12.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 185/47


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1194

tal-11 ta’ Lulju 2022

li jistabbilixxi l-miżuri għall-qerda tal-Clavibacter sepedonicus (Spieckermann & Kotthoff 1914) Nouioui et al. 2018 u għall-prevenzjoni tat-tifrix tiegħu

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari il-punti (a) sa (h) tal-Artikolu 28(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/2031 jipprovdi l-bażi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti. Billi dak ir-Regolament jistabbilixxi sett ġdid ta’ regoli, huwa jħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2022, diversi atti li kienu bbażati fuq ir-regoli preċedenti tas-settur.

(2)

Wieħed minn dawk l-atti li tħassru huwa d-Direttiva tal-Kunsill 93/85/KEE (2) li stabbilixxa l-miżuri kontra l-pest Clavibacter michiganensis (Smith) Davis et al. ssp sepedonicus (Spieckermann & Kotthoff 1914), li sussegwentement ingħata l-isem il-ġdid Clavibacter sepedonicus (Spieckermann & Kotthoff 1914) Nouioui et al. 2018, (“il-pest speċifikat”), li hu l-aġent patoġeniku tat-tħassir forma ta’ ċirku tal-patata.

(3)

Barra minn hekk, mill-adozzjoni ta’ dik id-Direttiva, saru żviluppi xjentifiċi ġodda li jikkonċernaw il-bijoloġija u d-distribuzzjoni tal-pest speċifikat, filwaqt li ġew żviluppati metodi ġodda ta’ ttestjar biex jinsab u jiġi identifikat dan il-pest, kif ukoll metodi li jeqirduh, u li jipprevjenu li jinfirex.

(4)

Għalhekk jixraq li jiġu adottati miżuri ġodda għall-pjanti tas-Solanum tuberosum L. għajr iż-żrieragħ (“il-pjanti speċifikati”), biex jinqered il-pest speċifikat f’każ li jinstab fit-territorju tal-Unjoni, u biex ma jitħalliex jinfirex. Madankollu, ċerti miżuri stabbiliti fid-Direttiva 93/85/KEE, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-qerda u l-prevenzjoni tat-tifrix tal-pest speċifikat, għadhom xierqa u għalhekk jenħtieġ li jiġu previsti.

(5)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jwettqu stħarriġiet annwali għall-preżenza tal-pest speċifikat fuq il-pjanti speċifikati fit-territorju tagħhom, sabiex jiżguraw id-detezzjoni l-aktar effettiva u bikrija ta’ dak il-pest. Ir-regoli dwar l-istħarriġ annwali jenħtieġ li jiġu addattati għall-użu maħsub tal-pjanti speċifikati, biex jiġi żgurat li l-ispezzjonijiet viżivi, it-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar isiru fl-aktar żmien xieraq u taħt l-aktar kundizzjonijiet xierqa għal kull pjanta u għall-użu tagħha.

(6)

F’każ li jkun hemm suspett tal-preżenza tal-pest speċifikat, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċerat twettaq l-ittestjar f’konformità mal-istandards internazzjonali, sabiex tikkonferma jew tikkonfuta l-preżenza tiegħu.

(7)

Fejn il-preżenza tal-pest speċifikat tiġi kkonfermata, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tieħu l-miżuri x-xierqa mingħajr dewmien biex teqirdu u biex tipprevjeni li jkompli jinfirex. Jenħtieġ li l-ewwel waħda minn dawk il-miżuri tkun l-istabbiliment ta’ żona demarkata.

(8)

Jenħtieġ li jiġu previsti miżuri oħra ta’ eradikazzjoni. Jenħtieġ li l-pjanti speċifikati ddeżinjati bħala infettati mill-pest speċifikat ma jitħawlux fit-territorju tal-Unjoni, u jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tiżgura li l-pjanti speċifikati infettati jinqerdu jew jintremew f’kundizzjonijiet li jipprevjenu li l-pest speċifikat ikompli jinfirex. Jenħtieġ li jiġu previsti miżuri speċifiċi fir-rigward tal-ittestjar, tal-kampjunar u tal-azzjonijiet fuq il-post, sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda riskju identifikabbli tat-tifrix tal-pest speċifikat.

(9)

Biex tkun żgurata l-aktar protezzjoni effettiva tat-territorju tal-Unjoni minn dak il-pest speċifikat jixraq li ċerti żoni fl-Unjoni jiġu ddeżinjati “żoni ta’ infezzjoni mifruxa”. Jenħtieġ li dawk iż-żoni jiġu ddefiniti bħala żoni li fihom, f’bosta siti fejn ikun sar stħarriġ annwali tul aktar minn għaxar snin kontinwi, ikunu ġew identifikati t-tifqigħat, u dan juri li l-pest speċifikat jinsab f’bosta siti, u li ma jistax jiġi eskluż li l-pest jinsab ukoll f’siti tal-produzzjoni li mhumiex taħt superviżjoni uffiċjali. Minħabba f’hekk, il-ġarr tal-pjanti speċifikati barra minn dawk iż-żoni u lejn il-bqija tat-territorju tal-Unjoni jew ġo fih jenħtieġ li jkun suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, u li l-pjanti jkollhom magħhom passaport tal-pjanti.

(10)

Jenħtieġ li kull ħames snin l-Istati Membri jressqu r-rapporti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fiż-żoni ta’ infezzjoni mifruxa rispettivi tagħhom, biex tkun żgurata sorveljanza tal-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri fl-Unjoni, u jiġu rieżaminati u addattati skont il-bżonn.

(11)

Jixraq li tiġi prevista deroga mill-obbligu ta’ notifikazzjoni fil-EUROPHYT tal-preżenza tal-pest speċifikat skont l-Artikolu 32 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715 (3), meta l-pest ikun jinsab f’żona ta’ infezzjoni mifruxa, billi din ma tantx tkun iżżid valur minħabba li jkun hemm tifqigħat kontinwi f’bosta postijiet.

(12)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biex ikun żgurat li japplika mill-aktar fis possibbli wara t-tħassir tad-Direttiva 93/85/KEE.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-miżuri għall-qerda u għall-prevenzjoni tat-tifrix tal-Clavibacter sepedonicus (Spieckermann & Kotthoff 1914) Nouioui et al. 2018, li jikkawża t-tħassir forma ta’ ċirku tal-patata, u biex ma jitħalliex jinfirex fit-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“pest speċifikat” tfisser il-Clavibacter sepedonicus (Spieckermann & Kotthoff 1914) Nouioui et al. 2018;

(2)

“pjanti speċifikati” tfisser pjanti tas-Solanum tuberosum L., għajr iż-żrieragħ;

(3)

“pjanti speċifikati b’mod volontarju” tfisser pjanti speċifikati li jidhru fil-postijiet tal-produzzjoni mingħajr ma jkunu tħawlu;

(4)

“tuberi maħsuba biex jitħawlu fl-istess post tal-produzzjoni” tfisser tuberi prodotti f’post speċifiku tal-produzzjoni li huma maħsuba biex jibqgħu b’mod permanenti f’dak il-post u ma humiex maħsuba biex jiġu ċċertifikati;

(5)

“żona ta’ infezzjoni mifruxa” tfisser żona fl-Unjoni li fiha, f’bosta siti fejn ikun sar stħarriġ annwali tul aktar minn għaxar snin kontinwi, ikunu ġew identifikati t-tifqigħat, u dan juri li l-pest speċifikat jinsab f’bosta siti, u li ma jistax jiġi eskluż li l-pest jinsab ukoll f’siti tal-produzzjoni li mhumiex taħt superviżjoni uffiċjali.

Artikolu 3

Stħarriġiet annwali

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu stħarriġ annwali dwar il-preżenza tal-pest speċifikat fuq il-pjanti speċifikati fit-territorju tagħhom f’konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

fir-rigward tat-tuberi għajr dawk għat-tħawwil, l-istħarriġ għandu jinkludi:

(i)

il-kampjunar minn lottijiet tat-tuberi maħżuna jew mill-għalla li tkun qed tikber, fi żmien tard kemm jista’jkun bejn it-tnixxif tal-faxxini u l-ħsad;

(ii)

spezzjoni viżiva tal-għalla li tkun qed tikber fejn ikun possibbli li jiġu identifikati b’mod viżiv is-sintomi tal-pest speċifikat, u spezzjoni viżiva tat-tuberi maqtugħin, fil-każijiet meta dik l-ispezzjoni tkun xierqa biex jiġu individwati s-sintomi tal-pest speċifikat;

(b)

fir-rigward tat-tuberi għat-tħawwil, għajr dawk maħsuba għat-tħawwil fl-istess post tal-produzzjoni, l-istħarriġ għandu jinkludi b’mod sistematiku spezzjoni viżiva tal-għelejjel li jkunu qed jikbru u tal-lottijiet fil-ħżin, kampjunar fil-ħżin jew kampjunar mill-għelejjel li jkunu qed jikbru, kemm jista’ jkun tard fiż-żmien bejn it-tnixxif tal-faxxini u l-ħsad;

(c)

fir-rigward tat-tuberi maħsuba biex jitħawlu fl-istess post tal-produzzjoni, l-istħarriġ għandu jitwettaq abbażi tar-riskju identifikat li jikkonċerna l-preżenza tal-pest speċifikat u għandu jinkludi:

(i)

il-kampjunar minn lottijiet tat-tuberi maħżuna jew mill-għalla li tkun qed tikber, fi żmien tard kemm jista’jkun bejn it-tnixxif tal-faxxini u l-ħsad;

(ii)

spezzjoni viżiva tal-għalla li tkun qed tikber fejn ikun possibbli li jiġu identifikati b’mod viżiv is-sintomi tal-pest speċifikat, u spezzjoni viżiva tat-tuberi maqtugħin, fil-każijiet meta dik l-ispezzjoni tkun xierqa biex jiġu individwati s-sintomi tal-pest speċifikat;

(d)

fuq il-pjanti speċifikati għajr it-tuberi, l-istħarriġ u l-kampjunar tal-pjanti għandhom jitwettqu f’konformità mal-metodi x-xierqa għall-identifikazzjoni tal-pest speċifikat fuq dawk il-pjanti.

2.   L-għadd, l-oriġini u ż-żmien tal-ġbir tal-kampjuni għandhom jitwettqu fuq prinċipji xjentifiċi u statistiċi sodi u skont il-bijoloġija tal-pest speċifikat, filwaqt li jitqiesu s-sistemi partikolari tal-produzzjoni tal-patata fl-Istati Membri kkonċernati.

3.   Sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu r-riżultati tal-istħarriġ annwali li jkunu wettqu matul is-sena kalendarja preċedenti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn. Għandhom jirrapportaw ir-riżultati ta’ dak l-istħarriġ f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness II.

Artikolu 4

Miżuri f’każ ta’ suspett tal-preżenza tal-pest speċifikat

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-kampjuni li jittieħdu għall-fini tal-istħarriġ annwali jsirulhom it-testijiet ta’ detezzjoni msemmija fil-punt 2.1 tal-Anness I.

2.   Sakemm joħorġu r-riżultati tat-testijiet ta’ detezzjoni, l-awtorità kompetenti għandha:

(a)

tipprojbixxi l-ġarr tal-pjanti speċifikati mill-għelejjel, mil-lottijiet jew mill-kunsinni kollha li minnhom ittieħdu l-kampjuni, ħlief tal-pjanti speċifikati taħt il-kontroll tagħha li dwarhom ikun ġie stabbilit li ma hemm l-ebda riskju identifikabbli tat-tifrix tal-pest speċifikat;

(b)

tittraċċa l-oriġini tal-preżenza suspettata;

(c)

twettaq kontroll uffiċjali tal-ġarr tal-pjanti speċifikati, għajr dawk imsemmija fil-punt (a), prodotti fil-post tal-produzzjoni li minnu jkunu ttieħdu l-kampjuni msemmija fil-punt (a).

3.   Sakemm jaslu r-riżultati tat-testijiet għad-detezzjoni tal-pest, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li jinżammu l-elementi li ġejjin, u jiġu ppreżervati kif xieraq:

(a)

it-tuberi kollha li jkun baqa’ li jkunu ġew kampjunati u, kull meta jkun possibbli, il-pjanti kollha kampjunati li jifdal;

(b)

l-estratti tal-pjanti speċifikati li jifdal, l-estratti tad-DNA u l-materjal addizzjonali ppreparat għat-test;

(c)

il-kultura pura fejn xieraq;

(d)

id-dokumentazzjoni rilevanti kollha.

4.   Fejn jiġi kkonfermat is-suspett tal-preżenza tal-pest speċifikat f’konformità mal-punt 1.1 tal-Anness I, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li t-testijiet imsemmija fl-Anness I jitwettqu fuq il-kampjuni li jkunu ttieħdu għall-fini tal-istħarriġ biex tiġi kkonfermata jew ikkonfutata l-preżenza tal-pest speċifikat.

Artikolu 5

Miżuri f’każ ta’ konferma tal-preżenza tal-pest speċifikat

1.   Meta l-preżenza tal-pest speċifikat tiġi kkonfermata f’konformità mal-punti 1.2 jew 1.3 tal-Anness I, għandhom japplikaw il-paragrafi 2 sa 9.

2.   L-awtorità kompetenti għandha, mingħajr dewmien, tistabbilixxi żona demarkata filwaqt li tqis l-elementi elenkati fil-punt 1 tal-Anness III, biex tiġi ddeterminata l-firxa possibbli tal-pest speċifikat.

3.   Iż-żona demarkata għandu jkun fiha żona infestata, u fejn ikun meħtieġ biex jiġi evitat ir-riskju fitosanitarju, żona ta’ lqugħ madwar iż-żona infestata.

4.   Iż-żona infestata għandu jkun fiha dawn kollha li ġejjin:

(a)

il-pjanti speċifikati, il-kunsinni u/jew il-lottijiet, il-vetturi, il-bastimenti, l-imħażen, jew unitajiet tagħhom li minnhom ikun ittieħed kampjun infettat tal-pjanta speċifikata, kull oġġett ieħor inkluż il-materjal tal-imballaġġ, u l-makkinarju li jintuża għall-produzzjoni, għat-trasport u għall-ħżin ta’ dawk il-pjanti speċifikati, u, fejn xieraq, il-postijiet tal-produzzjoni jew is-siti tal-produzzjoni fejn dawk il-pjanti speċifikati jkunu tkabbru jew inħasdu;

(b)

it-tipi kollha ta’ oġġetti elenkati fil-punt (a) li dwarhom jiġi ddeterminat li probabbilment ġew infettati bil-pest speċifikat, permezz ta’ kuntatt qabel jew wara l-ħsad, jew permezz ta’ passi ta’ produzzjoni simultanji fuq pjanti speċifikati infettati u filwaqt li jitqiesu l-elementi elenkati fil-punt 2 tal-Anness III.

5.   L-awtorità kompetenti għandha tiddeżinja:

(a)

l-oġġetti elenkati bħala infettati fil-punt (a) tal-paragrafu 4;

(b)

l-oġġetti elenkati bħala x’aktarx infettati fil-punt (b) tal-paragrafu 4.

6.   It-tuberi li joriġinaw minn żona demarkata ma għandhomx jinħarġu minn dik iż-żona demarkata sakemm ma jiġix ippruvat mit-testijiet imsemmijin fl-Anness I li huma ħielsa minn dak il-pest speċifikat.

7.   B’deroga mill-Artikolu 32 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715, l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jibagħtu notifika ta’ tifqigħa fil-EUROPHYT meta l-pest speċifikat ikun jinsab f’żona ta’ infezzjoni mifruxa elenkata fl-Anness IV.

8.   Meta Stat Membru jkun ippreżenta notifika ta’ tifqigħa fil-EUROPHYT, l-Istati Membri ġirien li ssir referenza għalihom fin-notifika għandhom jiddeterminaw il-firxa tal-infezzjoni probabbli u għandhom jistabbilixxu żona demarkata f’konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4.

9.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li jinżammu l-elementi li ġejjin kollha, u jiġu ppreżervati tajjeb:

(a)

il-materjal speċifikat fl-Artikolu 4(3) mill-inqas sakemm jitlestew it-testijiet kollha;

(b)

il-materjal relatat mat-tieni test ta’ detezzjoni u mat-testijiet ta’ identifikazzjoni meta jkun xieraq, sakemm jitlestew it-testijiet kollha;

(c)

jekk japplika, il-kultura pura tal-pest speċifikat, sa mill-inqas xahar wieħed wara l-proċedura ta’ notifika skont il-paragrafu 7.

Artikolu 6

Miżuri għall-qerda tal-pest speċifikat

1.   Ma għandhomx jitħawlu l-pjanti speċifikati ddeżinjati bħala infettati mill-pest speċifikat skont il-punt (a) tal-Artikolu 5(5). L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-pjanti speċifikati infettati jinqerdu jew jintremew, f’konformità mal-punt 1 tal-Anness V dment li jiġi stabbilit li ma hemm l-ebda riskju identifikabbli li l-pest speċifikat jinfirex.

Meta l-pjanti speċifikati jkunu tħawlu qabel ma ġew iddeżinjati bħala infettati, il-materjal imħawwel għandu jinqered jew jintrema minnufih f’konformità mal-punt 1 tal-Anness V. Is-siti tal-produzzjoni fejn ikunu tħawlu l-pjanti speċifikati infettati għandhom jiġu ddeżinjati bħala infettati.

2.   Il-pjanti li jkunu ddeżinjati bħala x’aktarx infettati skont il-punt (b) tal-Artikolu 5(5) ma għandhomx jitħawlu, u mingħajr preġudizzju għall-eżitu tat-testijiet għall-istokkijiet relatati klonalment imsemmijin fl-Artikolu 7, għandhom, taħt superviżjoni uffiċjali jintużaw b’mod xieraq jew jintremew kif speċifikat fil-punt 2 tal-Anness V, b’mod li jkun stabbilit li ma jkunx hemm riskju identifikabbli li l-pest speċifikat jinfirex.

Meta l-pjanti speċifikati jkunu tħawlu qabel ma kienu ddeżinjati bħala x’aktarx infettati, il-materjal imħawwel għandu jinqered jew jintuża b’mod xieraq jew jintrema kif speċifikat fil-punt 2 tal-Anness V. Is-siti tal-produzzjoni fejn ikunu tħawlu l-pjanti speċifikati x’aktarx infettati għandhom jiġu ddeżinjati bħala x’aktarx infettati.

3.   Kull makkinarju, vettura, bastiment, maħżen, jew unitajiet tiegħu, u kull oġġett ieħor inkluż materjal tal-imballaġġ, sinjalat bħala infettat skont l-Artikolu 5(5), għandu jinqered jew jitnaddaf u jiġi ddiżinfettat bil-metodi speċifikati fil-punt 3 tal-Anness V.

4.   Minbarra l-miżuri previsti fil-paragrafi 1, 2, u 3, fiż-żoni demarkati għandhom jiġu applikati l-miżuri speċifikati fil-punt 4 tal-Anness V.

Artikolu 7

Miżuri speċifiċi ta’ ttestjar tat-tuberi għat-tħawwil

1.   Meta tiġi kkonfermata l-preżenza tal-pest speċifikat f’sit tal-produzzjoni tat-tuberi għat-tħawwil, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li t-testijiet imsemmija fl-Anness I jitwettqu fuq il-linji relatati klonalment tal-lottijiet tat-tuberi infettati, jew meta jiġi stabbilit li ma hemmx linji relatati klonalment, fuq it-tuberi jew fuq il-lottijiet tat-tuberi li kienu f’kuntatt, dirett jew indirett, mal-lottijiet tat-tuberi infettati.

2.   Meta l-preżenza tal-pest speċifikat tiġi kkonfermata f’siti ta’ produzzjoni tat-tuberi għat-tħawwil fi skema ta’ ċertifikazzjoni, it-testijiet imsemmija fl-Anness I għandhom jitwettqu fuq kull pjanta tal-għażla klonali inizjali jew fuq kampjuni rappreżentattivi tal-patata taż-żrigħ bażika.

Artikolu 8

Miżuri temporanji dwar il-ġarr ta’ tuberi tal-pjanti speċifikati li joriġinaw minn żona ta’ infezzjoni mifruxa

1.   It-tuberi tal-pjanti speċifikati, għajr dawk għat-tħawwil, li joriġinaw minn żona ta’ infezzjoni mifruxa elenkata fl-Anness IV, jistgħu jinġarru minn dik iż-żona għal żoni oħrajn fit-territorju tal-Unjoni biss jekk jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikollhom passaport tal-pjanti magħhom;

(b)

ikunu joriġinaw minn post tal-produzzjoni rreġistrat u ssorveljat mill-awtoritajiet kompetenti u jkun rikonoxxut b’mod uffiċjali li jkunu ħielsa mill-pest speċifikat; jew ikun instab li huma ħielsa mill-pest speċifikat mill-kampjunar u l-ittestjar li jkun twettaq f’konformità mal-Anness I.

2.   Kull ħames snin, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw ir-rapporti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fiż-żoni ta’ infezzjoni mifruxa rispettivi tagħhom.

Artikolu 9

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/85/KEE tal-4 ta’ Ottubru 1993 dwar il-kontroll tat-tħassir forma ta’ ċirku tal-patata (ĠU L 259, 18.10.1993, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għat-tħaddim tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali u l-komponenti tas-sistema tagħha (“ir-Regolament IMSOC”) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37).


ANNESS I

Skema għat-testijiet li jridu jitwettqu skont l-Artikoli 3, 4, 5, 7 u 8

1.   PRINĊIPJI ĠENERALI DWAR IL-PREŻENZA TAL-PEST SPEĊIFIKAT

1.1.

Il-preżenza tal-pest speċifikat tkun issuspettata fejn jinkiseb riżultat pożittiv fl-ewwel test ta’ detezzjoni li jitwettaq fuq il-pjanta speċifikata.

Fil-każ tal-materjal tal-pjanti sintomatiku, l-ewwel test ta’ detezzjoni jista’ jkun iżolament selettiv.

1.2.

Il-preżenza tal-pest speċifikat tiġi kkonfermata fil-kampjuni ta’ pjanti speċifikati sintomatiċi fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta l-ewwel test ta’ detezzjoni jkun iżolament selettiv li jirriżulta f’kolonji b’morfoloġija tipika: jinkisbu riżultati pożittivi minn żewġ testijiet ta’ identifikazzjoni;

(b)

meta l-ewwel test ta’ detezzjoni jkun test differenti mill-iżolament selettiv:

(i)

jinkisbu riżultati pożittivi f’żewġ testijiet ta’ identifikazzjoni wara li l-kampjun ikun iddaħħal f’iżolament selettiv;

(ii)

jinkisbu riżultati pożittivi fit-tieni test ta’ detezzjoni li ma jkunx iżolament selettiv.

1.3.

Il-preżenza tal-pest speċifikat tiġi kkonfermata fil-kampjuni ta’ pjanti speċifikati asintomatiċi fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta jinkiseb riżultat pożittiv fit-tieni test ta’ detezzjoni dment li l-ewwel jew it-tieni test ta’ detezzjoni jkun test molekulari (bbażat fuq id-DNA) (reazzjoni katina bil-polimerażi f’ħin reali TaqMan® jew reazzjoni katina bil-polimerażi f’ħin reali konvenzjonali);

(b)

għall-kampjuni li jittieħdu fi Stat Membru jew f’żona ta’ Stat Membru fejn mhuwiex magħruf li jinsab il-pest speċifikat u għal kampjuni li joriġinaw minn Stat Membru ieħor: meta jinkiseb riżultat pożittiv fit-tieni test ta’ detezzjoni f’konformità mal-punt (a) u jinkisbu riżultati pożittivi f’żewġ testijiet ta’ identifikazzjoni li jitwettqu wara li l-kampjun ikun iddaħħal fl-iżolament selettiv.

2.   TESTIJIET

2.1.   Testijiet ta’ detezzjoni

It-testijiet ta’ detezzjoni għandhom ikunu tali li b’mod konsistenti jindividwaw mill-inqas 104ċelloli/ml ta’ pellet sospiża mill-ġdid.

It-tieni test ta’ detezzjoni għandu jkun ibbażat fuq prinċipji bijoloġiċi differenti jew reġjuni tan-nukleotid differenti minn tal-ewwel test ta’ detezzjoni.

It-testijiet ta’ detezzjoni huma dawn li ġejjin:

(a)

testijiet tal-immunofluworexxenza kif deskritti fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali;

(b)

Test FISH (van Beuningen et al. (1995) (1)), kif deskritt fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali;

(c)

L-iżolament kif deskritt fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali; Għandha titwettaq waħda minn dawn iż-żewġ alternattivi:

(i)

l-iżolament dirett fuq mediums ta’ tkabbir semi-selettivi (jew mhux selettivi) kif deskritt fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali;

(ii)

wara l-arrikkiment permezz tal-bijoassaġġ, l-iżolament kif deskritt fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali;

(d)

test tar-reazzjoni katina bil-polimerażi f’ħin reali konvenzjonali bl-użu tal-primers ta’ Pastrik et al., (2000) (2), kif deskritt fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali;

(e)

Testijiet tar-reazzjoni katina bil-polimerażi f’ħin reali TaqMan®bl-użu ta’ primers u sondi ta’:

(i)

Schaad et al. (1999) (3), kif deskritt fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali;

(ii)

Vreeburg et al. (2018) (4) (l-hekk imsejjaħ test NYtor), kif deskritt fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali;

(iii)

Gudmestad et al. (2009) kif addattat minn Vreeburg et al. (2018)4, kif deskritt fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali;

(iv)

Massart et al. (2014) (5), kif deskritt fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali;

2.2.   Testijiet ta’ identifikazzjoni

It-testijiet ta’ identifikazzjoni huma dawn li ġejjin:

(a)

test tal-immunofluworexxenza kif deskritti fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali;

(b)

test tar-reazzjoni katina bil-polimerażi f’ħin reali (Pastrik (2000)) konvenzjonali, kif deskritt fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali;

(c)

Testijiet tar-reazzjoni katina bil-polimerażi f’ħin reali TaqMan® bl-użu ta’ primers u sondi ta’:

(i)

Schaad et al. (1999), kif deskritt fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali;

(ii)

Vreeburg et al. (2018) (l-hekk imsejjaħ test NYtor), kif deskritt fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali;

(iii)

Gudmestad et al. (2009) kif addattat minn Vreeburg et al. (2018), kif deskritt fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali;

(iv)

Massart et al. (2014), kif deskritt fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali;

(d)

Barcoding tad-DNA, kif deskritt fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali;

(e)

MALDI-TOF MS (Zaluga et al. (2011) (6)), kif deskritt fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali.

3.   DIJAGRAMMI SEKWENZJALI TAL-PROĊEDURI

Dijagramma sekwenzjali Nru 1: Proċedura dijanjostika għall-preżenza tal-pest speċifikat f’kampjuni tal-pjanta speċifikata sintomatiċi.

Image 1

a

L-iżolament jista’ jintuża bħala l-ewwel jew it-tieni test ta’ detezzjoni. Jekk il-preżenza tal-pest speċifikat tkun issuspettata fuq il-medium ta’ tkabbir, il-kolonji għandhom jiġu ppurifikati biex jinkisbu kulturi puri li għandhom jitwettqu żewġ testijiet ta’ identifikazzjoni fuqhom. Jenħtieġu riżultati pożittivi fiż-żewġ testijiet ta’ identifikazzjoni biex tiġi kkonfermata l-preżenza tal-pest.

b

It-tielet test ta’ detezzjoni għandu jkun ibbażat fuq prinċipji bijoloġiċi differenti jew fuq reġjuni differenti tan-nukleotid.

Dijagramma sekwenzjali Nru 2: Proċedura dijanjostika għall-preżenza tal-pest speċifikat f’kampjuni asintomatiċi tal-pjanta speċifikata.

Image 2

a

Ma għandux jintuża l-iżolament.

b

It-tielet test ta’ detezzjoni għandu jkun ibbażat fuq prinċipji bijoloġiċi differenti jew fuq reġjuni tan-nukleotid differenti. Ma għandux jintuża l-iżolament.

c

Għall-kampjuni msemmijin fil-punt (1.3)(b), il-konferma tal-preżenza tal-pest speċifikat wara t-tieni test ta’ detezzjoni pożittiv teħtieġ l-iżolament tal-pest speċifikat mill-kampjun, segwit minn żewġ testijiet ta’ identifikazzjoni pożittivi.

4.   TĦEJJIJA TAL-KAMPJUNI

4.1.   Kampjuni minn tuberi asintomatiċi

Il-kampjun standard għandu jkun fih 200 tuberu għal kull test. Il-proċedura x-xierqa tal-laboratorju għall-ipproċessar tal-qalba tan-naħa tal-għarqub biex jinkiseb l-estratt għad-detezzjoni tal-pest speċifikat hija deskritta fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali.

4.2.   Kampjuni minn materjal tal-pjanti asintomatiku għajr it-tuberi

Id-detezzjoni ta’ infezzjonijiet latenti għandha titwettaq fuq kampjuni komposti ta’ segmenti miz-zokk. Il-proċedura tista’ tiġi applikata fuq sa 200 parti taz-zokk minn pjanti differenti f’kampjun wieħed. Il-proċedura x-xierqa tal-laboratorju biex jiġu ddiżinfettati u pproċessati s-segmenti taz-zokk biex jinkiseb l-estratt għad-detezzjoni tal-pest speċifikat hija deskritta fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali.

4.3.   Kampjuni minn pjanti speċifikati sintomatiċi

Għandhom jitneħħew sezzjonijiet tat-tessut b’mod asettiku miċ-ċirku vaskulari f’tuberu jew mill-ħjut vaskulari fiz-zkuk ta’ pjanti speċifikati li juru sintomi ta’ tibdil. Il-proċedura x-xierqa tal-laboratorju biex dawn it-tessuti jiġu pproċessati biex jinkiseb l-estratt għad-detezzjoni tal-pest speċifikat hija deskritta id-dettall fl-istandards dijanjostiċi internazzjonali.


(1)  van Beuningen, A.R., Derks, H., Janse, J.D. (1995). Detection and identification of Clavibacter michiganensis subsp. sepedonicus with special attention to fluorescent in situ hybridization (FISH) using a 16S rRNA targeted oligonucleotide probe. Züchtungs Forschung 1, 266–269.

(2)  Pastrik, K.H. (2000). Detection of Clavibacter michiganensis subsp. sepedonicus in potato tubers by multiplex PCR with coamplification of host DNA. European Journal of Plant Pathology, 106, 155-165.

(3)  Schaad, W., Berthier-Schaad, Y., Sechler, A., Knorr, D (1999). Detection of Clavibacter michiganensis subsp. sepedonicus in potato tubers by BIOPCR and an automated real-time fluorescence detection system. Plant Disease 83, 1095–1100.

(4)  Vreeburg, R., Zendman, A., Pol A., Verheij, E., Nas, M., Kooman-Gersmann, M. (2018). Validation of four real-time TaqMan PCRs for the detection of Ralstonia solanacearum and/or Ralstonia pseudosolanacearum and/or Clavibacter michiganensis subsp. sepedonicus in potato tubers using a statistical regression approach. EPPO Bulletin 48, 86–96.

(5)  Massart, S., Nagy, C., Jijakli, M.H. (2014). Development of the simultaneous detection of Ralstonia solanacearum race 3 and Clavibacter michiganensis subsp. sepedonicus in potato tubers by a multiplex real-time PCR assay. European Journal of Plant Pathology 138, 29–37.

(6)  Zaluga, J., Heylen, K., Van Hoorde, K., Hoste, B., Vaerenbergh, J., Maes, M., De Vos, P. (2011). GyrB sequence analysis and MALDI-TOF MS as identification tools for plant pathogenic Clavibacter. Systematic and applied microbiology 34, 400-7. 10.1016/j.syapm.2011.05.001.


ANNESS II

Mudell tal-istħarriġ imsemmi fl-Artikolu 3(3)

Mudell għall-preżentazzjoni tar-riżultati tal-istħarriġ dwar it-taħsir ċirkulari tal-ħasdiet tal-patata tas-sena kalendarja preċedenti.

Din it-tabella għandha tintuża biss għar-riżultati tal-istħarriġ dwar il-patata maħsuda f’pajjiżek.

SM

Kategorija

Żona ta’ kultivazzjoni (ettari)

Ittestjar fil-laboratorju

Spezzjoni viżiva tat-tuberi  (1)

Spezzjonijiet viżivi tal-għalla waqt it-tkabbir  (1)

Informazzjoni oħra

Għadd ta’ kampjuni

Għadd ta’ lottijiet

Daqs tal-lottijiet (f’tomniet jew ettari)

Perjodu tal-kampjunar

Għadd ta’ pożittivi

Għadd ta’ kampjuni spezzjonati

Daqs tal-kampjun

Għadd ta’ kampjuni pożittivi  (2)

Għadd ta’ spezzjonijiet viżivi

Għadd ta’ ettari

Għadd ta’ riżultati pożittivi  (2)

Kampjuni

Lottijiet

 

Tuberi ċċertifikati għat-tħawwil

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Tuberi oħra għat-tħawwil (speċifika)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Patata għall-konsum u għall-ipproċessar

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Tuberi oħra (speċifika)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


(1)  Għandu jinftiehem bħala eżami makroskopiku tat-tuberi jew tal-għelejjel.

(2)  Instabu s-sintomi, ittieħed kampjun u l-ittestjar fil-laboratorju kkonferma l-preżenza tal-pest speċifikat.


ANNESS III

Elementi għad-determinazzjoni tat-tifrix probabbli tal-pest speċifikat u għall-immarkar ta’ oġġetti bħala x’aktarx infettati bil-pest speċifikat, kif imsemmi fl-Artikolu 5(2), u fil-punt (b) tal-Artikolu 5(4)

1.

L-elementi li għandhom jitqiesu għad-determinazzjoni tat-tifrix possibbli tal-pest speċifikat kif imsemmi fl-Artikolu 5(2), huma dawn li ġejjin:

(a)

il-viċinanza ta’ postijiet oħra tal-produzzjoni li jkabbru l-pjanti speċifikati jew pjanti ospitanti oħra;

(b)

il-produzzjoni u l-użu komuni ta’ stokkijiet tal-patata taż-żerriegħa.

2.

L-elementi li jridu jitqiesu biex oġġett jiġi mmarkat bħala x’aktarx infettat mill-pest speċifikat skont il-punt (b) tal-Artikolu 5(4) huma dawn li ġejjin:

(a)

pjanti speċifikati mkabbra f’post tal-produzzjoni sinjalat bħala infettat skont il-punt (a) tal-Artikolu 5(5);

(b)

post(ijiet) tal-produzzjoni b’xi konnessjoni tal-produzzjoni mal-pjanti speċifikati ddeżinjati bħala infettati skont il-punt (a) tal-Artikolu 5(5), anki dawk li jaqsmu t-tagħmir u l-faċilitajiet ta’ produzzjoni direttament jew permezz ta’ kuntrattur komuni;

(c)

pjanti speċifikati prodotti fil-post(ijiet) tal-produzzjoni msemmija fil-punt (b), jew preżenti f’dawn il-post(ijiet) tal-produzzjoni fil-perjodu meta l-pjanti speċifikati ddeżinjati bħala infettati skont il-punt (a) tal-Artikolu 5(5), kienu preżenti fil-post tal-produzzjoni msemmi fil-punt (a);

(d)

impjanti li jittrattaw il-pjanti speċifikati mill-postijiet tal-produzzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c);

(e)

kull makkinarju, vettura, bastiment, maħżen, jew unitajiet tagħhom, u kull oġġett ieħor inkluż materjal għall-imballaġġ, li seta’ ġie f’kuntatt mal-pjanti speċifikati ddeżinjati bħala infettati skont il-punt (a) tal-Artikolu 5(5);

(f)

kull pjanta speċifikata maħżuna f’xi struttura jew oġġett elenkat fil-punt (e) jew li ġiet f’kuntatt magħhom qabel ma jkunu tnaddfu u ġew iddiżinfettati dawn l-istrutturi jew l-oġġetti;

(g)

b’riżultat tal-ittestjar skont l-Artikolu 7, dawk il-pjanti speċifikati b’relazzjoni klonali mal-pjanti speċifikati ddeżinjati bħala infettati skont il-punt (a) tal-Artikolu 5(5) u li minkejja li t-testijiet tagħhom ikunu taw riżultati negattivi għall-pest speċifikat, jidher li x’aktarx ikunu infettati permezz tar-relazzjoni klonali. Jista’ jsir ittestjar tal-varjetajiet biex tiġi vverifikata l-identità tat-tuberi jew tal-pjanti infettati u relatati klonalment;

(h)

il-post(ijiet) tal-produzzjoni tal-pjanti speċifikati msemmija fil-punt (g).


ANNESS IV

Lista ta’ żoni ta’ infezzjoni mifruxa kif imsemmija fl-Artikolu 8

1.

It-territorju tal-Polonja.

2.

It-territorju tar-Rumanija.

ANNESS V

Miżuri ta’ qerda kif imsemmija fl-Artikolu 6

1.

Il-miżuri ta’ qerda msemmija fl-Artikolu 6(1) għandhom ikunu waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

użu bħala għalf tal-annimali wara trattament bis-sħana, b’mod li ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ sopravivenza tal-pest speċifikat;

(b)

rimi f’sit li jkun approvat uffiċjalment iddedikat għar-rimi tal-iskart fejn ma jkun hemm l-ebda riskju identifikabbli li l-pest speċifikat joħroġ fl-ambjent eż. permezz ta’ tnixxija għal ġor-raba’;

(c)

inċinerazzjoni;

(d)

ipproċessar industrijali permezz ta’ konsenja diretta u immedjata f’impjant tal-ipproċessar b’faċilitajiet ta’ rimi ta’ skart approvati uffiċjalment li dwarhom ikun ġie stabbilit li ma jkun hemm l-ebda riskju identifikabbli li l-pest speċifikat jista’ jinfirex, u b’sistema ta’ tindif u diżinfezzjoni għallinqas tal-vetturi li jitilqu mis-sit;

(e)

miżuri oħra, dment li jkun ġie stabbilit li ma jkun hemm ebda riskju identifikabbli li l-pest speċifikat jista’ jinfirex; dawn il-miżuri u l-ġustifikazzjoni tagħhom għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

Kull skart li jifdal li jkun assoċjat ma’ dak li jissemma hawn fuq u li jinħoloq minnu għandu jintrema b’metodi li jkunu approvati uffiċjalment f’konformità mal-Anness VI.

2.

L-użu jew ir-rimi xierqa tal-pjanti speċifikati ddeżinjati bħala x’aktarx infettati skont il-punt (b) tal-Artikolu 5(5), għandhom jitwettqu taħt il-kontroll tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Dik l-awtorità kompetenti għandha tapprova l-użi li ġejjin, u r-rimi tal-iskart relatat, ta’ dawk il-pjanti speċifikati:

(a)

użu bħala tuberi maħsuba għall-konsum, ippakkjati lesti għall-konsenja diretta u użu mingħajr ippakkjar mill-ġdid, f’sit b’faċilitajiet xierqa ta’ rimi tal-iskart. It-tuberi għat-tħawwil jistgħu jigu ttrattati fl-istess sit biss jekk dan isir separatament jew wara t-tindif u d-diżinfezzjoni; jew

(b)

użu bħala tuberi maħsuba għall-ipproċessar industrijali, u maħsuba għall-konsenja diretta u immedjata lill-impjant ta’ ipproċessar b’faċilitajiet xierqa ta’ rimi tal-iskart u sistema ta’ tindif u diżinfezzjoni ta’ mill-inqas il-vetturi li jitilqu mis-sit; jew

(c)

xi użu jew rimi ieħor, sakemm ikun ġie stabbilit li ma jkun hemm l-ebda riskju identifikabbli tat-tifrix tal-pest speċifikat, u soġġett għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti.

3.

Il-metodi x-xierqa għat-tindif u d-diżinfezzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Artikolu 6(3) għandhom ikunu metodi li dwarhom ġie stabbilit li ma hemm l-ebda riskju li l-pest speċifikat jinfirex u għandhom jintużaw taħt is-sorveljanza tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

4.

Is-sensiela ta’ miżuri li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri fiż-żona demarkata stabbilita skont l-Artikolu 5(2) u (3) u msemmija fl-Artikolu 6(4), għandha tinkludi l-miżuri stabbiliti fil-punti 4.1 u 4.2:

4.1.

Miżuri li għandhom jittieħdu f’postijiet tal-produzzjoni ddeżinjati bħala infettati skont il-punt (a) tal-Artikolu 5(5):

4.1.1.

F’sit tal-produzzjoni ddeżinjat bħala infettat skont il-punt (a) tal-Artikolu 5(5), għandhom jittieħdu l-miżuri kollha stabbiliti fil-punti (1), (2) u (3), jew il-miżuri kollha stabbiliti fil-punti (4), u (5):

(1)

fl-ewwel tliet snin tat-tkabbir wara s-sena li jkun ġie ddeżinjat bħala infettat, l-eliminazzjoni tal-pjanti speċifikati voluntiera, u l-projbizzjoni fuq it-tħawwil tal-pjanti speċifikati, inklużi ż-żrieragħ, jew ta’ għelejjel li dwarhom ġie identifikat ir-riskju li jikkawżaw li jinfirex il-pest speċifikat;

(2)

mir-raba’ sena wara dik tad-deżinjazzjoni tal-infezzjoni, wara li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-punt (1) u bil-kundizzjoni li s-sit tal-produzzjoni jkun instab ħieles minn pjanti speċifikati voluntiera waqt il-kontrolli uffiċjali għal mill-inqas sentejn ta’ tkabbir konsekuttivi qabel it-tħawwil, għandha titħalla biss il-produzzjoni ta’ tuberi differenti minn dawk maħsubin għat-tħawwil, u t-tuberi li jinħasdu għandhom jiġu ttestjati f’konformità mal Anness I;

(3)

wara l-ewwel produzzjoni tat-tuberi kif imsemmi fil-punt (2), u wara ċiklu tan-newba xieraq ta’ mill-inqas sentejn jekk ikunu se jitkabbru t-tuberi għat-tħawwil, jistgħu jitħawlu l-pjanti speċifikati għall-produzzjoni ta’ tuberi għat-tħawwil jew għall-produzzjoni ta’ tuberi oħrajn, u għandu jitwettaq stħarriġ kif previst fl-Artikolu 3; jew

(4)

waqt l-ewwel erba’ snin ta’ tkabbir wara s-sena meta s-sit ikun ġie ddeżinjat bħala infettat, l-eliminazzjoni ta’ pjanti speċifikati voluntiera u ż-żamma tas-sit tal-produzzjoni fi stat ta’ mistrieħ jew mergħa permanenti u ta’ sikwit l-ħxejjex jinqatgħu qasir ħafna inkella jitħallew l-annimali jirgħuh b’mod intensiv;

(5)

mill-ħames sena wara dik tad-deżinjazzjoni tal-infezzjoni, u bil-kundizzjoni li jkun ġie ssodisfat il-punt (1) u li waqt il-kontrolli uffiċjali s-sit tal-produzzjoni ikun ilu jinstab ħieles minn pjanti volontiera speċifikati għal mill-inqas sentejn ta’ tkabbir konsekuttivi qabel ma għandu jkun permess il-produzzjoni ta’ tuberi għat-tħawwil, jew ta’ tuberi oħrajn, u t-tuberi maħsuda għandhom jiġu ttestjati f’konformità mal-Anness I.

4.1.2.

Għandhom japplikaw il-miżuri li ġejjin fis-siti tal-produzzjoni kollha l-oħra tal-post tal-produzzjoni, u bil-kundizzjoni li, f’kull sena ta’ tkabbir l-awtorità kompetenti tkun stabbiliet li jkun ġie eliminat ir-riskju ta’ pjanti speċifikati voluntiera, u li jkun twettaq l-ittestjar tal-pjanti speċifikati maħsuda f’kull sit tal-produzzjoni tal-pjanti speċifikati f’konformità mal-Anness I:

(1)

fis-sena ta’ tkabbir wara dik meta tkun saret id-deżinjazzjoni tal-infezzjoni, ma għandhomx jitħawlu pjanti speċifikati u ż-żrieragħ tagħhom, inkella jistgħu jitħawlu tuberi ċċertifikati għat-tħawwil għall-produzzjoni tat-tuberi li ma jkunux minn dawk li huma biss għat-tħawwil;

(2)

fit-tieni sena ta’ tkabbir wara d-deżinjazzjoni tal-infezzjoni għandhom jitħawlu biss tuberi ċċertifikati għat-tħawwil jew tuberi għat-tħawwil ittestjati uffiċjalment għall-assenza tal-pest speċifikat, u mkabbra taħt kontroll uffiċjali fuq postijiet tal-produzzjoni għajr dawk imsemmija fil-punt 4, għall-produzzjoni ta’ tuberi għat-tħawwil jew ta’ tuberi oħrajn;

(3)

fit-tielet sena tat-tkabbir, mill-inqas, wara dik tad-deżinjazzjoni tal-infezzjoni, għandhom jitkabbru biss tuberi ċċertifikati għat-tħawwil, jew tuberi għat-tħawwil li jkunu tkabbru taħt kontroll uffiċjali minn tuberi ċċertifikati għat-tħawwil, għall-produzzjoni ta’ tuberi għat-tħawwil jew ta’ tuberi oħrajn;

(4)

u f’kull waħda mis-snin imsemmija fil-punti (1), (2) u (3), għandhom jittieħdu miżuri biex jiġu eliminati pjanti speċifikati voluntiera jekk ikunu preżenti, u f’kull sit tal-produzzjoni tal-pjanti speċifikati, il-pjanti speċifikati maħsuda għandhom jiġu ttestjati kif imsemmi fl-Anness I.

4.1.3.

Minnufih wara d-deżinjazzjoni tal-infezzjoni skont l-Artikolu 5(5), u wara l-ewwel sena ta’ tkabbir sussegwenti, il-makkinarju kollu u l-faċilitajiet tal-ħżin kollha fil-post tal-produzzjoni u li kienu involuti fil-produzzjoni tal-pjanti speċifikati għandhom jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati kif jixraq bl-użu ta’ metodi xierqa, kif speċifikat fil-punt 3.

4.1.4.

F’unità tal-produzzjoni ta’ għelejjel protetti ddeżinjata bħala infettata skont il-punt 5(a) tal-Artikolu 5, meta tkun possibbli s-sostituzzjoni tal-medium ta’ tkabbir kollu:

(1)

ma għandhomx jitħawlu pjanti speċifikati jew żrieragħ tagħhom sakemm ma jkunux issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-eliminazzjoni tal-pest speċifikat,

(b)

it-tneħħija tal-materjal tal-pjanti ospitanti kollu,

(c)

bidla sħiħa tal-medium ta’ tkabbir u t-tindif u, fejn xieraq, id-diżinfezzjoni tal-unità tal-produzzjoni u tat-tagħmir kollu,

(d)

l-approvazzjoni tal-produzzjoni tal-pjanta speċifikata mill-awtoritajiet kompetenti;

(2)

il-produzzjoni tal-pjanta speċifikata għandha tkun minn tuberi għat-tħawwil iċċertifikati, jew minn tuberi żgħar jew pjanti mikro dderivati minn sorsi ttestjati;

4.2.

Fiż-żona demarkata, minbarra l-miżuri dettaljati skont il-punt 4.1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri li ġejjin:

(1)

minnufih wara d-deżinjazzjoni tal-infezzjoni, għandhom jiżguraw li l-makkinarju u l-faċilitajiet ta’ ħżin kollha f’dawn iż-żoni tal-produzzjoni u involuti fil-produzzjoni tal-pjanti speċifikati jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati, kif jixraq, bl-użu ta’ metodi xierqa, kif speċifikat fil-punt 3;

(2)

minnufih, u għal mill-inqas tliet snin tat-tkabbir wara d-deżinjazzjoni tal-infezzjoni:

(a)

għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jissorveljaw l-impjant fejn jitkabbru, jinħażnu jew jiġu ttrattati t-tuberi, kif ukoll il-postijiet tal-produzzjoni fejn jitħaddem taħt kuntratt makkinarju għall-pjanti speċifikati;

(b)

għandhom jeħtieġu t-tħawwil ta’ tuberi għat-tħawwil iċċertifikati biss jew ta’ tuberi maħsuba għat-tħawwil taħt kontroll uffiċjali għall-għelejjel kollha tal-pjanti speċifikati f’dik iż-żona, u l-ittestjar wara l-ħsad tat-tuberi għat-tħawwil li tkabbru f’postijiet tal-produzzjoni ddeżinjati bħala x’aktarx infettati skont il-punt (b) tal-Artikolu 5(5);

(c)

għandhom jeħtieġu trattament separat tat-tuberi maħsuba għat-tħawwil mit-trattament ta’ stokkijiet ta’ tuberi oħrajn fil-postijiet kollha tal-produzzjoni fiż-żona demarkata, jew sistema ta’ tindif u diżinfezzjoni li trid titwettaq bejn trattament u ieħor ta’ stokkijiet tat-tuberi;

(d)

għandhom iwettqu l-istħarriġ annwali kif previst fl-Artikolu 3(1);

(3)

Fejn jixraq għandhom jistabbilixxu programm għas-sostituzzjoni tal-istokkijiet kollha tat-tuberi għat-tħawwil fuq perjodu ta’ żmien xieraq.


ANNESS VI

Rekwiżiti għar-rimi tal-iskart approvat uffiċjalment kif imsemmi fil-punt (1) tal-Anness V

Il-metodi tar-rimi tal-iskart approvati uffiċjalment imsemmija fil-punt 1 tal-Anness V għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

1.

Skart tal-pjanti speċifikati (inklużi t-tuberi u l-qxur tat-tuberi rrifjutati) u kull skart solidu ieħor assoċjat mal-pjanti speċifikati (inklużi l-ħamrija, il-ġebel u skart ieħor) għandu jintrema b’wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

rimi f’sit li jkun approvat uffiċjalment iddedikat għar-rimi tal-iskart fejn ma jkun hemm l-ebda riskju identifikabbli li l-pest speċifikat joħroġ fl-ambjent anki permezz ta’ tnixxija għal ġo art agrikola;

(b)

inċinerazzjoni;

(c)

miżuri oħra, dment li jkun ġie stabbilit li ma jkun hemm ebda riskju identifikabbli li l-pest speċifikat jista’ jinfirex; dawn il-miżuri u l-ġustifikazzjoni tagħhom għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

Għall-finijiet tal-punt (a), l-iskart għandu jitwassal direttament lejn is-sit taħt kondizzjonijet ta’ konteniment sabiex ma jkun hemm ebda riskju ta’ telf tal-iskart.

2.

Qabel ma jintrema l-iskart likwidu li jkun fih solidi sospiżi għandu jgħaddi minn proċessi ta’ filtrazzjoni jew ta’ depożitar biex jitneħħew dawn is-solidi, li għandhom jintremew skont il-punt 1.

Imbagħad, l-iskart likwidu għandu:

(a)

jissaħħan sa temperatura minima ta’ 60 °C fil-volum kollu tiegħu għal mill-inqas 30 minuta qabel ma jintrema; jew

(b)

jintrema b’mod ieħor suġġett għall-approvazzjoni uffiċjali u taħt kontroll uffiċjali b’mod li ma jkun hemm ebda riskju identifikabbli li l-iskart jista’ jiġi f’ kuntatt ma’ art agrikola.