|
21.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 192/21 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1267
tal-20 ta’ Lulju 2022
li jispeċifika l-proċeduri għad-deżinjazzjoni tal-faċilitajiet tal-ittestjar tal-Unjoni għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq u tal-verifika tal-konformità tal-prodotti skont ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011, (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(9) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Wieħed mill-objettivi tal-faċilitajiet tal-ittestjar tal-Unjoni huwa li jassistu lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq fl-attivitajiet tagħhom billi jikkontribwixxu għat-titjib tal-kapaċità tal-laboratorji għal kategoriji speċifiċi ta’ prodotti jew għal riskji speċifiċi relatati ma’ kategorija ta’ prodotti. Il-proċeduri għad-deżinjazzjoni tal-faċilitajiet tal-ittestjar tal-Unjoni jenħtieġ li jiżguraw b’mod partikolari li l-faċilitajiet tal-ittestjar tal-Unjoni jiġu deżinjati fejn ikun hemm skarsezzi tal-kapaċità tal-ittestjar laboratorju. |
|
(2) |
Biex tkun evitata skarsezza ta’ kapaċità laboratorja, jenħtieġ jingħata aċċess wiesa’ għad-deżinjazzjoni. Biex jingħata dan l-aċċess u tkun żgurata t-trasparenza fil-proċess li jwassal għad-deżinjazzjoni, jenħtieġ li jiġi ddeterminat liema faċilitajiet tal-ittestjar pubbliku tal-Istati Membri jridu jiġu deżinjati bħala faċilitajiet tal-ittestjar tal-Unjoni wara sejħiet għal espressjoni ta’ interess. |
|
(3) |
Id-deżinjazzjoni tal-faċilitajiet tal-ittestjar tal-Kummissjoni bħala faċilitajiet tal-ittestjar tal-Unjoni jenħtieġ li ssir b’appuntar dirett mill-Kummissjoni. |
|
(4) |
Minħabba l-għadd kbir ta’ kategoriji ta’ prodotti u ta’ riskji speċifiċi relatati ma’ kategorija ta’ prodotti, jenħtieġ li jiġi kkonsultat in-Network tal-Unjoni għall-Konformità tal-Prodotti stabbilit skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2019/1020 biex tkun żgurata l-prijoritizzazzjoni korretta ta’ dawn il-kategoriji u r-riskji speċifiċi. |
|
(5) |
Id-deżinjazzjoni tal-faċilitajiet tal-ittestjar tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi rieżaminata b’mod regolari biex jiġi vverifikat li dawn jiżguraw livell konsistentement għoli ta’ ttestjar tal-prodotti, u li jipprovdu konsulenza teknika u xjentifika ta’ kwalità għolja. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2019/1020, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Proċeduri għad-deżinjazzjoni tal-faċilitajiet tal-ittestjar tal-Unjoni
1. Il-faċilitajiet tal-ittestjar pubbliku tal-Istati Membri għandhom jiġu ddeżinjati bħala faċilitajiet tal-ittestjar tal-Unjoni wara sejħa għal espressjoni ta’ interess li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għad-deżinjazzjoni tagħhom.
2. Il-faċilitajiet tal-ittestjar tal-Kummissjoni għandhom jiġu deżinjati bħala faċilitajiet tal-ittestjar tal-Unjoni b’appuntar dirett mill-Kummissjoni, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għad-deżinjazzjoni tagħhom.
3. Qabel id-deżinjazzjoni, in-Network tal-Unjoni għall-Konformità tal-Prodotti stabbilit skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2019/1020 (in-“Network”) għandu jiġi kkonsultat dwar dawn it-tnejn li ġejjin:
|
(a) |
il-kategoriji speċifiċi ta’ prodotti u dwar ir-riskji speċifiċi relatati ma’ kategorija ta’ prodotti li għalihom jeħtieġ jiġu deżinjati l-faċilitajiet tal-ittestjar tal-Unjoni; |
|
(b) |
il-kundizzjonijiet għad-deżinjazzjoni tal-faċilitajiet tal-ittestjar tal-Unjoni, biex ikunu żgurati livell konsistentement għoli ta’ ttestjar tal-prodotti u pariri tekniċi u xjentifiċi ta’ livell għoli. |
Artikolu 2
Rieżami tad-deżinjazzjoni
1. Il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni man-Network, għandha tirrevedi d-deżinjazzjoni tal-faċilitajiet tal-ittestjar tal-Unjoni b’mod regolari biex taċċerta li l-faċilitajiet tal-ittestjar tal-Unjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet għad-deżinjazzjoni tagħhom u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 21(3), 21(5) u 21(6) tar-Regolament (UE) 2019/1020.
2. Fid-deċiżjoni biex tiġi ddeżinjata l-faċilità tal-ittestjar tal-Unjoni għandu jiġi stabbilit limitu ta’ żmien għar-rieżami tad-deżinjazzjoni tal-faċilità tal-ittestjar.
3. Meta faċilità tal-ittestjar tal-Unjoni tonqos milli tikkonforma mal-kundizzjonijiet għad-deżinjazzjoni tagħha u mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 21(3), 21(5) u 21(6) tar-Regolament (UE) 2019/1020, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni man-Network, għandha, meta xieraq, tirtira d-deżinjazzjoni.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN