22.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 195/13


REGOLAMENT (UE) 2022/1280 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Lulju 2022

li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji, fid-dawl tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, fir-rigward tad-dokumenti tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna f’konformità mal-leġiżlazzjoni tagħha

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Frar 2022, il-forzi armati Russi bdew invażjoni fuq skala kbira fl-Ukrajna f’diversi postijiet mill-Federazzjoni Russa, mill-Belarussja u minn żoni tal-Ukrajna mhux ikkontrollati mill-gvern. Minħabba f’hekk, ċerti żoni sostanzjali tat-territorju Ukren issa huma żoni ta’ kunflitt armat li minnhom ħarbu jew qed jaħarbu eluf ta’ persuni.

(2)

Bħala riżultat ta’ din l-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna, miljuni ta’ persuni ġew spostati. B’reazzjoni għal dan, il-Kunsill stabbilixxa għall-ewwel darba l-eżistenza ta’ influss bil-massa fl-Unjoni ta’ persuni spostati li kellhom jitilqu mill-Ukrajna minħabba kunflitt armat f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE (2) billi adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu (UE) 2022/382 (3) li tistabbilixxi l-kategoriji tal-persuni spostati fl-Unjoni li huma intitolati għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali.

(3)

Il-liċenzji tas-sewqan itejbu l-mobbiltà tad-detenturi tagħhom u jiffaċilitaw il-ħajja ta’ kuljum tagħhom billi jippermettulhom isuqu vetturi bil-magna. Ċertifikat ta’ kompetenza professjonali hu meħtieġ biex id-detentur jaħdem bħala sewwieq professjonali li jittrasporta l-merkanzija u l-passiġġieri għal impriża stabbilita fl-Unjoni. Fil-kuntest attwali, iż-żewġ tipi ta’ dokumenti jippromwovu l-parteċipazzjoni ta’ persuni bi protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali fl-attivitajiet ekonomiċi u soċjali fl-ambjent il-ġdid tagħhom.

(4)

F’konformità mal-Anness XXXII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (4), l-Ukrajna approssimat il-liġijiet tagħha għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), b’mod partikolari biex tippermetti l-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ kompetenza professjonali korrispondenti lis-sewwieqa tal-karozzi tal-linja u tat-trakkijiet involuti f’operazzjonijiet internazzjonali.

(5)

Il-Konvenzjoni dwar it-Traffiku fit-Toroq konkluża fi Vjenna fit-8 ta’ Novembru 1968 (il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar it-Traffiku fit-Toroq”), li l-Ukrajna hija parti għaliha, tipprevedi ċerti regoli li jippermettu r-rikonoxximent tal-permessi tas-sewqan b’ċerti kundizzjonijiet. Madankollu, mhux l-Istati Membri kollha huma partijiet għal dik il-Konvenzjoni. Barra minn hekk, bħalissa ma jeżisti l-ebda qafas armonizzat tal-Unjoni għall-iskambju tal-liċenzji tas-sewqan jew taċ-ċertifikati ta’ kompetenza professjonali maħruġa minn pajjiżi terzi bħall-Ukrajna. Ir-rekwiżiti marbuta mal-possibbiltà ta’ skambju tal-liċenzji tas-sewqan huma fil-biċċa l-kbira stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, jew fl-ambitu tal-ftehimiet bilaterali eżistenti bejn dawk l-Istati Membri u l-Ukrajna. Ir-rekwiżiti diverġenti bejn l-Istati Membri differenti, b’mod partikolari fir-rigward tar-rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan u taċ-ċertifikati ta’ kompetenza professjonali, jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-ħajja u l-libertajiet tal-persuni spostati li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna, fi żmien meta dawk il-persuni huma partikolarment vulnerabbli.

(6)

Għalhekk f’dan il-kuntest jixraq li jkun hemm qafas komuni tal-Unjoni applikabbli għar-rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Ukrajna u miżmuma mill-persuni bi protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali. Sabiex jitnaqqas il-piż fuq tali persuni u fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-liċenzji tas-sewqan debitament maħruġa mill-Ukrajna għal dawk il-persuni jibqgħu jiġu rikonoxxuti sakemm itul il-perjodu tal-protezzjoni temporanja tagħhom, mingħajr il-bżonn li d-detenturi tagħhom jiskambjawhom.

(7)

Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar it-Traffiku fit-Toroq tirrikjedi li d-detenturi tal-permessi tas-sewqan jippreżentaw permessi tas-sewqan internazzjonali biex id-drittijiet tas-sewqan tagħhom jiġu rikonoxxuti f’ċerti każijiet. Tali detenturi jistgħu jintalbu wkoll jippreżentaw traduzzjoni ċċertifikata tal-liċenzji tas-sewqan tagħhom. Madankollu, dawk ir-rekwiżiti jikkostitwixxu piż sproporzjonat fuq il-persuni spostati mill-Ukrajna, u aktarx ma jiġux osservati f’ħafna każijiet. Għalhekk, tali persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja jew minn protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa jippreżentaw tali dokumenti fit-territorju tal-Unjoni. Jenħtieġ li dak ir-rikonoxximent ikun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ regoli kriminali u regoli tal-pulizija, soġġett għall-prinċipju ta’ territorjalità.

(8)

Minkejja l-fatt li l-Ukrajna diġà approssimat il-liġi nazzjonali tagħha għad-Direttiva 2003/59/KE għas-sewwieqa involuti f’operazzjonijiet tat-trasport internazzjonali, is-sewwieqa professjonali Ukreni li qed ifittxu impjieg ma’ impriża tat-trasport bit-triq stabbilita fl-Unjoni xorta jeħtiġilhom jiksbu l-kwalifiki meħtieġa u jwettqu t-taħriġ xieraq fi Stat Membru. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu joħorġu kard ta’ kwalifika tas-sewwieqa, kif imsemmi fid-Direttiva 2003/59/KE, lill-persuni kkonċernati jew li jimmarkaw il-kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni “95.01 (skadenza massima 6.3.2025)” fuq il-liċenzja tas-sewqan rilevanti, għall-persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja jew minn protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali u li huma detenturi ta’ kard ta’ kwalifika tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Ukrajna bil-għan li l-persuni kkonċernati jingħataw drittijiet fuq bażi temporanja simili għal dawk ta’ persuni kkwalifikati biex iwettqu l-attività tas-sewqan koperta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/59/KE. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli nazzjonali li jistabbilixxu l-ambitu u t-tul ta’ żmien ta’ taħriġ obbligatorju komplementari u ta’ test sussegwenti, sabiex jiġi żgurat li l-persuni kkonċernati jissodisfaw l-istandards tad-Direttiva 2003/59/KE. Fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ telf jew ta’ serq ta’ kard ta’ kwalifika tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu f’pożizzjoni li jivverifikaw, inkluż mal-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna, li l-persuna kkonċernata għandha ċertifikat validu ta’ kompetenza professjonali maħruġ mill-Ukrajna. Bħala miżura komplementari, jenħtieġ li jkun possibbli għall-kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni li jiġi mmarkat ukoll fuq l-attestazzjoni tas-sewwieq maħruġa għas-sewwieq.

(9)

Peress li l-liċenzji tas-sewqan u l-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa normalment ikollhom perjodu limitat ta’ validità, dawn jeħtieġ li jiġġeddu b’mod regolari. Il-kuntest attwali ma jippermettix li l-Ukrajna twettaq il-kompiti tagħha b’mod normali, u huwa għalhekk li din tista’ ma tkunx f’pożizzjoni li ġġedded d-dokumenti amministrattivi eżistenti. Jenħtieġ għalhekk li l-Istati Membri jikkunsidraw l-informazzjoni li l-Ukrajna tista’ tipprovdi lilhom u lill-Kummissjoni permezz ta’ kanali uffiċjali.

(10)

Waqt li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra, ħafna drabi l-persuni jintilfulhom jew jinsterqulhom il-liċenzji tas-sewqan, jew inkella jitħallew warajhom fiż-żona tal-gwerra mingħajr il-possibbiltà immedjata li jirkuprawhom. F’dan il-każ, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew joħorġu liċenzji tas-sewqan temporanji li jissostitwixxu lil dawk oriġinali għall-perjodu tal-protezzjoni temporanja, dment li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu f’pożizzjoni li jivverifikaw l-informazzjoni pprovduta mill-persuni spostati, pereżempju billi jaċċessaw ir-reġistri nazzjonali tal-Ukrajna. Jenħtieġ li tali liċenzji tas-sewqan temporanji jiġu rikonoxxuti b’mod reċiproku fl-Unjoni, u jenħtieġ li l-validità amministrattiva tagħhom ma taqbiżx il-perjodu tal-protezzjoni temporanja.

(11)

Il-ħruġ ta’ liċenzji tas-sewqan temporanji fil-każ ta’ liċenzji tas-sewqan Ukreni mitlufa jew misruqa u l-istabbiliment ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ obbligatorju komplementari għad-detenturi ta’ kard ta’ kwalifika tas-sewwieq, huma miżuri fakultattivi li jistgħu jirrikjedu miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali proporzjonali. Tali miżuri nazzjonali jenħtieġ li jiġu adottati bi qbil mal-proċeduri rilevanti stabbiliti f’kull Stat Membru.

(12)

Il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni hija strumentali biex jinżammu s-sikurezza fit-toroq u l-infurzar tal-liġi. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun akkompanjata minn kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Ukrajna u l-Unjoni bil-għan li tiġi appoġġata l-verifika tal-validità u awtentiċità tad-dokumenti tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna.

(13)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(14)

Bil-għan li l-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri jinżamm fuq livell minimu, u biex jiġi evitat it-tiġdid multiplu, id-data tal-iskadenza reġistrata fuq id-dokumenti tas-sewwieqa maħruġa skont dan ir-Regolament jenħtieġ li tikkorrispondi għat-tul massimu possibbli attwali tal-protezzjoni temporanja fir-rigward tal-persuni spostati mill-Ukrajna, b’kunsiderazzjoni wkoll tal-estensjonijiet possibbli tagħha skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55/KE. Madankollu, minkejja l-iskadenza rreġistrata fuq id-dokumenti, jenħtieġ li l-validità tagħhom tikkorrispondi għat-tul tal-protezzjoni temporanja.

(15)

Fid-dawl tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna u l-urġenza li jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi u temporanji rigward id-dokumenti tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna f’konformità mal-leġiżlazzjoni tagħha, jitqies li huwa xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(16)

Fid-dawl tal-bżonn li jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi u temporanji dwar id-dokumenti tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna f’konformità mal-leġiżlazzjoni tagħha mingħajr dewmien, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(17)

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw dan ir-Regolament u l-objettivi speċifiċi segwiti, huwa xieraq li l-applikazzjoni tiegħu tkun limitata fiż-żmien,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji applikabbli għad-dokumenti tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna f’konformità mal-leġiżlazzjoni tagħha u miżmuma mill-persuni bi protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2001/55/KE u mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “dokumenti tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna” tfisser:

(a)

liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Ukrajna, li jagħtu prova li, u taħt liema kundizzjonijiet, sewwieq hu awtorizzat isuq skont il-liġi tal-Ukrajna; jew

(b)

kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha adottata biex tiġi implimentata d-Direttiva 2003/59/KE, skont l-Artikolu 368(1) ta’, u l-Anness XXXII għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, għas-sewwieqa tal-vetturi tat-triq involuti fit-trasport internazzjonali tal-merkanzija jew tal-passiġġieri bit-triq li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.

Artikolu 3

Rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Ukrajna

1.   Il-liċenzji tas-sewqan validi maħruġa mill-Ukrajna għandhom jiġu rikonoxxuti fit-territorju tal-Unjoni meta d-detenturi tagħhom ikollhom protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2001/55/KE u mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382, sal-mument meta dik il-protezzjoni temporanja ma tibqax tapplika. Dak ir-rikonoxximent huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt ta’ sewqan ġewwa t-territorju ta’ dak l-Istat Membru, f’konformità mal-prinċipju ta’ territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-liġijiet tal-pulizija.

2.   Meta persuna bi protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2001/55/KE u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 ikollha liċenzja tas-sewqan valida maħruġa mill-Ukrajna, l-Istati Membri ma għandhomx jirrikjedu l-preżentazzjoni ta’ traduzzjoni ċċertifikata tal-liċenzja jew permess tas-sewqan internazzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 41(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar it-Traffiku fit-Toroq. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu l-preżentazzjoni ta’ passaport, dokument ta’ residenza temporanja jew xi dokument xieraq ieħor sabiex tiġi vverifikata l-identità tad-detentur tal-liċenzja tas-sewqan.

Artikolu 4

Kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa u attestazzjonijiet tas-sewwieqa

1.   Fuq talba ta’ persuna li hija d-detentur ta’ kard ta’ kwalifika tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament, liema persuna jkollha protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2001/55/KE u mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382, l-Istat Membru li fih dik il-persuna tkun kisbet il-permess tar-residenza temporanju jew li fih ikollha protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali jista’:

(a)

b’deroga mill-punt 12 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jimmarka kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni “95.01 (skadenza massima 6.3.2025)”, li tfisser “Sewwieq li għandu CPC li jissodisfa l-obbligu ta’ kapaċità professjonali – ħruġ speċjali biss għat-tul ta’ żmien tal-protezzjoni temporanja” fil-kaxxa 12 fuq in-naħa ta’ wara tal-liċenzja tas-sewqan tal-persuna kkonċernata, dment li l-persuna jkollha wkoll liċenzja tas-sewqan skont il-mudell tal-Unjoni maħruġa minn dak l-Istat Membru; jew

(b)

joħroġ kard ta’ kwalifika tas-sewwieqa lil dik il-persuna bil-kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni “95.01 (skadenza massima 6.3.2025)” fil-kaxxa 10 fuq in-naħa ta’ wara tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/59/KE.

B’deroga mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/59/KE, sewwieq li jgawdi minn protezzjoni temporanja jew minn protezzjoni xierqa skont il-liġi nazzjonali u li għandu kard ta’ kwalifika tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna għall-ġarr ta’ merkanzija bit-triq għandu jitħalla jipprova li huwa għandu l-kwalifiki u t-taħriġ imsemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu permezz tal-attestazzjoni tas-sewwieqa prevista fir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), dment li fuqha jkollha l-kodiċi tal-Unjoni “95.01 (skadenza massima 6.3.2025)”.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Istat Membru emittenti għandu jindika l-kodiċi tal-Unjoni “95.01 (skadenza massima 6.3.2025)” fit-taqsima tar-rimarki dwar l-attestazzjoni tas-sewwieqa, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009, jekk id-detentur ikkonċernat ikun issodisfa r-rekwiżiti ta’ taħriġ u ta’ ttestjar u l-istandards minimi ta’ saħħa fiżika u mentali previsti f’dan l-Artikolu.

2.   Il-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa u l-marka fuq il-liċenzji tas-sewqan imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti(a) u (b) ta’ dan l-Artikolu u l-attestazzjonijiet tas-sewwieqa msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandhom ikunu rikonoxxuti b’mod reċiproku fit-territorju tal-Unjoni. Id-detenturi ta’ tali kards, ta’ tali liċenzji tas-sewqan immarkati bil-kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni “95.01 (skadenza massima 6.3.2025)” jew ta’ tali attestazzjonijiet tas-sewwieqa mmarkati bil-kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni “95.01 (skadenza massima 6.3.2025)” għandhom jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ kwalifika inizjali obbligatorja meħtieġa biex iwettqu l-attività tas-sewqan stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/59/KE.

3.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att futur tal-Unjoni dwar it-tul ta’ żmien tal-protezzjoni temporanja, b’deroga mill-punti 4(b) u 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/126/KE, u mill-punt 4(b) tal-Anness II tad-Direttiva 2003/59/KE, id-data ta’ skadenza fuq tali kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa jew mehmuża mal-kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni immarkat fuq il-liċenzji tas-sewqan għandha tkun is-6 ta’ Marzu 2025.

Madankollu, minkejja d-data mmarkata fuq dawk id-dokumenti, il-validità amministrattiva tagħhom għandha tikkorrispondi għat-tul ta’ żmien tal-protezzjoni temporanja fir-rigward tal-persuni spostati mill-Ukrajna, kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55/KE, tal-protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tad-detentur, jew tal-perjodu ta’ validità tal-liċenzja tas-sewqan, skont liema jiskadi l-ewwel. Id-detentur għandu jkun informat dwar tali limitu b’mod xieraq.

4.   Qabel ma joħorġu l-kard ta’ kwalifika tas-sewwieqa jew jimmarkaw il-kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni “95.01 (skadenza massima 6.3.2025)” fuq il-liċenzja tas-sewqan jew fuq l-attestazzjoni tas-sewwieqa imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li d-detentur tal-kard ta’ kwalifika tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (b), biex jieħu taħriġ obbligatorju komplementari li jikkonkludi b’test biex jivverifikaw li s-sewwieq għandu l-livell ta’ għarfien meħtieġ skont it-Taqsima 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/59/KE.

Il-perjodu tat-taħriġ obbligatorju komplementari għandu jkun tal-anqas 35 siegħa u ma għandux jaqbeż is-60 siegħa, inkluż mill-inqas 2,5 sigħat ta’ sewqan individwali kif speċifikat fil-punt 2.1 tat-Taqsima 2 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/59/KE. Tali taħriġ jista’ jsir fil-forma ta’ taħriġ perjodiku obbligatorju kif speċifikat fit-taqsima 4 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/59/KE. Fir-rigward tal-bżonnijiet ta’ taħriġ speċifiku li għandhom jitqiesu f’dan il-kuntest, jenħtieġ li ssir enfasi fuq il-fatt li s-sewwieq jikseb għarfien tar-regoli fir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

Fi tmiem dak it-taħriġ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-entità maħtura minnhom għandhom jagħmlu test bil-miktub jew orali lis-sewwieq jew permezz ta’ test ibbażat fuq il-kompjuter ġewwa faċilitajiet ta’ ttestjar magħżula.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar ir-regoli nazzjonali adottati skont dan il-paragrafu qabel ma joħorġu l-kard ta’ kwalifika tas-sewwieqa jew qabel ma jimmarkaw il-liċenzja tas-sewqan imsemmija fil-paragrafu 1.

5.   Fil-każ ta’ telfien jew serq ta’ kard ta’ kwalifika tas-sewwieqa kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament, miżmuma minn persuna bi protezzjoni temporanja jew li tgawdi protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2001/55/KE u mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382, l-Istat Membru li fih dik il-persuna tkun ingħatat permess tar-residenza temporanju jew fejn dik il-persuna tgawdi minn protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali jista’ fuq talba ta’ dik il-persuna, jivverifika, inkluż mal-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna, li dik il-persuna hija d-detentur ta’ ċertifikat validu ta’ kompetenza professjonali maħruġ mill-Ukrajna f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha u li dik il-persuna ma għandhiex dokument immarkat jew maħruġ f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu minn Stat Membru ieħor.

Wara li jwettaq dik il-verifika, l-Istat Membru kkonċernat jista’ joħroġ il-kard ta’ kwalifika tas-sewwieqa jew jimmarka l-kodiċi speċjali temporanju tal-Unjoni “95.01 (skadenza massima 6.3.2025)” fuq il-liċenzja tas-sewqan jew fuq l-attestazzjoni tas-sewwieqa, f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4.

6.   Fejn persuna msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jkollhiex liċenzja tas-sewqan skont il-mudell tal-Unjoni maħruġa minn Stat Membru, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu eżami li japplika standards minimi ta’ saħħa fiżika u mentali għas-sewqan skont il-liġi nazzjonali adottata biex tittrasponi l-Anness III tad-Direttiva 2006/126/KE qabel il-ħruġ ta’ kard ta’ kwalifika tas-sewwieqa jew qabel l-immarkar tal-kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni fuq l-attestazzjoni tas-sewwieqa skont dan l-Artikolu.

7.   Meta jintemm il-perjodu ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-persuni spostati mill-Ukrajna, kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55/KE, il-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa, l-attestazzjonijiet tas-sewwieqa maħruġa mill-Istati Membri u l-kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni mmarkat fuq il-liċenzja tas-sewqan skont dan l-Artikolu għandhom jitqiesu nulli u bla effett.

Artikolu 5

Estensjoni tal-validità ta’ dokumenti tas-sewwieqa skaduti maħruġa mill-Ukrajna

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 3, 4 u 6, meta l-Ukrajna tadotta deċiżjonijiet biex testendi l-validità tad-dokumenti tas-sewwieqa li tkun ħarġet, u li skadew wara l-31 ta’ Diċembru 2021, l-Istati Membri għandhom, għall-finijiet tal-Artikoli 3, 4 u 6 iqisu li d-detenturi tad-dokumenti tas-sewwieqa rilevanti maħruġa mill-Ukrajna għandhom fil-pussess dokument validu dment li l-Ukrajna tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar id-deċiżjoni tagħha li testendi l-validità ta’ dawk id-dokumenti tas-sewwieqa. Din l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata permezz tal-kanali uffiċjali adegwati.

Artikolu 6

Liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Ukrajna li ntilfu jew insterqu

1.   Meta persuna li tgawdi minn protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2001/55/KE u mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 tiddikjara li tilfet jew insterqitilha l-liċenzja tas-sewqan tagħha, l-Istat Membru li fih dik il-persuna tkun ingħatat permess tar-residenza temporanju jew li fih ikollha protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali jista’, fuq talba ta’ dik il-persuna, jivverifika, inkluż mal-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna, id-drittijiet tas-sewqan miksuba minn dik il-persuna f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Ukrajna u li l-ebda Stat Membru ieħor ma jkun diġà ħareġ liċenzja tas-sewqan lil dik il-persuna f’konformità ma’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari sabiex jaċċerta li l-liċenzja tas-sewqan ma tkunx ġiet ristretta, sospiża jew irtirata.

2.   B’deroga mill-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2006/126/KE, wara li jwettaq il-verifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru jista’ joħroġ liċenzja tas-sewqan tal-istess kategorija jew kategoriji lill-persuna kkonċernata abbażi tal-mudell tal-Unjoni stabbilit fl-Anness I tad-Direttiva 2006/126/KE. F’tali każ, u b’deroga mill-punt 12 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/126/KE, fil-liċenzja tas-sewqan l-Istati Membri għandhom jintroduċu kodiċi temporanju speċjali tal-Unjoni “99.01 (skadenza massima 6.3.2025)” fil-kaxxa 12, jiġifieri “Ħruġ speċjali validu biss għall-perjodu tal-protezzjoni temporanja (liċenzja Ukrena mitlufa jew misruqa)".

Wara li titwettaq il-verifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u qabel ma tinħareġ liċenzja tas-sewqan imsemmija f’dan il-paragrafu għall-kategoriji AM, A1, A2, A, B, B1 u BE, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu eżami li jkun japplika l-istandards minimi ta’ saħħa fiżika u ta’ saħħa mentali għas-sewqan skont il-liġi nazzjonali adottata biex jiġi traspost l-Anness III għad-Direttiva 2006/126/KE.

Wara li titwettaq il-verifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu qabel ma tinħareġ liċenzja tas-sewqan imsemmija f’dan il-paragrafu għall-kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu eżami li jkun japplika l-istandards minimi ta’ saħħa fiżika u ta’ saħħa mentali għas-sewqan skont il-liġi nazzjonali adottata biex jiġi traspost l-Anness III għad-Direttiva 2006/126/KE.

3.   Il-liċenzja tas-sewqan imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun rikonoxxuta b’mod reċiproku fl-Unjoni. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att futur tal-Unjoni dwar it-tul ta’ żmien tal-protezzjoni temporanja, b’deroga mill-punti 4(b) u 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/126/KE, id-data ta’ skadenza fuq tali liċenzja tas-sewqan għandha tkun is-6 ta’ Marzu 2025. Madankollu, minkejja d-data mmarkata fuq tal-liċenzja tas-sewqan, il-validità amministrattiva tagħha għandha tikkorrispondi għat-tul ta’ żmien tal-protezzjoni temporanja fir-rigward tal-persuni spostati mill-Ukrajna, kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55/KE, jew il-perjodu tal-protezzjoni temporanja jew tal-protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tad-detentur, skont liema jiskadi l-ewwel. Id-detentur għandu jkun informat dwar tali limitu b’mod xieraq.

4.   Meta ma jkunx possibbli li titwettaq il-verifika msemmija fil-paragrafu 1, l-Istat Membru inkwistjoni ma għandux joħroġ il-liċenzja tas-sewqan imsemmija fil-paragrafu 2. F’dak il-każ, l-Istat Membru jista’ joħroġ liċenzja tas-sewqan valida esklussivament fit-territorju tiegħu lill-persuna kkonċernata, skont il-liġi nazzjonali tiegħu. Tali liċenzja għandha tkun differenti mill-mudell stabbilit fl-Anness I tad-Direttiva 2006/126/KE.

5.   Meta jintemm il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni temporanja għal persuni spostati mill-Ukrajna, kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55/KE, il-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu għandhom ikunu nulli u bla effett.

Artikolu 7

Prevenzjoni tal-frodi u l-falsifikazzjoni

Meta japplikaw dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jużaw il-mezzi kollha xierqa biex jipprevjenu u jiġġieldu l-frodi b’rabta mad-dokumenti tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna, u l-falsifikazzjoni tagħhom.

L-Istati Membri jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jivverifikaw il-validità tad-dokumenti tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu tali dokument tas-sewwieqa fl-eventwalità ta’ risposta negattiva jew ta’ nuqqas ta’ risposta mill-awtoritajiet Ukreni kkonsultati minnhom dwar id-drittijiet dikjarati mid-detentur ta’ dokument tassewwieqa maħruġ mill-Ukrajna u f’każ li jkun hemm dubji serji dwar l-awtentiċità ta’ dokument tas-sewwieqa, li jindikaw li s-sikurezza stradali tista’ tkun fil-periklu.

L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għad-dokumenti tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna b’format elettroniku jekk ma jkunux jistgħu jivverifikaw l-awtentiċità, l-integrità u l-validità tagħhom.

Artikolu 8

Monitoraġġ

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, darba kull sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, prinċipalment abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Dan ir-Regolament għandu jieqaf japplika fil-jum ta’ wara dak li fih jintemm il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni temporanja fir-rigward tal-persuni spostati mill-Ukrajna, kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55/KE, f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dik id-Direttiva.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

Z. NEKULA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Lulju 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2022.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1).

(4)   ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.

(5)  Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).

(6)  Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).