.

id-dikjarazzjoni jkun fiha l-informazzjoni kollha speċifikata fil-punt (c) tal-punt 21L.A.123; u

3.

id-dikjarazzjoni ma fihiex informazzjoni li tindika nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tas-Subparti G tat-Taqsima A ta’ dan l-Anness.

(b)

L-awtorità kompetenti għandha tirrikonoxxi l-wasla tad-dikjarazzjoni, inkluż l-assenjazzjoni ta’ numru ta’ referenza ta’ organizzazzjoni tal-produzzjoni ddikjarata individwali lid-dikjarant.

21L.B.142   Reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-kapaċità potenzjali tal-produzzjoni

L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra d-dikjarazzjoni tal-kapaċità potenzjali tal-produzzjoni fuq bażi tad-data xierqa, inkluż l-ambitu ddikjarat tax-xogħol, diment li:

(a)

id-dikjarant iddikjara l-kapaċità potenzjali tiegħu f’konformità mal-punt 21L.A.123;

(b)

id-dikjarant impenja ruħu li se jitwettqu l-obbligi f’konformità mal-punt 21L.A.127;

(c)

ma hemm l-ebda kwistjoni mhux solvuta f’konformità mal-punt 21L.B.141.

21L.B.143   Sorveljanza

(a)

L-awtorità kompetenti għandha tissorvelja l-organizzazzjoni tal-produzzjoni ddikjarata sabiex tivverifika l-konformità kontinwa tal-organizzazzjoni tal-produzzjoni ddikjarata mar-rekwiżiti applikabbli tat-Taqsima A u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sikurezza kif stipulat fil-punti (c) u (d) tal-punt 21L.B.15.

(b)

Is-sorveljanza għandha tinkludi spezzjoni skont l-ewwel artikolu ta’ kull inġenju tal-ajru, magna, skrun jew disinn ta’ parti ġdid(a) prodott(a) għall-ewwel darba u, kif iddeterminat mill-programm ta’ sorveljanza f’konformità mal-punt 21L.B.144, spezzjonijiet ta’ inġenji tal-ajru, magni, skrejjen u partijiet li jiġu prodotti wara mill-organizzazzjoni tal-produzzjoni ddikjarata.

21L.B.144   Programm ta’ sorveljanza

(a)

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi u żżomm programm ta’ sorveljanza sabiex tiżgura l-konformità mal-punt 21L.B.143. Il-programm ta’ sorveljanza għandu jqis in-natura speċifika tal-organizzazzjoni, il-kumplessità tal-attivitajiet tagħha u r-riżultati ta’ attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni u/jew sorveljanza li saru fil-passat, u għandu jkun ibbażat fuq il-valutazzjoni tar-riskji assoċjati. F’kull ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza, dan għandu jinkludi:

1.

valutazzjonijiet, verifiki u spezzjonijiet, inkluż, kif xieraq:

(i)

il-valutazzjonijiet tas-sistemi ta’ ġestjoni u l-verifiki tal-proċessi;

(ii)

il-verifiki tal-prodott ta’ kampjun rilevanti tal-prodotti u l-partijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-organizzazzjoni;

(iii)

il-kampjunar tax-xogħol imwettaq; u

(iv)

spezzjonijiet mingħajr avviż;

2.

laqgħat bejn il-maniġer responsabbli u l-awtorità kompetenti sabiex jiġi żgurat li t-tnejn jibqgħu jiġu informati dwar kwalunkwe kwistjoni sinifikanti.

(b)

Il-programm ta’ sorveljanza għandu jinkludi rekords tad-dati meta jmisshom isiru l-valutazzjonijiet, il-verifiki, l-ispezzjonijiet u l-laqgħat, u d-dati meta effettivament ikunu saru l-valutazzjonijiet, il-verifiki, l-ispezzjonijiet u l-laqgħat.

(c)

Għandu jiġi applikat ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza li ma jaqbiżx l-24 xahar.

(d)

Minkejja l-punt (c), iċ-ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza jista’ jiġi estiż sa 36 xahar, jekk l-awtorità kompetenti tkun stabbiliet li matul l-24 xahar ta’ qabel:

1.

l-organizzazzjoni tkun uriet li tista’ tidentifika b’mod effettiv il-perikli għas-sikurezza tal-avjazzjoni u tiġġestixxi r-riskji assoċjati;

2.

l-organizzazzjoni tkun uriet kontinwament konformità mal-punt 21L.A.128 u jkollha kontroll sħiħ fuq il-bidliet kollha fis-sistema ta’ ġestjoni għall-produzzjoni;

3.

ma tkun inħarġet l-ebda sejba tal-livell 1;

4.

l-azzjonijiet korrettivi kollha ġew implimentati fil-perjodu ta’ żmien li kien aċċettat jew estiż mill-awtorità kompetenti kif definit fil-punt 21L.B.21.

(e)

Minkejja l-punt (c), iċ-ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza jista’ jkompli jiġi estiż għal massimu ta’ 48 xahar jekk, minbarra l-kundizzjonijiet previsti fil-punt (d), l-organizzazzjoni tkun stabbiliet, u l-awtorità kompetenti tkun approvat, sistema kontinwa effettiva għar-rapportar lill-awtorità kompetenti dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza u l-konformità regolatorja tal-organizzazzjoni nnifisha.

(f)

Iċ-ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza jista’ jitqassar jekk ikun hemm evidenza li l-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjoni tkun naqset.

(g)

Mat-tlestija ta’ kull ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ rapport ta’ rakkomandazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-attivitajiet imwettqa mill-organizzazzjoni tal-produzzjoni ddikjarata abbażi tad-dikjarazzjoni tagħha tal-kapaċità potenzjali tal-produzzjoni, li jirrifletti r-riżultati tas-sorveljanza.

21L.B.145   Attivitajiet ta’ sorveljanza

(a)

Meta l-awtorità kompetenti tivverifika l-konformità tal-organizzazzjoni tal-produzzjoni ddikjarata f’konformità mal-punt 21L.B.143 u l-programm ta’ sorveljanza stabbilit f’konformità mal-punt 21L.B.144, din għandha:

1.

tipprovdi lill-persunal responsabbli għas-sorveljanza bi gwida sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu;

2.

twettaq valutazzjonijiet, verifiki, spezzjonijiet u, jekk ikun meħtieġ, spezzjonijiet mingħajr avviż;

3.

tiġbor l-evidenza meħtieġa f’każ li tkun meħtieġa azzjoni ulterjuri, inkluż il-miżuri previsti fil-punti 21L.B.21 u 21L.B.22;

4.

tinforma lill-organizzazzjoni tal-produzzjoni ddikjarata dwar ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ sorveljanza.

(b)

Jekk il-faċilitajiet tal-organizzazzjoni tal-produzzjoni ddikjarata jkunu jinsabu f’aktar minn Stat wieħed, l-awtorità kompetenti, identifikata fil-punt 21L.2, tista’ taqbel li l-kompiti ta’ sorveljanza jitwettqu mill-awtorità/awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i fejn ikunu jinsabu l-faċilitajiet l-oħrajn, jew mill-Aġenzija għal faċilitajiet li jinsabu fi Stat mhux Membru. Kwalunkwe organizzazzjoni tal-produzzjoni ddikjarata li tkun soġġetta għal ftehim bħal dan għandha tiġi informata dwar l-eżistenza u l-ambitu tiegħu.

(c)

Għal kwalunkwe attività ta’ sorveljanza li titwettaq mill-awtorità kompetenti f’faċilitajiet li jinsabu fi Stat Membru għajr dak fejn l-organizzazzjoni jkollha l-post prinċipali tan-negozju tagħha, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru qabel ma twettaq kwalunkwe verifika jew spezzjoni fuq il-post tal-faċilitajiet.

(d)

L-awtorità kompetenti għandha tiġbor u tipproċessa kwalunkwe informazzjoni li titqies meħtieġa għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza.

(e)

Jekk l-awtorità kompetenti ssib nuqqas ta’ konformità tal-organizzazzjoni tal-produzzjoni ddikjarata mar-rekwiżiti applikabbli tat-Taqsima A u mal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sikurezza obbligatorji skont il-punti (c) u (d) tal-punt 21L.B.15, l-awtorità kompetenti għandha taġixxi f’konformità mal-punti 21L.B.21 u 21L.B.22.

21L.B.146   Bidliet fid-dikjarazzjonijiet

(a)

Malli tirċievi notifika tal-bidliet f’konformità mal-punt 21L.A.128, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-kompletezza tan-notifika f’konformità mal-punt 21L.B.141.

(b)

L-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-programm ta’ sorveljanza tagħha stabbilit skont il-punt 21L.B.144 u tinvestiga jekk huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita kwalunkwe kundizzjoni li taħtha l-organizzazzjoni tista’ topera matul il-bidla.

(c)

Meta l-bidla taffettwa kwalunkwe aspett tad-dikjarazzjoni li jkun irreġistrat f’konformità mal-punt 21L.B.142, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna r-reġistru.

(d)

Mat-tlestija tal-attivitajiet meħtieġa mill-punti (a) sa (c), l-awtorità kompetenti għandha tirrikonoxxi l-wasla tan-notifika lill-organizzazzjoni tal-produzzjoni ddikjarata.

SUBPARTI H — ĊERTIFIKATI TAL-AJRUNAVIGABBILTÀ U ĊERTIFIKATI RISTRETTI TAL-AJRUNAVIGABBILTÀ

21L.B.161   Investigazzjoni

(a)

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għandha tħejji proċeduri għall-investigazzjonijiet tagħha, li jkunu jkopru mill-inqas l-elementi li ġejjin:

1.

l-evalwazzjoni tal-eliġibbiltà tal-applikant;

2.

l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni;

3.

il-klassifikazzjoni taċ-ċertifikati tal-ajrunavigabbiltà;

4.

l-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni li tasal mal-applikazzjoni;

5.

l-ispezzjonijiet tal-inġenju tal-ajru;

6.

id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet, tar-restrizzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet meħtieġa għaċ-ċertifikat.

(b)

Malli tirċievi applikazzjoni għal ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà jew għal ċertifikat ristrett tal-ajrunavigabbiltà, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għandha tivverifika jekk l-inġenju tal-ajru jaqax fl-ambitu stabbilit fil-punt 21L.A.141.

(c)

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għandha twettaq biżżejjed attivitajiet ta’ investigazzjoni sabiex tiġġustifika l-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, is-sospensjoni jew ir-revoka taċ-ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà jew taċ-ċertifikat ristrett tal-ajrunavigabbiltà. Meta twettaq investigazzjonijiet relatati mal-ħruġ ta’ ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà jew ċertifikat ristrett tal-ajrunavigabbiltà għal inġenju tal-ajru li jkun għadu kemm ġie prodott, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għandha tevalwa l-ħtieġa li titwettaq spezzjoni fiżika tal-inġenju tal-ajru sabiex jiġu żgurati l-konformità u s-sikurezza tat-titjira tal-inġenju tal-ajru qabel il-ħruġ ta’ ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà jew ċertifikat ristrett tal-ajrunavigabbiltà. Din l-evalwazzjoni għandha tqis:

1.

ir-riżultati tal-ispezzjoni fiżika skont l-ewwel artikolu ta’ dak il-prodott fil-konfigurazzjoni finali, imwettqa f’konformità mal-punt (b) tal-punt 21L.B.143 jew mal-punt (b) tal-punt 21L.B.251 mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni, jew mill-awtorità kompetenti li tissorvelja l-organizzazzjoni jew il-persuna fiżika jew ġuridika li pproduċiet dan l-inġenju tal-ajru, jekk ikun differenti;

2.

il-perjodu ta’ żmien mill-aħħar spezzjoni fiżika mwettqa mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni ta’ inġenju tal-ajru prodott mill-organizzazzjoni, jew mill-persuna fiżika jew ġuridika li pproduċiet dak l-inġenju tal-ajru;

3.

ir-riżultati tas-sorveljanza mwettqa skont is-Subparti G ta’ dan l-Anness jew skont is-Subparti G tat-Taqsima b tal-Anness I (il-Parti 21) tal-organizzazzjoni li toħroġ l-istqarrija ta’ konformità għall-inġenju tal-ajru, jew il-verifika mwettqa taħt is-Subparti R tat-Taqsima A ta’ dan l-Anness ta’ stqarrijiet ta’ konformità oħrajn (il-Formola 52B tal-EASA) jew ċertifikati ta’ rilaxx awtorizzat (il-Formola 1 tal-EASA) li nħarġu mill-istess firmatarju;

4.

il-perjodu ta’ żmien mill-aħħar żjara ta’ sorveljanza tal-organizzazzjoni f’konformità mas-Subparti G ta’ dan l-Anness, jew mas-Subparti G tat-Taqsima b tal-Anness I (il-Parti 21), jew mill-aħħar verifika mwettqa taħt is-Subparti R tat-Taqsima A ta’ dan l-Anness ta’ stqarrija ta’ konformità (il-Formola 52B tal-EASA) jew ċertifikat ta’ rilaxx awtorizzat (il-Formola 1 tal-EASA) maħruġa mill-istess firmatarju.

21L.B.162   Ħruġ jew emendar ta’ ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà jew ċertifikat ristrett tal-ajrunavigabbiltà

(a)

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għandha toħroġ jew temenda ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà (il-Formola 25 tal-EASA, ara l-Appendiċi VI tal-Anness I (il-Parti 21) mingħajr dewmien żejjed meta l-applikant ikun ipprovda d-dokumentazzjoni meħtieġa mill-punt 21L.A.143 u jikkonforma mal-obbligi fil-punt 21L.A.144, u meta tkun sodisfatta li:

1.

għall-inġenji tal-ajru ġodda, li l-inġenju tal-ajru, u l-magna u l-iskrun tiegħu jekk applikabbli, jikkonformaw ma’ disinn approvat f’konformità mas-Subparti B ta’ dan l-Anness u li huwa f’kundizzjoni għal tħaddim sikur;

2.

għall-inġenji tal-ajru użati, li:

(i)

l-inġenju tal-ajru, u l-magna u l-iskrun tiegħu jekk applikabbli, jikkonformaw ma’ disinn tat-tip approvat f’konformità mas-Subparti B ta’ dan l-Anness u ma’ kwalunkwe ċertifikat tat-tip supplimentari, tibdil jew tiswija approvata f’konformità mas-Subparti D, E jew M ta’ dan l-Anness;

(ii)

kien hemm konformità mad-direttivi applikabbli dwar l-ajrunavigabbiltà; u

(iii)

l-inġenju tal-ajru, u l-magna u l-iskrun tiegħu jekk applikabbli, ġew spezzjonati f’konformità mal-Anness I (il-Parti-M) jew l-Anness Vb (il-Parti-ML) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014.

(b)

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għandha toħroġ jew temenda ċertifikat ristrett tal-ajrunavigabbiltà (il-Formola 24B tal-EASA, ara l-Appendiċi I) mingħajr dewmien żejjed meta l-applikant ikun ipprovda d-dokumentazzjoni meħtieġa mill-punt 21L.A.143 u jikkonforma mal-obbligi fil-punt 21L.A.144, u meta tkun sodisfatta li:

1.

għall-inġenji tal-ajru ġodda, li l-inġenju tal-ajru, u l-magna u l-iskrun tiegħu jekk applikabbli, jikkonformaw ma’ disinn tal-inġenju tal-ajru li għalih ġiet iddikjarata l-konformità tad-disinn f’konformità mas-Subparti C tat-Taqsima A ta’ dan l-Anness, li huwa rreġistrat mill-Aġenzija f’konformità mal-punt 21L.B. 63 fil-ħin tal-applikazzjoni, u jkun f’kundizzjoni għal tħaddim sikur;

2.

għall-inġenji tal-ajru użati, li:

(i)

l-inġenju tal-ajru, u l-magna u l-iskrun tiegħu jekk applikabbli, jikkonformaw ma’ disinn tal-inġenju tal-ajru li għalih ġiet iddikjarata l-konformità tad-disinn f’konformità mas-Subparti C tat-Taqsima A ta’ dan l-Anness, u li huwa rreġistrat mill-Aġenzija f’konformità mal-punt 21L.B. 63 fil-ħin tal-applikazzjoni, flimkien ma’ kwalunkwe tibdil fid-disinn jew tibdil fid-disinn tat-tiswija li għalihom ġiet iddikjarata l-konformità tad-disinn f’konformità mas-Subparti F jew N tat-Taqsima A ta’ dan l-Anness, li huma rreġistrati mill-Aġenzija skont il-punt 21L.B.122 jew il-punt 21L.B.222, jew mid-dikjarant f’konformità mal-punt (c) tal-punt 21L.A.105;

(ii)

kien hemm konformità mad-direttivi applikabbli dwar l-ajrunavigabbiltà; u

(iii)

l-inġenju tal-ajru jkun ġie spezzjonat f’konformità mal-Anness I (il-Parti-M) jew mal-Anness Vb (il-Parti-ML) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014.

(c)

B’deroga mill-punti (a) u (b) tal-punt 21L.B.162, għal inġenju tal-ajru użat li joriġina minn Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni l-ġdid għandha toħroġ iċ-ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà jew iċ-ċertifikat ristrett tal-ajrunavigabbiltà meta l-applikant ikun ipprovda d-dokumentazzjoni meħtieġa skont il-punt (b) tal-punt 21L.A.145 u meta tkun sodisfatta li l-applikant jikkonforma mal-punt (a) tal-punt 21L.A.144.

(d)

Għall-inġenji tal-ajru ġodda, u għall-inġenji tal-ajru użati li joriġinaw minn Stat mhux Membru, minbarra ċ-ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà xieraq imsemmi fil-punt (a) jew (b), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għandha toħroġ:

1.

għall-inġenji tal-ajru soġġetti għall-Anness I (il-Parti-M) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014, ċertifikat inizjali tar-rieżami tal-ajrunavigabbiltà (il-Formola 15a tal-EASA, l-Appendiċi II);

2.

għall-inġenji tal-ajru ġodda soġġetti għall-Anness Vb (il-Parti-ML) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014, ċertifikat inizjali tar-rieżami tal-ajrunavigabbiltà (il-Formola 15c tal-EASA, l-Appendiċi II);

3.

għall-inġenji tal-ajru użati li joriġinaw minn Stat mhux Membru u soġġetti għall-Anness Vb (il-Parti-ML) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014, ċertifikat inizjali tar-rieżami tal-ajrunavigabbiltà (il-Formola 15c tal-EASA, l-Appendiċi II), meta l-awtorità kompetenti tkun wettqet ir-rieżami tal-ajrunavigabbiltà.

(e)

Ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà jew ċertifikat ristrett tal-ajrunavigabbiltà għandu jinħareġ għal durata mhux limitata. Dan jista’ jiġi emendat biss mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni.

21L.B.163   Sorveljanza

(a)

Fuq evidenza ta’ ksur ta’ kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li taħthom ikun inħareġ iċ-ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà jew iċ-ċertifikat ristrett tal-ajrunavigabbiltà, jew li d-detentur ma jikkonformax mar-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu jew mad-disinn tat-tip applikabbli jew mad-data tad-disinn applikabbli ta’ inġenju tal-ajru li għalih tkun ġiet iddikjarata l-konformità tad-disinn, jew mar-rekwiżiti tal-ajrunavigabbiltà kontinwa, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għandha toħroġ sejba f’konformità mal-punt 21L.B.21.

(b)

Meta ċ-ċertifikat tat-tip li taħtu jkun inħareġ iċ-ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà jiġi sospiż jew revokat, jew inkella jsir invalidu f’konformità mal-punt 21L.A.30, jew id-dikjarazzjoni ta’ konformità tad-disinn li taħtha jkun inħareġ iċ-ċertifikat ristrett tal-ajrunavigabbiltà ma tkunx għadha rreġistrata f’konformità mal-punt 21L.B.63, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għandha tieħu azzjoni f’konformità mal-punt 21L.B.22.

SUBPARTI I — ĊERTIFIKATI TAL-ISTORBJU

21L.B.171   Investigazzjoni

(a)

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għandha tħejji proċeduri għall-investigazzjonijiet tagħha, li jkunu jkopru mill-anqas l-elementi li ġejjin:

1.

l-evalwazzjoni tal-eliġibbiltà tal-applikant;

2.

l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni;

3.

l-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni li tasal mal-applikazzjoni;

4.

l-ispezzjonijiet tal-inġenju tal-ajru.

(b)

Malli tirċievi applikazzjoni għal ċertifikat tal-istorbju jew għal ċertifikat ristrett tal-istorbju, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għandha tivverifika jekk l-inġenju tal-ajru jaqax fl-ambitu stabbilit fil-punt 21L.A.161.

(c)

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għandha twettaq biżżejjed attivitajiet ta’ investigazzjoni għal applikant għal, jew għal detentur ta’, ċertifikat tal-istorbju jew ċertifikat ristrett tal-istorbju sabiex din tiġġustifika l-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, is-sospensjoni jew ir-revoka taċ-ċertifikat.

21L.B.172   Ħruġ jew emendar taċ-ċertifikati tal-istorbju

(a)

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għandha toħroġ jew temenda ċ-ċertifikati tal-istorbju (il-Formola 45 tal-EASA, ara l-Appendiċi VII tal-Anness I (il-Parti 21)) u ċ-ċertifikati ristretti tal-istorbju (il-Formola 45B tal-EASA, ara l-Appendiċi II) mingħajr dewmien bla bżonn, meta l-applikant ikun ipprovda d-dokumentazzjoni meħtieġa skont il-punt 21L.A.163, u meta tkun sodisfatta li l-inġenju tal-ajru jkun konformi mal-informazzjoni applikabbli dwar l-istorbju ddeterminata f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli dwar l-istorbju.

(b)

Għall-inġenji tal-ajru użati li joriġinaw minn Stat Membru ieħor, iċ-ċertifikat tal-istorbju jew iċ-ċertifikat ristrett tal-istorbju għandhom jinħarġu skont id-data korrispondenti li tiġi pprovduta mill-bażi tad-data tal-Aġenzija dwar il-livelli ta’ storbju.

(c)

Ċertifikat tal-istorbju u ċertifikat ristrett tal-istorbju għandhom jinħarġu għal durata mhux limitata. Dan jista’ jiġi emendat biss mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni.

21L.B.173   Sorveljanza

(a)

Fuq evidenza ta’ ksur ta’ kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li taħthom ikun inħareġ iċ-ċertifikat tal-istorbju jew iċ-ċertifikat ristrett tal-istorbju, jew li d-detentur ma jikkonformax mar-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu jew mad-disinn tat-tip applikabbli jew mad-data tad-disinn applikabbli ta’ inġenju tal-ajru li għalih tkun ġiet iddikjarata l-konformità tad-disinn, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għandha toħroġ sejba f’konformità mal-punt 21L.B.21.

(b)

Meta ċ-ċertifikat tat-tip li taħtu jkun inħareġ iċ-ċertifikat tal-istorbju jiġi sospiż jew revokat, jew inkella jsir invalidu f’konformità mal-punt 21L.A.30, jew id-dikjarazzjoni tal-konformità tad-disinn li taħtha jkun inħareġ iċ-ċertifikat ristrett tal-istorbju ma tkunx għadha rreġistrata f’konformità mal-punt 21L.B.63, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għandha tieħu azzjoni f’konformità mal-punt 21L.B.22.”;

(c)

tiddaħħal is-Subparti P li ġejja:

“SUBPARTI P — PERMESS GĦAT-TITJIR

21L.B.241   Investigazzjoni qabel il-ħruġ ta’ permess għat-titjir

(a)

Mingħajr preġudizzju għas-Subparti P tat-Taqsima B tal-Anness I (il-Parti 21), meta tiġi investigata applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess għat-titjir għal inġenju tal-ajru li jaqa’ fl-ambitu ta’ dan l-Anness, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha twettaq spezzjoni fiżika tal-inġenju tal-ajru u għandha tkun sodisfatta li l-inġenju tal-ajru jikkonforma mad-disinn iddefinit fil-punt 21.A.708 ta’ dak l-Anness I (il-Parti 21) qabel it-titjira meta l-applikazzjoni għal permess għat-titjir tkun relatata:

1.

mad-dimostrazzjoni tal-attivitajiet ta’ konformità fil-punt 21L.A.25 għal inġenju tal-ajru li huwa, jew li huwa maħsub li jiġi, iċċertifikat għat-tip;

2.

mad-dimostrazzjoni ta’ attivitajiet ta’ konformità fil-punt 21L.A.44 għal inġenju tal-ajru li għalih hija, jew hija maħsuba li tiġi, iddikjarata l-konformità mad-disinn.

(b)

Għat-talbiet l-oħrajn kollha għall-ħruġ ta’ permess għat-titjir għal attivitajiet u għal inġenji tal-ajru fl-ambitu ta’ dan l-Anness, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta, f’konformità mal-punt 21.B.520 tal-Anness I (il-Parti 21), il-ħtieġa għal spezzjoni fiżika.

(c)

Jekk l-awtorità kompetenti ssib evidenza li tindika li l-inġenju tal-ajru ma jikkonformax mad-disinn definit fil-punt 21.A.708 tal-Anness I (il-Parti 21), hija għandha tikkomunika sejba f’konformità mal-punt 21L.B.21.

21L.B.242   Investigazzjoni qabel il-ħruġ tal-kundizzjonijiet tat-titjir

(a)

Mingħajr preġudizzju għas-Subparti P tat-Taqsima B tal-Anness I (il-Parti 21), meta tkun qed tinvestiga applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir għal inġenju tal-ajru li tkun fl-ambitu ta’ dan l-Anness, l-Aġenzija għandha:

1.

jekk l-applikazzjoni għall-kundizzjonijiet tat-titjir tkun relatata mad-dimostrazzjoni tal-attivitajiet ta’ konformità fil-punt 21L.A.25 għal inġenju tal-ajru li jkun, jew li huwa maħsub li jkun, iċċertifikat skont it-tip, twettaq rieżami kritiku tad-disinn fir-rigward tad-disinn u spezzjoni fiżika u valutazzjoni tal-inġenju tal-ajru sabiex tiżgura li l-inġenju tal-ajru jkun kapaċi jtir b’mod sikur, u li l-ittestjar tat-titjir ikun jista’ jitwettaq b’mod sikur;

2.

jekk l-applikazzjoni għall-kundizzjonijiet tat-titjir tkun relatata mad-dimostrazzjoni ta’ attivitajiet ta’ konformità fil-punt 21L.A.44 għal inġenju tal-ajru li għalih tiġi ddikjarata, jew tkun maħsuba li tiġi ddikjarata l-konformità tad-disinn, twettaq spezzjoni fiżika u valutazzjoni tal-inġenju tal-ajru sabiex tiżgura li l-inġenju tal-ajru jkun kapaċi jtir b’mod sikur, u li l-ittestjar tat-titjir ikun jista’ jitwettaq b’mod sikur;

3.

jekk l-applikazzjoni għall-kundizzjonijiet tat-titjira tkun relatata mad-dimostrazzjoni ta’ attivitajiet ta’ konformità għal bidla kbira fil-punt 21L.A.66, ċertifikat tat-tip supplimentari fil-punt 21L.A.85 jew tiswija kbira fil-punt 21L.A.206, abbażi tal-evalwazzjoni mwettqa fil-punt 21L.B.83, fil-punt 21L.B.102 u fil-punt 21L.B.203, tiddetermina l-ħtieġa li titwettaq spezzjoni fiżika u valutazzjoni tal-inġenju tal-ajru u rieżami kritiku tad-disinn fir-rigward tad-disinn sabiex jiġi żgurat li l-inġenju tal-ajru jkun kapaċi jtir b’mod sikur, u li l-ittestjar tat-titjir ikun jista’ jitwettaq b’mod sikur;

4.

jekk l-applikazzjoni għall-kundizzjonijiet tat-titjir tkun relatata mad-dimostrazzjoni ta’ attivitajiet ta’ konformità għal bidla kbira fil-punt 21L.A.108 jew tiswija kbira fil-punt 21L.A.227, abbażi tal-evalwazzjoni mwettqa fil-punt 21L.B.121 u fil-punt 21L.B.221, tiddetermina l-ħtieġa li jitwettqu spezzjoni fiżika u valutazzjoni tal-inġenju tal-ajru sabiex jiġi żgurat li l-inġenju tal-ajru jkun kapaċi jtir b’mod sikur, u li l-ittestjar tat-titjira jkun jista’ jitwettaq b’mod sikur.

(b)

Jekk l-Aġenzija ssib evidenza li tindika li l-inġenju tal-ajru jista’ ma jkunx kapaċi jwettaq titjira sikura, l-Aġenzija għandha tikkomunika sejba f’konformità mal-punt 21L.B.21.”;

(d)

tiddaħħal is-Subparti R li ġejja:

“SUBPARTI R — STQARRIJA TA’ KONFORMITÀ GĦALL-INĠENJI TAL-AJRU U ĊERTIFIKATI TA’ RILAXX AWTORIZZATI (IL-FORMOLA 1 TAL-EASA) GĦALL-MAGNI U L-ISKREJJEN, U PARTIJIET MINNHOM, LI JIKKONFORMAW MA’ DIKJARAZZJONI TA’ KONFORMITÀ TAD-DISINN

21L.B.251   Sorveljanza

(a)

L-awtorità kompetenti għandha tissorvelja l-persuna fiżika jew ġuridika li toħroġ stqarrijiet ta’ konformità (il-Formola 52B tal-EASA) jew ċertifikati ta’ rilaxx awtorizzati (il-Formola 1 tal-EASA) taħt is-Subparti R tat-Taqsima A ta’ dan l-Anness sabiex tiġi vverifikata l-konformità kontinwa tal-persuna fiżika jew ġuridika mar-rekwiżiti applikabbli tat-Taqsima A u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sikurezza awtorizzati skont il-punti (c) u (d) tal-punt 21L.B.15.

(b)

Is-sorveljanza għandha tinkludi spezzjoni skont l-ewwel artikolu ta’ kull inġenju tal-ajru, magna, skrun jew parti ġdida li tiġi prodotta għall-ewwel darba li għaliha l-persuna fiżika jew ġuridika tkun ħarġet stqarrija ta’ konformità (il-Formola 52B tal-EASA) jew ċertifikati tar-rilaxx awtorizzat (il-Formola 1 tal-EASA), u, kif determinat mill-programm ta’ sorveljanza f’konformità mal-punt 21L.B.252, spezzjonijiet ta’ inġenji tal-ajru, magni, skrejjen u partijiet oħrajn li jiġu prodotti minn dik il-persuna fiżika jew ġuridika.

21L.B.252   Programm ta’ sorveljanza

(a)

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi u żżomm programm ta’ sorveljanza sabiex tiżgura l-konformità mal-punt 21L.B.251. Dan il-programm ta’ sorveljanza għandu jqis in-natura speċifika tal-persuna fiżika jew ġuridika, il-kumplessità tal-attivitajiet tagħha u r-riżultati ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza li saru fil-passat, u għandu jkun ibbażat fuq il-valutazzjoni tar-riskji assoċjati. F’kull ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza, dan għandu jinkludi:

1.

valutazzjonijiet, verifiki u spezzjonijiet, inkluż, kif xieraq:

(i)

il-valutazzjonijiet tas-sistema ta’ kontroll tal-produzzjoni u l-verifiki tal-proċessi;

(ii)

il-verifiki tal-prodotti ta’ kampjun rilevanti tal-prodotti u tal-partijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-persuna fiżika jew ġuridika;

(iii)

il-kampjunar tax-xogħol imwettaq; u

(iv)

spezzjonijiet mingħajr avviż;

2.

il-laqgħat bejn il-persuna ġuridika jew fiżika u l-awtorità kompetenti sabiex jiġi żgurat li t-tnejn jibqgħu jiġu informati dwar kwalunkwe kwistjoni sinifikanti.

(b)

Il-programm ta’ sorveljanza għandu jinkludi rekords tad-dati meta jmisshom isiru l-valutazzjonijiet, il-verifiki, l-ispezzjonijiet u l-laqgħat, u d-dati meta effettivament ikunu saru l-valutazzjonijiet, il-verifiki, l-ispezzjonijiet u l-laqgħat.

(c)

Għandu jiġi applikat ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza li ma jaqbiżx l-24 xahar.

(d)

Minkejja l-punt (c), iċ-ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza jista’ jiġi estiż sa 36 xahar, jekk l-awtorità kompetenti tkun stabbiliet li matul l-24 xahar ta’ qabel:

1.

il-persuna fiżika jew ġuridika tkun uriet li tista’ tidentifika b’mod effettiv il-perikli għas-sikurezza tal-avjazzjoni u tiġġestixxi r-riskji assoċjati;

2.

il-persuna fiżika jew ġuridika tkun uriet kontinwament il-konformità mal-punt 21L.A.273 u li jkollha kontroll sħiħ fuq il-bidliet kollha fis-sistema ta’ ġestjoni għall-produzzjoni;

3.

ma tkun inħarġet l-ebda sejba tal-livell 1;

4.

l-azzjonijiet korrettivi kollha ġew implimentati fil-perjodu ta’ żmien li kien aċċettat jew estiż mill-awtorità kompetenti kif definit fil-punt 21L.B.21.

(e)

Minkejja l-punt (c), iċ-ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza jista’ jkompli jiġi estiż għal massimu ta’ 48 xahar jekk, minbarra l-kundizzjonijiet previsti fil-punt (d), il-persuna fiżika jew ġuridika tkun stabbiliet, u l-awtorità kompetenti tkun approvat, sistema kontinwa effettiva għar-rapportar lill-awtorità kompetenti dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza u l-konformità regolatorja tal-persuna fiżika jew ġuridika nnifisha.

(f)

Iċ-ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza jista’ jitqassar jekk ikun hemm evidenza li l-prestazzjoni tas-sikurezza tal-persuna fiżika jew ġuridika tkun naqset.

(g)

Mat-tlestija ta’ kull ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ rapport ta’ rakkomandazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-attivitajiet imwettqa mill-persuna fiżika jew ġuridika, li jirrifletti r-riżultati tas-sorveljanza.

21L.B.253   Attivitajiet ta’ sorveljanza

(a)

Meta l-awtorità kompetenti tivverifika l-konformità tal-persuna fiżika jew ġuridika f’konformità mal-punt 21L.B.251 u l-programm ta’ sorveljanza stabbilit f’konformità mal-punt 21L.B.252, din għandha:

1.

tipprovdi lill-persunal responsabbli għas-sorveljanza bi gwida sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu;

2.

twettaq valutazzjonijiet, verifiki, spezzjonijiet u, jekk ikun meħtieġ, spezzjonijiet mingħajr avviż;

3.

tiġbor l-evidenza meħtieġa f’każ li tkun meħtieġa azzjoni ulterjuri, inklużi l-miżuri previsti fil-punti 21L.B.21 u 21L.B.22;

4.

tinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika dwar ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ sorveljanza.

(b)

Jekk il-faċilitajiet tal-persuna fiżika jew ġuridika jkunu jinsabu f’aktar minn Stat wieħed, l-awtorità kompetenti identifikata fil-punt 21L.2 tista’ taqbel li l-kompiti ta’ sorveljanza jitwettqu mill-awtorità/awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i fejn ikunu jinsabu l-faċilitajiet l-oħrajn, jew mill-Aġenzija għal faċilitajiet li jinsabu fi Stat mhux Membru. Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun soġġetta għal ftehim bħal dan għandha tiġi informata dwar l-eżistenza u l-ambitu tiegħu.

(c)

Għal kwalunkwe attività ta’ sorveljanza li titwettaq mill-awtorità kompetenti f’faċilitajiet li jinsabu fi Stat Membru għajr dak fejn il-persuna fiżika jew ġuridika jkollha l-post prinċipali tan-negozju tagħha, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru qabel twettaq kwalunkwe verifika jew spezzjoni fuq il-post tal-faċilitajiet.

(d)

L-awtorità kompetenti għandha tiġbor u tipproċessa kwalunkwe informazzjoni li titqies meħtieġa għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza.

(e)

Jekk l-awtorità kompetenti ssib nuqqas ta’ konformità tal-persuna fiżika jew ġuridika li toħroġ stqarrijiet ta’ konformità (il-Formola 52B tal-EASA) jew ċertifikati tar-rilaxx awtorizzat (il-Formola 1 tal-EASA) mar-rekwiżiti applikabbli tat-Taqsima A u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sikurezza obbligatorji skont il-punti (c) u (d) tal-punt 21L.B.15, l-awtorità kompetenti għandha taġixxi f’konformità mal-punti 21L.B.21 u 21L.B.22.”.