21.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1274

tal-21 ta’ Lulju 2022

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(2)

L-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u tkompli tikkundanna l-azzjonijiet u l-politiki li jipperikolaw l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

(3)

Ir-reġim Sirjan jipprovdi appoġġ, inkluż appoġġ militari, lill-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna. Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li jinżdiedu sitt individwi u entità waħda involuti fir-reklutaġġ ta’ merċenarji Sirjani biex jiġġieldu fl-Ukrajna flimkien ma’ truppi Russi mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 269/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat f’konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.


ANNESS

Il-persuni u l-entità li ġejjin jinżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni għall-Identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1176.

Muhammad AL-SALTI (Muhamad AL-SALTI, Akram Muhammad AL-SALTI, Muhammad SALTI) - محمد السلطي, أكرم السلطي, أكرم محمد السلطي, محمد

Nazzjonalità: Sirjana

Pożizzjoni: Kap Kmandant tal-’’Armata għal-Liberazzjoni tal-Palestina’’

Sess: raġel

Muhammad AL-SALTI huwa l-Kap Kmandant tal-“Armata għal-Liberazzjoni tal-Palestina”, involut fir-reklutaġġ tal-Palestinjani biex jiġġieldu fl-Ukrajna flimkien mar-Russja. Għalhekk, huwa responsabbli għal azzjonijiet u politiki li jdgħajfu jew jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna.

21.7.2022

1177.

Abu Hani SHAMMOUT (Abu Hani SHAMOUT, Abu SHAMMOUT, Hani SHAMMOUT) - أبو هاني شموط, أبو شموط, هاني شموط

Sess: raġel

Abu Hani SHAMMOUT huwa eks uffiċjal militari Sirjan u mexxej tal-fazzjoni ‘‘al-Ahdat al-Omariya’’, responsabbli, flimkien ma’ reklutaturi Russi, għar-reġistrazzjoni ta’ merċenarji Sirjani minn Yalda, Babila u Beit Sahem, fin-Nofsinhar ta’ Damasku, destinati li jiġġieldu għall-forzi Russi fil-Libja u fl-Ukrajna. Huwa ġie inkarigat direttament mill-Grupp Wagner biex jissorvelja r-reklutaġġ tal-veterani. Għalhekk, huwa responsabbli għal azzjonijiet u politiki li jdgħajfu jew jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna.

21.7.2022

1178.

Nabeul AL-ABDULLAH (Nabel AL-ABDULLAH, Nabel AL-ABDALLAH, Nabel ABDALLAH, Nabel ABDULLAH) - نابل عبدالله, نابل العبدالله

Pożizzjoni: Kmandant tal-Forzi tad-Difiża Nazzjonali fil-belt ta’ Suqaylabiyah

Sess: raġel

Nabeul AL-ABDULLAH huwa l-kmandant tal-Forzi tad-Difiża Nazzjonali fil-belt ta’ Suqaylabiyah. Ilu jissorvelja r-reklutaġġ tal-merċenarji Sirjani biex jiġġieldu fl-Ukrajna flimkien mar-Russja sa mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa. Għalhekk, huwa responsabbli għal azzjonijiet u politiki li jdgħajfu jew jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna.

21.7.2022

1179.

Simon AL WAKIL (Simon WAKIL, Simon Al WAQIL, Simon WAQIL, Simon AL WAKEEL, Simon WAKEEL) - سيمون الوكيل, سيمون

Pożizzjoni: kmandant tal-Forzi tad-Difiża Nazzjonali fil-belt ta’ Maharda

Sess: raġel

Simon AL WAKIL huwa l-kmandant tal-Forzi tad-Difiża Nazzjonali fil-belt ta’ Maharda (Hama). Huwa jikkollabora direttament mal-kmand tal-forzi Russi fis-Sirja, u huwa rilej attiv tal-operazzjonijiet ta’ reġistrazzjoni biex wieħed jiġġieled fl-Ukrajna flimkien mar-Russja. Għalhekk, huwa responsabbli għal azzjonijiet u politiki li jdgħajfu jew jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna.

21.7.2022

1180.

Fawaz Mikhail GERGES - فواز ميخائيل جرجس

Pożizzjoni: negozjant, CEO ta’ Al-Sayyad Company for Guarding and Protection Services

Sess: raġel

Fawaz Mikhail Gerges huwa d-direttur ta’ Al Sayyad Company for Guarding and Protection Services Ltd, kumpannija tas-sigurtà privata Sirjana stabbilita fl-2017 u ssorveljata mill-Grupp Wagner fis-Sirja, attiva fil-protezzjoni tal-interessi Russi (il-fosfati, il-gass u l-iżgurar ta’ siti taż-żejt). Huwa responsabbli għar-reklutaġġ tal-merċenarji għall-benefiċċju tal-forzi Russi fil-Libja u fl-Ukrajna. Għalhekk, huwa responsabbli għal azzjonijiet u politiki li jdgħajfu jew jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna.

21.7.2022

1181.

Yasar Hussein IBRAHIM (Yassar Hussein IBRAHIM, Yassar IBRAHIM) - ياسر حسين ابراهيم

Nazzjonalità: Sirjana

Data tat-twelid: 9.4.1983

Post tat-twelid: Damasku

Sess: raġel

Yasar Hussein Ibrahim huwa l-koproprjetarju ta’ Al-Sayyad Company for Guarding and Protection Services Ltd, kumpannija tas-sigurtà privata Sirjana stabbilita fl-2017 u ssorveljata mill-Grupp Wagner fis-Sirja, attiva fil-protezzjoni tal-interessi Russi (il-fosfati, il-gass u l-iżgurar tas-siti taż-żejt). Il-kumpannija hija attiva fir-reklutaġġ ta’ merċenarji Sirjani fil-Libja u fl-Ukrajna. Għalhekk Yasar Hussein Ibrahim huwa responsabbli biex jappoġġa jew jimplimenta azzjonijiet jew politiki li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna.

21.7.2022”

Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni għall-Identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“102.

Al-Sayyad Company for Guarding and Protection Services Ltd (aka “ISIS Hunters”) - شركة الصياد لخدمات الحراسة والحماية

Data tal-ħolqien: 2017

Kwartieri Ġenerali: AL Suqaylabiya (reġjun ta’ Hama)

Al-Sayyad Company for Guarding and Protection Services Ltd hija kumpannija tas-sigurtà privata Sirjana stabbilita fl-2017 u ssorveljata mill-Grupp Wagner fis-Sirja, attiva fil-protezzjoni tal-interessi Russi (il-fosfati, il-gass u l-iżgurar tas-siti taż-żejt). Il-kumpannija, li topera bl-isem ‘‘ISIS Hunters’’, hija attiva fir-reklutaġġ ta’ merċinarji Sirjani għal-Libja u l-Ukrajna. Għalhekk, il-kumpannija hija responsabbli biex tappoġġa jew timplimenta azzjonijiet jew politiki li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna.

21.7.2022”