|
26.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 197/71 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1303
tal-25 ta’ April 2022
li jemenda r-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-definizzjoni tal-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola u r-rekwiżiti għalih
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/787 jipprevedi d-definizzjoni tal-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola, li l-industrija tgħidlu wkoll alkoħol agrikolu, alkoħol newtrali jew alkoħol rettifikat, u r-rekwiżiti għalih. Dik id-definizzjoni teknika u dawk ir-rekwiżiti ġew riportati mingħajr ebda bidla sostanzjali minn dawk stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(2) |
Madankollu, id-definizzjoni tal-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola u r-rekwiżiti għalih previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/787 huma parzjalment skaduti mil-lat tekniku u xjentifiku. B’mod partikolari, il-livelli massimi ta’ ċerti residwi jeħtieġ li jinġiebu f’konformità mal-parametri tekniċi użati bħalissa mill-industrija u mill-biċċa l-kbira tal-laboratorji tal-analiżi. Għalhekk, il-progress teknoloġiku f’dan il-qasam jiġġustifikaw il-ħtieġa ta’ dik id-definizzjoni u dawk ir-rekwiżiti jiġu emendati. |
|
(3) |
Ir-referenzi għal “aċidità totali”, “bażijiet volatili li fihom in-nitroġenu” u “estratt niexef” previsti fl-Artikolu 5(d)(i), (vi) u (vii) tar-Regolament (UE) 2019/787 ma għadhomx rilevanti peress li normalment ma jintużawx bħala parametri tekniċi tal-proċessi, minħabba li l-preżenza ta’ tali residwi f’alkoħol b’saħħa ta’ 96 % skont il-volum hija negliġibbli u x’aktarx ma tinstabx fl-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola. |
|
(4) |
Fir-rigward tal-“esteri”, tal-“aldeidi” u tal-“alkoħols ogħla”, il-livelli massimi previsti fl-Artikolu 5(d)(ii), (iii) u (iv) tar-Regolament (UE) 2019/787 huma nieqsa mill-ispeċifiċità u bħalissa jirrikjedu metodi mxarrba tal-kimika, li mhumiex iddefiniti fid-dritt tal-Unjoni. Definizzjoni aktar preċiża tas-sustanzi li għalihom japplikaw il-limiti tar-residwi tista’ ttejjeb ir-riżultati tal-analiżijiet li jridu jitwettqu fuq l-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola b’metodi bħall-kromatografija b’fażi gassuża, u tkun ta’ benefiċċju għall-analisti peress li ħafna mit-tekniki ta’ analiżi aktar antiki jeħtieġu l-użu ta’ sustanzi kimiċi perikolużi. |
|
(5) |
B’mod partikolari, huwa xieraq li l-esteri jiġu limitati għall-“aċetat etiliku” biss. Filwaqt li ħafna esteri jistgħu jiġu ffurmati fil-proċess ta’ fermentazzjoni, dak li jeżisti fl-ogħla konċentrazzjoni huwa l-aċetat etiliku, filwaqt li l-esteri l-oħra li jistgħu jkunu preżenti fl-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola x’aktarx li ma jkunux jistgħu jiġu detetti bl-użu ta’ tekniki analitiċi standard u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-ammont totali tal-esteri huwa negliġibbli. Il-kejl tal-aċetat etiliku jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-metodu ta’ referenza stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2870/2000 (3) peress li dan huwa metodu stabbilit li bħalissa qed jintuża għall-analiżi ta’ għadd ta’ xarbiet spiritużi. |
|
(6) |
Bl-istess mod, l-aldeid ewlieni li jikkontribwixxi għall-aldeidi totali huwa l-“aċetaldeid”. Għalhekk huwa xieraq li jintuża biss l-aċetaldeid bħala l-parametru f’din id-determinazzjoni. Peress li l-aċetaldeid huwa f’ekwilibriju ma’ 1,1 dietossietan, jiġifieri ż-żewġ molekuli huma t-tnejn preżenti u jikkonvertu waħda fl-oħra minħabba l-kundizzjonijiet fiżiċi kimiċi, jenħtieġ ukoll li tingħadd il-frazzjoni tal-aċetaldeid li tinsab fl-aċetal. Il-kejl tal-aċetaldeid għandu jkun ibbażat fuq il-metodu ta’ referenza stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2870/2000 peress li dan huwa metodu stabbilit li qed jintuża bħalissa għall-analiżi ta’ għadd ta’ xarbiet spiritużi. |
|
(7) |
Wara l-fermentazzjoni jkun hemm preżenti ammonti sostanzjali ta’ alkoħols ogħla. Madankollu, fl-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola jkun hemm preżenti ammont żgħir biss ta’ alkoħols ogħla peress li l-alkoħols ogħla huma faċilment distillati minħabba l-punti tat-togħlija ogħla. Il-kejl tal-alkoħol ogħla għandu jkun ibbażat fuq il-metodu ta’ referenza stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2870/2000 peress li dan huwa metodu stabbilit li qed jintuża bħalissa għall-analiżi ta’ għadd ta’ xarbiet spiritużi. |
|
(8) |
Fir-rigward tal-“furfural”, ir-rekwiżit attwali li ma huwiex detettabbli jirreferi għal metodu kimiku mxarrab li ma għadux jintuża fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, u b’hekk jipprevjeni metodi u riżultati ta’ analiżi uniformi u ddefiniti. Peress li bħalissa ma hemm l-ebda metodu ta’ referenza ddefinit għall-analiżi tal-furfural fl-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola, huwa xieraq li jiġi ddefinit limitu li jista’ jinkiseb bil-metodi diversi li jintużaw bħalissa fil-biċċa l-kbira tal-laboratorji fl-Istati Membri, li huma aktar preċiżi mill-inklużjoni oriġinali ta’ dak ir-rekwiżit. Il-kejl tal-furfural għandu jkun ibbażat fuq il-metodu tal-kromatografija likwida għall-komposti tal-injam stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2870/2000. |
|
(9) |
Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ kompletezza u f’konformità mad-definizzjoni ta’ distillat ta’ oriġini agrikola stabbilita fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2019/787, huwa xieraq li jiġi previst li l-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola jkun ir-riżultat tad-distillazzjoni, wara l-fermentazzjoni alkoħolika, ta’ prodotti agrikoli. |
|
(10) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/787 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/787 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 5
Definizzjoni tal-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola u r-rekwiżiti għalih
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola huwa likwidu li jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:
|
(a) |
ikun inkiseb permezz tal-fermentazzjoni alkoħolika, segwita mid-distillazzjoni tal-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I tat-Trattat esklussivament; |
|
(b) |
ma jkollu l-ebda togħma perċettibbli għajr dik tal-materja prima li tintuża fil-produzzjoni tiegħu; |
|
(c) |
is-saħħa alkoħolika minima tiegħu skont il-volum tkun ta’ 96,0 %; |
|
(d) |
il-livelli massimi ta’ residwi fih ma jeċċedux dan li ġej:
|
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ April 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89, (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2870/2000 tad-19 ta’ Diċembru 2000 li jistabbilixxi l-metodi Komunitarji ta’ referenza għall-analiżi tax-xorb spirituż (ĠU L 333, 29.12.2000, p. 20).