22.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 195/1 |
REGOLAMENT (UE) 2022/1278 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-18 ta’ Lulju 2022
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat minn dik il-gwerra ta’ aggressjoni fuq il-katina tal-provvista ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikoli 43(2) u 175 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 qed ikollha impatt fuq l-operaturi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fl-Unjoni. It-tfixkil tal-flussi kummerċjali tal-prodotti bażiċi ewlenin għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura mir-Russja u l-Ukrajna intensifika f’daqqa ż-żieda fil-prezzijiet ta’ inputs ewlenin bħall-enerġija u l-materja prima. Il-kummerċ bejn l-Ukrajna u l-Unjoni ntlaqat serjament ukoll min-nuqqas ta’ disponibbiltà tat-trasport, billi l-ajruporti Ukreni saru inoperabbli minħabba l-attakki Russi, u l-operazzjonijiet kollha ta’ tbaħħir kummerċjali fil-portijiet Ukreni ġew sospiżi. Il-kriżi attwali x’aktarx li jkollha konsegwenzi serji fuq il-provvista taċ-ċereali, taż-żjut veġetali u tal-ħut abjad mir-Russja u mill-Ukrajna lejn l-Unjoni, u dan iwassal għal nuqqasijiet ta’ materja prima ewlenija u għal żieda sostanzjali fil-prezzijiet tal-għalf tal-ħut. Parti mill-flotta tal-Unjoni waqfet mis-sajd minħabba l-impossibbiltà li tiġi kkumpensata ż-żieda fil-kostijiet tal-input, bħall-prezzijiet għall-enerġija li qegħdin jogħlew u t-tnaqqis fil-profittabbiltà tas-sajd. L-impatt ikkombinat tan-nuqqasijiet ta’ materja prima ewlenija u taż-żidiet fil-kostijiet qiegħed jinħass ukoll mis-setturi tat-trobbija u tal-ipproċessar tal-frott tal-baħar. Għaldaqstant, hemm tfixkil sinifikanti fis-suq, ikkawżat minn żidiet sostanzjali fil-kostijiet, u minn tfixkil fil-kummerċ li jeħtieġ azzjoni effettiva u effiċjenti. |
(2) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jappoġġa miżuri speċifiċi sabiex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-katina tal-provvista ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jinkludu kumpens finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u lill-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li jaħżnu prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura f’konformità mal-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u kumpens finanzjarju lill-operaturi tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, inkluż is-settur tal-ipproċessar, għad-dħul mitluf tagħhom, u għall-kostijiet addizzjonali li huma ġarrbu minħabba t-tfixkil fis-suq ikkawżat mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-effetti tagħha fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Jenħtieġ li n-nefqa għall-operazzjonijiet appoġġati skont dawk il-miżuri tkun eliġibbli mill-24 ta’ Frar 2022, li hija d-data ta’ meta bdiet il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. |
(3) |
Jenħtieġ ukoll li jkun possibbli li l-FEMS jappoġġa kumpens finanzjarju għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd meta l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna tipperikola s-sigurtà tal-attivitajiet tas-sajd jew meta l-impatt ta’ dik il-gwerra ta’ aggressjoni timpedixxi l-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjonijiet tas-sajd. Jenħtieġ li dan il-waqfien temporanju ta’ attivitajiet tas-sajd jkun eliġibbli mill-24 ta’ Frar 2022. |
(4) |
Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu appoġġati dawk iż-żewġ miżuri b’rata massima ta’ kofinanzjament ta’ 75 % tan-nefqa pubblika eliġibbli. |
(5) |
Minħabba l-ħtieġa ta’ flessibbiltà fir-riallokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu riallokati l-ammonti fissi stabbiliti għall-miżuri ta’ kontroll u infurzar u għall-miżuri dwar il-ġbir tad-data għall-miżuri li jtaffu l-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u li jimmitigaw l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat minn dik il-gwerra ta’ aggressjoni fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Għall-istess raġuni, u mingħajr preġudizzju għal-limiti massimi finanzjarji eżistenti u għal-limitazzjoni tat-tul ta’ żmien għall-każijiet l-oħra ta’ waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd, jenħtieġ li l-għoti ta’ appoġġ għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd ikkawżati mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ma jkunx soġġett għal limiti massimi finanzjarji jew għal limitazzjoni fuq it-tul ta’ żmien. Jenħtieġ li jkompli japplika l-obbligu li l-appoġġ li jingħata għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd jitnaqqas mill-appoġġ li jingħata għall-waqfien permanenti mill-attivitajiet tas-sajd għall-istess bastiment. Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan il-każ ġdid ta’ waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd, huwa meħtieġ li ssir referenza għall-perjodu ta’ eliġibbiltà stabbilit fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
(6) |
Minħabba l-urġenza sabiex jingħata l-appoġġ meħtieġ, jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura simplifikata għall-emendar tal-programmi operazzjonali tal-Istati Membri jiġi estiż sabiex jinkludi emendi relatati mal-miżuri speċifiċi sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat minn dik il-gwerra ta’ aggressjoni fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Jenħtieġ li din il-proċedura simplifikata tkopri l-emendi kollha meħtieġa sabiex jiġu implimentati bis-sħiħ il-miżuri kkonċernati, fosthom l-introduzzjoni tagħhom, ir-riallokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji minn miżuri oħrajn, u d-deskrizzjoni tal-metodi sabiex jiġi kkalkolat l-appoġġ. |
(7) |
Minħabba l-urġenza tal-appoġġ meħtieġ, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Minħabba n-natura mhux mistennija tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-impatt serju tagħha fuq l-attivitajiet tas-sajd u fuq is-setturi ekonomiċi u l-ktajjen tal-provvista kkonċernati, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet fuq l-eliġibbiltà tal-kostijiet japplikaw retroattivament mill-24 ta’ Frar 2022. |
(8) |
Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi mitigat l-effett tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba raġunijiet tal- iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal- prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l- objettiv. |
(9) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 508/2014 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 508/2014
Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 huwa emendat kif ġej:
1. |
Fl-Artikolu 13, jinżdied il-paragrafu li ġej: “7. Ir-riżorsi baġitarji msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu riallokati għall-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 33(1)(d), fl-Artikolu 44(4a), fl-Artikolu 67 u fl-Artikolu 68(3) sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat minn dik il-gwerra ta’ aggressjoni fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.”; |
2. |
Fl-Artikolu 22(2), il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
3. |
L-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:
|
4. |
Fl-Artikolu 44, il-paragrafu 4a huwa sostitwit b’dan li ġej: “4a. Il-FEMS jista’ jappoġġa miżuri għal waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19 jew mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna li tipperikola s-sigurtà tal-attivitajiet tas-sajd jew timpedixxi l-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjonijiet tas-sajd, kif previst fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(1), skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 33.”; |
5. |
Fl-Artikolu 67(1), l-ewwel subparagrafu, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej: “1. Meta meħtieġ sabiex twieġeb għat-tifqigħa tal-COVID-19 jew biex itaffi l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, il-FEMS jista’ jappoġġa l-kumpens lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u lill-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li jaħżnu prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 jew prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0302 kif elenkati fil-punt (a) tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament, dment li dawk il-prodotti jinħażnu f’konformità mal-Artikoli 30 u 31 ta’ dak ir-Regolament, u soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:”; |
6. |
Fl-Artikolu 67, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, ħlief jekk itaffi l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 65(9) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u b’deroga mill-ewwel subparagrafu tiegħu, l-infiq għall-operazzjonijiet appoġġati skont dan l-Artikolu għandu jkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020 sabiex iwieġeb għat-tifqigħa tal-COVID-19, u mill-24 ta’ Frar 2022 sabiex jittaffew l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.”; |
7. |
Fl-Artikolu 68, jinżdied il-paragrafu li ġej: “3. Il-FEMS jista’ jappoġġa kumpens finanzjarju lill-operaturi tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura għad-dħul mitluf tagħhom, u għal spejjeż addizzjonali li jġarrbu minħabba t-tfixkil fis-suq ikkawżat mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-effetti tagħha fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 65(9) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-infiq għall-operazzjonijiet appoġġati skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jkun eliġibbli mill-24 ta’ Frar 2022. Il-kumpens imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 96.”; |
8. |
Fl-Artikolu 95(2), il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2022.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
Z. NEKULA
(1) L-Opinjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2022.
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).