14.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 187/16


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/1207

tat-12 ta’ Lulju 2022

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward tal-introduzzjoni tal-euro fil-Kroazja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 140(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 (2) jipprevedi s-sostituzzjoni tal-euro għall-muniti tal-Istati Membri li jkunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fiż-żmien meta l-Komunità tkun daħlet fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja.

(2)

Skont l-Artikolu 5 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2012, il-Kroazja hija Stat Membru b’deroga, kif definit fl-Artikolu 139(1) tat-Trattat.

(3)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1211 (3), il-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro u d-deroga rigward il-Kroazja għandha titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023.

(4)

L-introduzzjoni tal-euro fil-Kroazja teħtieġ l-estensjoni għall-Kroazja tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-introduzzjoni tal-euro li huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 974/98.

(5)

Il-Pjan Nazzjonali tal-Kroazja għall-Bidla għall-Euro jispeċifika li l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro għandhom isiru valuta legali f’dak l-Istat Membru fil-jum tal-introduzzjoni tal-euro bħala l-munita tiegħu. B’konsegwenza ta’ dan, jwnħtieġ li d-data tal-adozzjoni tal-euro u d-data ta’ bidla fil-munita tkun l-1 ta’ Jannar 2023. Jenħtieġ li ma japplika l-ebda perjodu ta’ “eliminazzjoni gradwali”.

(6)

Jenħtieġ għalhekk, li r-Regolament (KE) Nru 974/98 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 974/98, tiddaħħal l-entrata li ġejja bejn l-entrata għal Franza u l-entrata għall-Irlanda:

“il-Kroazja

L-1 ta’ Jannar 2023

L-1 ta’ Jannar 2023

Le”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

Z. STANJURA


(1)  Opinjoni tat-4 ta’ Lulju 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1211 tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja fl-1 ta’ Jannar 2023 (ara l-paġna 31 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).