8.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/23


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1173

tal-31 ta’ Mejju 2022

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll fil-Politika Agrikola Komuni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (1), u b’mod partikolari l-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26, il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(4), l-Artikolu 75 u l-Artikolu 92 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/2116 jistabbilixxi r-regoli bażiċi dwar, inter alia, l-obbligi tal-Istati Membri li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li jirrapportaw dwar il-prestazzjoni tal-politika. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-qafas legali l-ġdid, iridu jiġu adottati ċerti regoli fir-rigward tar-rapporti ta’ valutazzjoni dwar il-kwalità ta’ tliet elementi (is-sistema għall-identifikazzjoni tal-bċejjeċ tar-raba’, is-sistema għall-applikazzjonijiet ġeospazjali u s-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja) tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (“sistema integrata”) u l-azzjonijiet ta’ rimedju relatati, ir-rekwiżiti għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna u s-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, il-qafas li jirregola l-akkwist tad-data satellitari għall-finijiet tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja u dwar il-verifiki tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali approvati fir-rigward tal-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton. Ir-regoli l-ġodda jenħtieġ li jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (2).

(2)

Ir-rapporti ta’ valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema għall-identifikazzjoni tal-bċejjeċ tar-raba’, tas-sistema għall-applikazzjonijiet ġeospazjali u tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja jenħtieġ li jkunu komprensivi sabiex jagħmlu possibbli valutazzjoni tal-affidabbiltà tal-informazzjoni ġġenerata minn dawn l-elementi tas-sistema integrata. Il-kontenut ta’ dawn ir-rapporti jenħtieġ li jippermetti wkoll li jiġi konkluż jekk hijiex ipprovduta assigurazzjoni suffiċjenti tal-kwalità tal-informazzjoni użata b’rabta mal-obbligu tal-Istat Membru tar-rappurtar dwar il-prestazzjoni fir-rigward tal-indikaturi tal-output u tar-riżultati tal-interventi bbażati fuq l-erja ġestiti skont is-sistema integrata. Għalhekk, dawn ir-rapporti jenħtieġ li b’mod partikolari jinkludu informazzjoni dwar il-ħidma mwettqa skont il-valutazzjoni tal-kwalità, in-nuqqasijiet identifikati kif ukoll informazzjoni dijanjostika dwar il-kawżi ewlenin potenzjali ta’ dawn in-nuqqasijiet. B’mod aktar speċifiku, ir-rapporti jenħtieġ li jinkludu informazzjoni dwar id-data u x-xbihat użati għall-valutazzjonijiet tal-kwalità kif ukoll ir-riżultati tal-ittestjar tagħhom. L-esperjenza rigward l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema għall-identifikazzjoni tal-bċejjeċ tar-raba’ wriet li l-użu ta’ sistemi ta’ informazzjoni elettroniċi dedikati huwa partikolarment utli. Sabiex tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-Istati Membri u l-komunikazzjoni tagħhom mal-Kummissjoni, jenħtieġ li tali sistemi ta’ informazzjoni jkomplu jintużaw u jiġu żviluppati aktar, fejn meħtieġ, għar-rapporti tat-tliet valutazzjonijiet tal-kwalità previsti fir-Regolament (UE) 2021/2116.

(3)

Sabiex jilħqu l-għan tagħhom li jipprovdu data affidabbli għar-rapport annwali dwar il-prestazzjoni, ir-riżultati tat-tliet valutazzjonijiet tal-kwalità, u b’mod partikolari dawk tas-sistema tal-applikazzjoni ġeospazjali u tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, jenħtieġ li jingħaqdu biex jiġi stmat l-iżball tal-erja tad-data rrappurtata dwar l-indikaturi tal-output u tar-riżultati li jirriżulta minn nuqqasijiet fis-sistemi. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar l-azzjonijiet ta’ rimedju li jistgħu jkunu meħtieġa biex in-nuqqasijiet jiġu indirizzati f’perjodu ta’ żmien definit. Barra minn hekk, ir-rapporti mħejjija fir-rigward tas-snin 2024 u 2026 jenħtieġ li jippermettu li jiġi vverifikat li s-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja ġiet stabbilita kif xieraq fl-Istati Membri kollha u li l-implimentazzjoni gradwali tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja rnexxiet u kopriet il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u l-interventi kollha li jistgħu jiġu mmonitorjati. Għal dan il-għan, ir-rapporti jenħtieġ li jkun fihom lista tal-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà għall-interventi kollha bbażati fuq l-erja skont is-sistema integrata flimkien ma’ informazzjoni dwar is-sorsi tad-data użati għall-analiżi.

(4)

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu sistema affidabbli u moderna għall-ġestjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, li tippermetti l-komunikazzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi u li topera f’ċiklu annwali. L-Istati Membri jenħtieġ li jqisu s-simplifikazzjoni għall-benefiċjarji u għall-amministrazzjoni nazzjonali, pereżempju billi jipprevedu li applikazzjoni waħda tista’ tkopri diversi interventi jew diversi benefiċjarji li japplikaw b’mod konġunt jew li tiġi kkunsidrata applikazzjoni waħda għal kull azjenda f’sena partikolari f’każ ta’ trasferiment ta’ dik l-azjenda. L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-ġestjoni xierqa tal-interventi fejn ikun hemm aktar minn aġenzija tal-pagamenti waħda responsabbli għall-istess benefiċjarju.

(5)

L-Istati Membri jenħtieġ li jisfruttaw il-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni billi jużaw, bħala regola, il-mezzi elettroniċi għal kull komunikazzjoni mal-benefiċjarji. Barra minn hekk, biex tingħata spinta lis-simplifikazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li, sa fejn ikun possibbli, jirkupraw l-informazzjoni meħtieġa għall-ġestjoni tal-interventi minn sorsi tad-data għad-dispożizzjoni tal-amministrazzjoni pubblika.

(6)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu formoli mimlija bil-lest, li jkun fihom l-informazzjoni kollha u dik l-aktar aġġornata rilevanti għall-benefiċjarji. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprevjenu l-irregolaritajiet billi jippermettu emendi għall-formoli mimlija minn qabel u jipprovdu twissijiet ta’ gwida li jgħinu lill-benefiċjarju jidentifika nuqqasijiet ta’ konformità potenzjali u japplika b’mod korrett. L-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-modifiki introdotti mill-benefiċjarji għall-aġġornament tal-informazzjoni fil-bażijiet tad-data tal-amministrazzjoni nazzjonali. Għall-finijiet tat-trattament indaqs tal-benefiċjarji, jekk Stat Membru jiddeċiedi li japplika s-sistema awtomatika ta’ talbiet, tali sistema jenħtieġ li tiżgura l-istess livell ta’ dettall kif meħtieġ għall-applikazzjoni għall-għajnuna skont dan ir-Regolament.

(7)

L-applikazzjonijiet għall-għajnuna skont is-sistema integrata jenħtieġ li jipprovdu, sa fejn ikun possibbli, l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-ġestjoni xierqa u affidabbli tal-interventi koperti u għar-rappurtar korrett dwar l-indikaturi tal-output u tar-riżultati. Għall-ġestjoni xierqa tal-interventi, il-benefiċjarji jenħtieġ li jibqgħu responsabbli għall-applikazzjoni għall-għajnuna sottomessa, sabiex id-drittijiet u r-responsabbiltajiet relatati kollha jkunu jistgħu jiġu preżunti b’mod ċar.

(8)

Il-prevenzjoni tal-irregolaritajiet jenħtieġ li tiġi stabbilita billi tkun permessa l-possibbiltà li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jiġu emendati jew irtirati sa ċerta skadenza. Meta l-benefiċjarji kollha għal intervent partikolari jkunu koperti minn verifiki amministrattivi u/jew mill-użu tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, l-effett ta’ deterrent tas-sanzjonijiet ma jkunx meħtieġ. Għalhekk, l-emendi jew l-irtirar jenħtieġ li jkunu permessi fi kwalunkwe mument qabel skadenza, li hija meħtieġa għall-amministrazzjoni xierqa tal-interventi. Madankollu, jenħtieġ li ma jkunux permessi emendi jew irtirar fir-rigward ta’ nuqqasijiet ta’ konformità relatati ma’ kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li ma jistgħux jiġu immonitorjati li jkunu żvelati minn sorsi għajr is-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja u l-verifiki amministrattivi. F’sitwazzjonijiet oħrajn, jenħtieġ li l-possibbiltà ta’ emendi jew irtirar ma tkunx permessa meta l-benefiċjarju jkun ġie infurmat b’verifika fuq il-post ippjanata jew jekk tali verifika, meta ma tkunx tħabbret, tkun diġà sabet irregolaritajiet. Barra minn hekk, sabiex tiġi appoġġata l-affidabbiltà tal-informazzjoni meħtieġa għall-interventi skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għall-annimali bovini, in-nagħaġ u l-mogħoż, jenħtieġ li l-iskadenza biex isiru emendi tiġi stabbilita b’tali mod li jkunu jistgħu jsiru bidliet fl-applikazzjoni għall-għajnuna u aġġornamenti fil-bażi tad-data kompjuterizzata għall-annimali qabel id-data stabbilita mill-Istat Membru sa meta għandu jiġi sodisfatt ir-rekwiżit ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni.

(9)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-applikazzjoni ġeospazjali tinkludi l-informazzjoni meħtieġa għall-ġestjoni tal-interventi bbażati fuq l-erja skont is-sistema integrata u, sa fejn ikun meħtieġ, l-interventi bbażati fuq l-erja fis-settur tal-inbid u għar-rekwiżiti skont il-kundizzjonalità. Jenħtieġ li tiġi pprovduta lista mhux eżawrjenti tal-elementi tal-applikazzjoni ġeospazjali biex toffri gwida utli lill-Istati Membri. Fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandha tiġi pprovduta mill-benefiċjarju meta tkun rilevanti għal intervent skont is-sistema integrata li għalih issir applikazzjoni għall-appoġġ tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw din l-informazzjoni fir-rigward tal-obbligu tar-reġistrazzjoni tal-użu ta’ dawn il-prodotti kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(10)

Għall-ġestjoni xierqa tal-interventi bbażati fuq l-annimali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti regoli dwar il-kontenut tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna rilevanti. Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u t-trattament indaqs tal-benefiċjarji, jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll li meta tintuża sistema awtomatika ta’ talbiet, l-annimali kollha tal-benefiċjarju li huma potenzjalment eliġibbli li jirċievu l-għajnuna taħt intervent partikolari għandhom jiġu kkunsidrati li ġew iddikjarati għal dak l-intervent.

(11)

Ir-Regolament (UE) 2021/2116 introduċa s-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja bħala element obbligatorju tas-sistema integrata. Sabiex jiġi żgurat li dan l-obbligu jiġi implimentat kif suppost b’mod uniformi, is-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja jenħtieġ li jkollha l-istess kamp ta’ applikazzjoni fl-Istati Membri kollha, u b’hekk tkopri l-benefiċjarji kollha u l-interventi kollha bbażati fuq l-erja ġestiti skont is-sistema integrata u l-kundizzjonijiet kollha li jistgħu jiġu mmonitorjati. L-awtomatizzazzjoni tal-analiżi tad-data skont is-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja jenħtieġ li tingħata prijorità sabiex tappoġġa l-objettiv trasversali tal-modernizzazzjoni tal-PAK. Għal dawn ir-raġunijiet, l-għadd ta’ kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li jistgħu jitqiesu li jistgħu jiġu mmonitorjati permezz tad-data tas-satelliti Sentinels ta’ Copernicus jew ta’ data li għandha tal-inqas valur ekwivalenti jenħtieġ li jiżdied gradwalment. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li fl-2023 u fl-2024, il-kundizzjonijiet kollha ta’ eliġibbiltà li jistgħu jitqiesu li jistgħu jiġu mmonitorjati permezz tal-ipproċessar awtomatiku tad-data tas-satelliti Sentinel ta’ Copernicus ikunu suġġetti għas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk dawn il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li jistgħu jiġu mmonitorjati humiex fil-fatt indirizzati permezz tal-ipproċessar tad-data tas-satelliti Sentinels ta’ Copernicus jew ta’ data li għandha tal-inqas valur ekwivalenti. Fejn il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà ma jkunux jistgħu jitqiesu li jistgħu jiġu mmonitorjati permezz tad-data tas-satelliti Sentinels ta’ Copernicus, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jindirizzawhom permezz tal-ipproċessar ta’ data li għandha tal-inqas valur ekwivalenti jew inkella jqisuhom li ma jistgħux jiġu mmonitorjati. Mill-2025 ’il quddiem, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-kundizzjonijiet kollha ta’ eliġibbiltà li jistgħu jitqiesu li jistgħu jiġu mmonitorjati permezz tal-ipproċessar awtomatiku jew tad-data tas-satelliti Sentinels ta’ Copernicus jew inkella ta’ ritratti ġeottaggjati jkunu suġġetti għas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja. Madankollu, meta jitqiesu l-isforz u l-investimenti meħtieġa biex jiġu inklużi r-ritratti ġeottaggjati bħala data li għandha tal-inqas valur ekwivalenti għas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, l-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw perjodu ta’ żmien biex iwettqu l-ħidma preparatorja meħtieġa. Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li jistgħu jitqiesu li jistgħu jiġu mmonitorjati permezz ta’ ritratti ġeottaggjati jenħtieġ li jiġu koperti b’mod gradwali matul il-perjodu ta’ programmazzjoni. Dawn l-isforzi jenħtieġ li jiżguraw rata ta’ progress kostanti mill-2025 ’il quddiem. L-Istati Membri jenħtieġ li jiddeċiedu liema kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li jistgħu jitqiesu li jistgħu jiġu mmonitorjati permezz ta’ ritratti ġeottaggjati jsiru suġġetti għas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja kull sena. Barra minn hekk, sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna aktar fl-integrazzjoni ta’ din it-teknoloġija l-ġdida fis-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, jenħtieġ li l-Istati Membri bħala minimu, jissuġġettaw għas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja perċentwal ta’ interventi li għalihom il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà jistgħu jitqiesu li jistgħu jiġu mmonitorjati biss bir-ritratti ġeottaggjati qabel l-1 ta’ Jannar 2027. L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-flessibbiltà li jiddeċiedu liema interventi, b’mill-inqas kundizzjoni waħda ta’ eliġibbiltà li se tiġi mmonitorjata bir-ritratti ġeottaggjati skont is-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, huma inklużi fil-perċentwal. Madankollu, fid-deċiżjoni tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-interventi kollha bbażati fuq l-erja jkunu suġġetti għal sistema ta’ monitoraġġ tal-erja kif meħtieġ mill-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) 2021/2116.

(12)

Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit ukoll sett komuni ta’ rekwiżiti biex jiġi żgurat li ż-żoni li ssir talba għalihom skont intervent ma jkunx fihom art ineliġibbli, użu ineliġibbli tal-art u bidliet fil-kategorija taż-żona agrikola li jistgħu jħallu impatt fuq l-analiżi tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà speċifiċi għall-intervent bl-użu tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja. Matul is-sena tat-talba, dawn ir-rekwiżiti jenħtieġ li jiġu vvalutati fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-interventi inklużi f’applikazzjoni għall-għajnuna partikolari sabiex tkun tista’ ssir analiżi sussegwenti sinifikanti mis-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja. L-użu tal-art jenħtieġ li jiġi vvalutat f’żona delineata sabiex jiġi konkluż jekk fuq il-bażi ta’ applikazzjoni għal għajnuna partikolari u l-intervent ikkonċernat, tkunx seħħet l-imġiba spazjali jew temporali mistennija. Fl-iżvilupp tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, l-Istati Membri jenħtieġ li jibbenefikaw bis-sħiħ mill-potenzjal tagħha billi jużaw l-informazzjoni disponibbli għall-aġġornament tas-sistema għall-identifikazzjoni tal-bċejjeċ tar-raba’ u jikkomunikaw mal-benefiċjarji bil-ħsieb li jippermettu emendi għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Meta l-Istat Membru jkun jeħtieġ li jinforma lill-benefiċjarju dwar nuqqasijiet ta’ konformità wara r-riżultati tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja f’każijiet ta’ preżenza ta’ żoni ineliġibbli jew ta’ użu ineliġibbli tal-art, l-informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ konformità jenħtieġ li tiġi kkomunikata hekk kif tiġi identifikata sabiex il-benefiċjarju jingħata l-possibbiltà li jemenda l-applikazzjoni għall-għajnuna mill-aktar fis possibbli u l-analiżi tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja terġa’ ssir f’waqtha u b’mod sinifikanti. Jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll kif tapplika fil-prattika l-possibbiltà ta’ implimentazzjoni gradwali tas-sistema, billi jiġu speċifikati l-interventi li għandhom jiġu koperti fl-2023.

(13)

Sabiex is-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja tkun tista’ tkopri l-kundizzjonijiet kollha ta’ eliġibbiltà tal-interventi kollha bbażati fuq l-erja ġestiti skont is-sistema integrata li jistgħu jiġu mmonitorjati permezz tad-data tas-satelliti Sentinels ta’ Copernicus jew ta’ data oħra li għandha tal-inqas valur ekwivalenti, huwa meħtieġ li jiġu estiżi t-tipi ta’ data u li jiġu pprovduti l-istandards li jiżguraw l-ekwivalenza tagħhom għad-data satellitari. Sabiex jiġu evitati lakuni fl-isforzi ta' modernizzazzjoni tal-Istati Membri, ir-ritratti ġeottaggjati jenħtieġ li jitqiesu bħala data li għandha tal-inqas valur ekwivalenti għall-finijiet tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja.

(14)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għal proċedura oġġettiva u effiċjenti li skontha għandu jitwettaq l-akkwist tad-data satellitari għall-finijiet tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja.

(15)

Għall-ġestjoni xierqa tal-interventi fir-rigward tal-qoton, jenħtieġ li jiġu previsti ċerti regoli dwar il-kontenut tal-verifiki li jwettqu l-Istati Membri fuq l-organizzazzjonijiet interprofessjonali approvati.

(16)

Fl-interess taċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jenħtieġ li jitħassar. Madankollu, dak ir-Regolament jenħtieġ li jkompli japplika għal applikazzjonijiet għall-għajnuna għal pagamenti diretti ppreżentati qabel l-1 ta’ Jannar 2023 u għal talbiet għal pagamenti magħmula fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ implimentati skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(17)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, il-Kumitat dwar il-Politika Agrikola Komuni u l-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2116 fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (“sistema integrata”) imsemmija fl-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2021/2116 fir-rigward ta’:

(a)

il-forma u l-kontenut ta’, u l-arranġamenti biex dawn li ġejjin jintbagħtu lill-Kummissjoni jew biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha:

(i)

ir-rapporti ta’ valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema għall-identifikazzjoni tal-bċejjeċ tar-raba’, tas-sistema għall-applikazzjonijiet ġeospazjali u tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja;

(ii)

l-azzjonijiet ta’ rimedju msemmija fl-Artikoli 68, 69 u 70 tar-Regolament (UE) 2021/2116;

(b)

il-karatteristiċi bażiċi tas-sistema ta’ applikazzjoni għall-għajnuna u r-regoli dwarha, skont l-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2021/2116, u s-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja msemmija fl-Artikolu 70 ta’ dak ir-Regolament, inklużi l-parametri taż-żieda gradwali tal-għadd ta’ interventi skont is-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja;

(c)

il-proċedura li skontha għandu jitwettaq l-akkwist tad-data satellitari msemmija fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/2116 sabiex jintlaħqu l-objettivi assenjati;

(d)

il-qafas li jirregola l-akkwist, it-titjib u l-użu tad-data satellitari, u l-iskadenzi applikabbli; u

(e)

sistema għall-verifiki tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali approvati fir-rigward tal-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton kif imsemmi fit-Titolu III, il-Kapitolu II, it-Taqsima 3, is-subtaqsima 2 tar-Regolament (UE) 2021/2115.

Artikolu 2

Rapporti ta’ valutazzjoni tal-kwalità

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-valutazzjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikoli 68(3), 69(6) u 70(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116 lill-Kummissjoni fil-forma ta’ rapporti sottomessi permezz ta’ sistemi ta’ informazzjoni elettroniċi li jippermettu l-iskambji ta’ informazzjoni, dokumenti u data ta’ sostenn.

2.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-ħidma sottostanti fil-qafas tal-valutazzjonijiet tal-kwalità, b’mod partikolari fir-rigward tar-riżultati taż-żjarat in situ u/jew l-analiżi ta’ xbihat li jipprovdu informazzjoni affidabbli u konklużiva fir-rigward tas-sitwazzjoni reali fuq il-post, u jikkwantifikaw in-nuqqasijiet identifikati mill-valutazzjoni tal-kwalità rispettiva. Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-kwalità msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jingħaqdu biex jiġi kkwantifikat l-iżball fl-għadd ta’ ettari jew fis-sehem ta’ erjas rrappurtati fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni.

3.   F’każ li r-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-kwalità jiżvelaw nuqqasijiet skont il-valutazzjonijiet tal-kwalità msemmija fil-paragrafu 1, l-Istat Membru għandu jindika b’mod ċar l-azzjonijiet ta’ rimedju li jindirizzaw dawk in-nuqqasijiet fir-rapport tal-valutazzjoni tal-kwalità. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-progress fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ rimedju proposti fis-sena preċedenti ma jkunx biżżejjed, tista’ titlob lill-Istat Membru jissottometti pjan ta’ azzjoni f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2021/2116.

4.   Għal nuqqasijiet rikorrenti li jiġu żvelati fil-valutazzjoni tal-kwalità msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha titlob pjan ta’ azzjoni f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116 jekk l-istess nuqqasijiet jiġu żvelati mingħajr ebda titjib fit-tieni sena konsekuttiva u jitqiesu li huma serji f’konformità mal-Artikolu 2(d) ta’ dak ir-Regolament.

5.   Ir-rapport ta’ valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja ppreżentat fir-rigward tas-snin 2024 u 2026 għandu jelenka l-kundizzjonijiet kollha ta’ eliġibbiltà għall-interventi kollha suġġetti għas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja b’informazzjoni dwar is-sorsi tad-data użati għall-analiżi.

Artikolu 3

Regoli ġenerali għas-sistema ta’ applikazzjoni għall-għajnuna

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema elettronika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna, li għandhom jiġu ppreżentati mill-benefiċjarji kull sena u jkun fihom l-informazzjoni kollha meħtieġa li tippermetti lill-Istati Membri jivverifikaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-appoġġ mill-inqas għall-interventi msemmija fl-Artikolu 65(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2021/2116 kif ukoll, fejn meħtieġ, il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti rilevanti għall-kundizzjonalità u għall-intitolamenti għall-pagamenti. Is-sistema għandha tippermetti identifikazzjoni ċara u mhux ambigwa tal-benefiċjarji, b’mod partikolari fejn tintuża s-sistema awtomatika ta’ talbiet imsemmija fl-Artikolu 65(4)(f) ta’ dak ir-Regolament. Is-sistema għandha tinkludi s-sistema ta’ applikazzjoni ġeospazjali u, fejn applikabbli, is-sistema għall-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-annimali kif imsemmi fl-Artikolu 66(1)(b) ta’ dak ir-Regolament.

2.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jiġu sottomessi sa skadenza stabbilita mill-Istat Membru u jkunu relatati mas-sena kalendarja tas-sottomissjoni.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu applikazzjoni waħda għall-għajnuna li tkopri diversi interventi msemmija fl-Artikolu 65(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2021/2116, l-intitolamenti għall-pagamenti u l-kundizzjonalità.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li grupp ta’ benefiċjarji jista’ jissottometti applikazzjoni għall-għajnuna b’mod konġunt, sakemm jiġi żgurat it-trattament indaqs tal-benefiċjarji kollha.

5.   Meta azjenda tiġi ttrasferita minn benefiċjarju għal ieħor, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw biss applikazzjoni waħda għall-għajnuna għal dik l-azjenda fis-sena tat-trasferiment.

6.   Għall-interventi bbażati fuq l-annimali skont l-Artikoli 31, 34 u 70 tar-Regolament (UE) 2021/2115, fejn annimal jiġi ttrasferit minn benefiċjarju għal ieħor, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw aktar minn applikazzjoni waħda għall-għajnuna għal dak l-annimal fis-sena tat-trasferiment sakemm dawn ikunu jistgħu jiżguraw in-nondiskriminazzjoni bejn il-benefiċjarji kkonċernati, l-effiċjenza tal-verifiki, l-applikazzjoni ġusta tal-penali possibbli, u r-rispett għall-annwalità tas-sistema integrata.

7.   Għall-amministrazzjoni xierqa tal-interventi fi Stat Membru u fejn ikun hemm aktar minn aġenzija waħda tal-pagamenti responsabbli għall-ġestjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna tal-istess benefiċjarju, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jiżgura li l-informazzjoni meħtieġa tkun disponibbli għall-aġenziji tal-pagamenti kollha involuti.

Artikolu 4

Simplifikazzjoni tal-proċeduri relatati mas-sistema ta’ applikazzjoni għall-għajnuna

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni bejn il-benefiċjarju u l-awtoritajiet li jiżguraw li d-data trażmessa tkun affidabbli fid-dawl tal-ġestjoni xierqa tal-interventi skont is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll. Meta d-dokumenti ta’ sostenn ma jkunux jistgħu jiġu trażmessi b’mod elettroniku, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-istess limiti ta’ żmien għat-trażmissjoni tagħhom b’mezzi mhux elettroniċi.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu proċeduri simplifikati fejn id-data diġà tkun disponibbli għall-awtoritajiet, b’mod partikolari meta s-sitwazzjoni ma tkunx inbidlet mill-aħħar sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-għajnuna. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw data derivata minn sorsi ta’ data li hemm għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għall-finijiet tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk is-sorsi tad-data joffru l-livell ta’ garanzija meħtieġ għall-ġestjoni xierqa tad-data sabiex jiġu ggarantiti l-affidabbiltà, l-integrità u s-sigurtà ta’ dik id-data.

3.   Fejn xieraq, l-Istati Membri jistgħu jitolbu l-informazzjoni meħtieġa fi kwalunkwe dokument ta’ sostenn li għandu jiġi ppreżentat flimkien mal-applikazzjoni għall-għajnuna direttament mis-sors tal-informazzjoni.

Artikolu 5

Rekwiżiti li għandhom x’jaqsmu mas-sistema ta’ applikazzjoni għall-għajnuna

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-benefiċjarji, permezz ta’ mezzi elettroniċi, formoli mimlija bil-lest kif imsemmi fl-Artikolu 69(3) tar-Regolament (UE) 2021/2116.

2.   Għall-interventi bbażati fuq l-erja msemmija fl-Artikolu 65(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2021/2116, il-formoli mimlija bil-lest għandu jkun fihom il-materjal grafiku korrispondenti l-aktar aġġornat, ipprovdut permezz ta’ interfaċċa bbażata fuq sistema ta’ informazzjoni ġeografika sabiex tiġi ffaċilitata d-dikjarazzjoni ġeospazjali tal-erjas għall-finijiet ta’ dawn l-interventi u tal-kundizzjonalità.

3.   Il-formoli mimlija bil-lest imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jindikaw:

(a)

l-identifikazzjoni unika tal-bċejjeċ tar-raba’ u tal-unitajiet tal-art kollha li fihom żoni mhux agrikoli meqjusa bħala eliġibbli mill-Istat Membru tal-azjenda;

(b)

is-superfiċe u l-post tal-erjas iddikjarati ta’ dawn il-bċejjeċ tal-art u l-erja eliġibbli korrispondenti ddeterminata għall-ħlas għas-sena preċedenti għall-finijiet ta’ interventi bbażati fuq l-erja;

(c)

informazzjoni rilevanti għall-kundizzjonalità.

4.   L-informazzjoni li tirriżulta mis-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja tista’ tiġi pprovduta wkoll lill-benefiċjarji, fejn rilevanti għall-applikazzjoni għall-għajnuna.

5.   Għall-interventi bbażati fuq l-annimali li jikkonċernaw annimali bovini jew nagħaġ u mogħoż, l-Istat Membru għandu jiddependi fuq bażi tad-data kompjuterizzata aġġornata ddefinita fil-punt (25) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 (6), sabiex jipprovdi lill-formoli mimlija bil-lest bl-aktar informazzjoni riċenti minn dik il-bażi ta’ data, li trid tiġi aġġornata f’konformità mal-iskadenzi previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/520 (7).

6.   L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-benefiċjarji l-possibbiltà li jikkoreġu l-formoli mimlija bil-lest sa skadenza li għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru f’konformità mal-kundizzjonijiet għall-iskadenza biex jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet għall-għajnuna stabbiliti fl-Artikolu 3 u għall-emenda jew l-irtirar tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna stabbiliti stabbilit fl-Artikolu 7.

7.   Il-modifiki pprovduti mill-benefiċjarji fil-formoli mimlija bil-lest għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-aġġornament tas-sistema għall-identifikazzjoni tal-bċejjeċ tar-raba’, għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja u għall-bażi tad-data kompjuterizzata msemmija fil-paragrafu 5, fejn rilevanti.

8.   Bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata s-sottomissjoni mill-benefiċjarji, is-sistema ta’ applikazzjoni għall-għajnuna għandha tipprevedi twissijiet ta’ gwida matul il-proċess tal-applikazzjoni.

9.   L-Istati Membri li japplikaw is-sistema awtomatika ta’ talbiet imsemmija fl-Artikolu 65(4)(f) tar-Regolament (UE) 2021/2116 għandhom jiżguraw livell ekwivalenti ta’ dettall kif stabbilit f’dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Kontenut tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna

1.   Applikazzjoni għall-għajnuna tfisser applikazzjoni għall-appoġġ taħt kwalunkwe wieħed mill-interventi rregolati mis-sistema integrata jew, fejn rilevanti, applikazzjoni għall-appoġġ jew talba għall-pagament.

2.   L-applikazzjoni għall-għajnuna għandu jkun fiha mill-inqas:

(a)

l-identità tal-benefiċjarju;

(b)

id-dettalji tal-intervent(i) li għalih(om) saret l-applikazzjoni;

(c)

fejn xieraq, kwalunkwe dokument ta’ sostenn meħtieġ biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u rekwiżiti oħra rilevanti għall-intervent ikkonċernat;

(d)

l-informazzjoni rilevanti għall-kundizzjonalità.

Il-benefiċjarju għandu jibqa’ responsabbli għall-applikazzjoni għall-għajnuna u għall-korrettezza tal-informazzjoni trażmessa. Dan għandu jgħodd ukoll meta Stat Membru japplika sistema awtomatika ta’ talbiet.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni għall-għajnuna jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi misluta d-data rilevanti għar-rappurtar korrett dwar l-indikaturi tal-output u tar-riżultati msemmija fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116 fir-rigward tal-interventi koperti mill-applikazzjoni għall-għajnuna.

Artikolu 7

Emendi jew irtirar ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna

1.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jiġu emendati jew irtirati kompletament jew parzjalment mill-benefiċjarju skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għal interventi suġġetti għas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, fi kwalunkwe mument qabel skadenza li għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru, li ma għandhiex tkun wara 15-il jum kalendarju qabel id-data meta jsir il-ħlas tal-ewwel pagament parzjali jew tal-pagamenti bil-quddiem li jsiru f’konformità mal-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2021/2116. Madankollu, ma għandhomx ikunu permessi emendi jew irtirar fir-rigward ta’ nuqqasijiet ta’ konformità relatati ma’ kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li ma jistgħux jiġu mmonitorjati li jkunu żvelati b’mezzi oħra għajr is-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja jew il-verifiki amministrattivi jew ladarba l-benefiċjarju jkun ġie infurmat bl-intenzjoni tal-Istat Membru li jwettaq verifika fuq il-post;

(b)

għal interventi bbażati fuq l-annimali skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2021/2115 dwar annimali bovini jew nagħaġ u mogħoż, fi kwalunkwe mument qabel skadenza li għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru, li ma għandhiex tkun wara 15-il jum kalendarju qabel id-data meta jsir il-ħlas tal-ewwel pagament parzjali jew tal-pagamenti bil-quddiem li jsiru f’konformità mal-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2021/2116. Madankollu, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali, l-emendi jew l-irtirar għandhom ikunu permessi biss qabel id-data stabbilita mill-Istat Membru f’konformità mat-tieni sentenza tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115 u jekk l-iskadenza msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-punt ma tkunx għaddiet. Barra minn hekk, ma għandhomx ikunu permessi emendi jew irtirar ladarba l-benefiċjarju jkun ġie infurmat bl-intenzjoni tal-Istat Membru li jwettaq verifika fuq il-post jew jekk il-benefiċjarju jsir konxju minn nuqqas ta’ konformità bħala riżultat ta’ verifika fuq il-post mhux imħabbra. Madankollu, għandhom jiġu awtorizzati emendi jew irtirar fir-rigward tal-parti mhux affettwata min-nuqqas ta’ konformità misjub mill-verifika fuq il-post;

(c)

għal interventi oħra, fi kwalunkwe mument qabel skadenza li għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru, li ma għandhiex tkun wara 15-il jum kalendarju qabel id-data meta jsir il-ħlas tal-ewwel pagament parzjali jew tal-pagamenti bil-quddiem li jsiru f’konformità mal-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2021/2116. Madankollu, ma għandhomx ikunu permessi emendi jew irtirar ladarba l-benefiċjarju jkun ġie infurmat bl-intenzjoni tal-Istat Membru li jwettaq verifika fuq il-post jew il-benefiċjarju jsir konxju minn nuqqas ta’ konformità bħala riżultat ta’ verifika fuq il-post mhux imħabbra. Madankollu, għandhom jiġu awtorizzati emendi jew irtirar fir-rigward tal-parti mhux affettwata min-nuqqas ta’ konformità misjub mill-verifika fuq il-post.

2.   F’każ ta’ nuqqasijiet ta’ konformità mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà misjuba mill-verifiki amministrattivi jew mis-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-benefiċjarji filwaqt li jippermettu l-possibbiltà li tiġi emendata jew irtirata l-applikazzjoni għall-għajnuna fir-rigward tal-parti affettwata min-nuqqas ta’ konformità f’konformità mal-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1. Madankollu, għal interventi bbażati fuq l-annimali skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2021/2115 dwar annimali bovini jew nagħaġ u mogħoż, f’każ ta’ nuqqasijiet ta’ konformità fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà tal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali, l-emendi jew l-irtirar għandhom ikunu permessi biss qabel id-data stabbilita mill-Istat Membru biex jiġu ssodisfati dawn ir-rekwiżiti kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu. Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess għall-benefiċjarju, l-Istati Membri jistgħu jipproċedu għall-korrezzjonijiet meħtieġa fl-applikazzjoni għall-għajnuna fir-rigward tal-parti affettwata min-nuqqas ta’ konformità. Madankollu, f’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-benefiċjarju jkun konxju mill-bidliet introdotti mill-Istat Membru u jkollu l-possibbiltà li jirreaġixxi f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil.

3.   Għall-interventi bbażati fuq l-annimali skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2021/2115 dwar annimali bovini jew nagħaġ u mogħoż, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li n-notifiki lill-bażi tad-data kompjuterizzata, imsemmija fl-Artikolu 5(5) ta’ dan ir-Regolament, dwar it-tneħħija ta’ annimal mill-azjenda jistgħu jissostitwixxu rtirar tal-annimal bil-miktub.

4.   Għall-Istati Membri li japplikaw is-sistema awtomatika ta’ talbiet msemmija fl-Artikolu 65(4)(f) tar-Regolament (UE) 2021/2116 għal interventi bbażati fuq l-annimali, il-benefiċjarji jistgħu jirtiraw it-talba tagħhom biss fir-rigward tal-annimali kollha rilevanti għall-intervent li huma rreġistrati fil-bażi tad-data kompjuterizzata.

5.   L-emendi jew l-irtirar għandhom isiru bl-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni uffiċjali stabbiliti mill-Istat Membru.

6.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-benefiċjarji bl-aħħar data sa meta jistgħu jemendaw jew jirtiraw l-applikazzjoni għall-għajnuna. L-Istati Membri għandhom jiżguraw it-trattament indaqs tal-benefiċjarji suġġetti għas-sistema awtomatika ta’ talbiet msemmija fl-Artikolu 65(4)(f) tar-Regolament (UE) 2021/2116.

Artikolu 8

Applikazzjoni ġeospazjali

1.   L-applikazzjoni ġeospazjali għandha tintuża għall-interventi kollha bbażati fuq l-erja skont is-sistema integrata u għall-informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-kundizzjonalità, inkluż fil-każ tal-benefiċjarji li huma suġġetti għall-kundizzjonalità iżda li ma japplikawx għall-appoġġ taħt l-interventi bbażati fuq l-erja.

2.   L-applikazzjoni ġeospazjali tista’ tintuża wkoll għall-interventi bbażati fuq l-erja fis-settur tal-inbid kif stabbilit fit-Titolu III, il-Kapitolu III, it-Taqsima 4 tar-Regolament (UE) 2021/2115.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, l-applikazzjoni ġeospazjali għandu jkun fiha mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

identifikazzjoni mhux ambigwa tal-bċejjeċ tar-raba’ u l-unitajiet tal-art li fihom żoni mhux agrikoli meqjusa bħala eliġibbli mill-Istat Membru tal-azjenda;

(b)

delineazzjoni ċara tal-erja ddikjarata għall-għajnuna taħt kull intervent fuq il-bċejjeċ tar-raba’ u l-unitajiet tal-art li fihom żoni mhux agrikoli meqjusa bħala eliġibbli mill-Istat Membru, b’mod partikolari jekk l-erja ddikjarata tkun iżgħar mil-erja totali tal-bċejjeċ tar-raba’;

(c)

it-tip, il-post u, fejn rilevanti, id-daqs tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ rilevanti għall-kundizzjonalità jew għall-interventi;

(d)

l-għelejjel fil-bċejjeċ tar-raba’, fejn rilevanti;

(e)

fejn rilevanti, jekk il-biċċa art hijiex soġġetta għal biedja organika, u b’mod partikolari għall-konverżjoni jew iż-żamma ta’ prattiki u metodi ta’ biedja organika kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), rilevanti għall-appoġġ mogħti għall-interventi msemmija fl-Artikoli 31 u 70 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jew għall-kundizzjonalità;

(f)

fejn rilevanti, informazzjoni dwar l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għall-bċejjeċ tal-art li għaddejjin minn interventi għall-użu sostenibbli u mnaqqas tal-pestiċidi skont l-Artikoli 31 u 70 tar-Regolament (UE) 2021/2115. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw din l-informazzjoni fir-rigward tar-rekwiżit taż-żamma tar-rekords tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti stabbilit fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

(g)

l-identifikazzjoni tal-intitolamenti għall-pagamenti f’konformità mas-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2021/2116 għall-finijiet tal-appoġġ bażiku għall-introjtu għas-sostenibbiltà;

(h)

għall-erjas iddikjarati għall-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton, il-varjetà ta’ żerriegħa tal-qoton użata u, fejn applikabbli, l-identifikazzjoni tal-organizzazzjoni interprofessjonali approvata li l-benefiċjarju huwa membru tagħha;

(i)

għal żoni użati għall-produzzjoni tal-qanneb, il-varjetà ta’ żerriegħa użata, indikazzjoni tal-kwantitajiet ta’ żrieragħ użati, espressi f’kilogrammi għal kull ettaru, u t-tikketti uffiċjali użati fuq l-imballaġġ taż-żrieragħ f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE (9), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tagħha, jew kwalunkwe dokument ieħor rikonoxxut bħala ekwivalenti mill-Istat Membru. Fejn it-tikketti jkun jeħtieġ li jiġu sottomessi wkoll lil awtoritajiet nazzjonali oħra, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li dawk it-tikketti jiġu rritornati lill-benefiċjarji. Fuq it-tikketti mibgħutin lura għandu jiġi mmarkat li dawn intużaw għal applikazzjoni.

Artikolu 9

Applikazzjonijiet għal interventi bbażati fuq l-annimali

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, l-applikazzjonijiet għal interventi bbażati fuq l-annimali għandu jkun fihom mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-għadd ta’ annimali jew, kif rilevanti, l-għadd ta’ unitajiet ta’ bhejjem, ta’ kull tip, li fir-rigward tagħhom issir applikazzjoni għal intervent ibbażat fuq l-annimali;

(b)

fejn rilevanti, informazzjoni dwar il-post fejn se jinżammu l-annimali fis-sena kalendarja koperta mill-applikazzjoni għall-għajnuna;

(c)

fejn l-appoġġ jikkonċerna annimali bovini jew nagħaġ u mogħoż, informazzjoni aġġornata rilevanti għall-intervent fuq l-annimali fir-rigward tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali, f’konformità mal-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

2.   L-Istati Membri li japplikaw sistema awtomatika ta’ talbiet skont l-Artikolu 65(4)(f) tar-Regolament (UE) 2021/2116 għandhom jiżguraw livell ekwivalenti ta’ dettall kif stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu abbażi tal-informazzjoni disponibbli fil-bażi ta’ data kompjuterizzata uffiċjali, li għandu jkun aġġornat għall-annimali kollha, f’konformità mal-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115. Skont is-sistema awtomatika ta’ talbiet, l-annimali kollha tal-benefiċjarju li huma rilevanti għal intervent għandhom jitqiesu li huma inklużi fit-talba.

Artikolu 10

Sistema ta’ monitoraġġ tal-erja

1.   Is-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna għal interventi bbażati fuq l-erja skont is-sistema integrata ppreżentati f’kull Stat Membru u għandha tintuża biex jiġu osservati, traċċati u vvalutati l-attivitajiet u l-prattiki agrikoli fuq l-ettari taħt dawn l-interventi bbażati fuq l-erja u mill-inqas għall-finijiet tar-rappurtar annwali dwar il-prestazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-interventi kollha bbażati fuq l-erja, il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, li jistgħu jiġu mmonitorjati permezz tad-data tas-satelliti Sentinels ta’ Copernicus jew ta’ data li għandha tal-inqas valur ekwivalenti, ikunu suġġetti għas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja u għandhom jikkomunikaw din l-informazzjoni lill-benefiċjarji kkonċernati.

3.   Għall-finijiet tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għandha titqies li tista’ tiġi mmonitorjata meta tkun tista’ tiġi mmonitorjata permezz tad-data tas-satelliti Sentinels ta’ Copernicus. Sabiex jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà meqjusa li jistgħu jiġu mmonitorjati, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw id-data tas-satelliti Sentinels ta’ Copernicus jew kwalunkwe data oħra li għandha tal-inqas valur ekwivalenti kif previst fl-Artikolu 11. Madankollu, mill-1 ta’ Jannar 2025, kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għandha titqies li tista’ tiġi mmonitorjata meta tkun tista’ tiġi mmonitorjata permezz tad-data tas-satelliti Sentinels ta’ Copernicus jew permezz ta’ ritratti ġeottaggjati msemmija fl-Artikolu 11. Sabiex jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà meqjusa li jistgħu jiġu mmonitorjati mill-1 ta’ Jannar 2025, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw id-data tas-satelliti Sentinels ta’ Copernicus, ritratti ġeottaggjati jew kwalunkwe data oħra li għandha tal-inqas valur ekwivalenti.

4.   Għall-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li jistgħu jiġu mmonitorjati permezz ta’ ritratti ġeottaggjati, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jinkluduhom gradwalment taħt is-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-inqas 70 % tal-interventi b’kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li jistgħu jiġu mmonitorjati biss permezz ta’ ritratti ġeottaggjati jkunu suġġetti għas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja sa qabel l-1 ta’ Jannar 2027. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu liema kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li jistgħu jiġu mmonitorjati permezz ta’ ritratti ġeottaggjati jsiru suġġetti għas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja kull sena.

5.   Għall-analiżi tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li jistgħu jiġu mmonitorjati taħt is-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jgħaqqdu d-data tas-satelliti Sentinels ta’ Copernicus u/jew tipi oħra ta’ data li għandhom tal-inqas valur ekwivalenti f’konformità mal-kriterji speċifikati fl-Artikolu 11 biex ikopru l-popolazzjoni sħiħa tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna kkonċernati. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jwettqu analiżi kaskata tad-data tas-satelliti Sentinel u/jew tipi oħra ta’ data li għandhom tal-inqas valur ekwivalenti għall-finijiet tat-tnaqqis tal-għadd ta’ każijiet mhux immonitorjati b’mod konklużiv. Għall-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li jistgħu jiġu mmonitorjati biss permezz ta’ ritratti ġeottaggjati, f’każ ta’ nuqqas ta’ input mill-benefiċjarju, l-Istat Membru għandu jqis li din il-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà ma ġietx issodisfata.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ettari li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà rilevanti sa mhux aktar tard mid-data permessa għall-emendi tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna f’konformità mal-Artikolu 7 jiġu esklużi mir-rappurtar annwali dwar il-prestazzjoni.

7.   Sabiex ikunu jistgħu jsiru l-osservazzjoni, it-traċċar u l-valutazzjoni affidabbli tal-attivitajiet u l-prattiki agrikoli, is-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja għandha, fil-livell ta’ biċċa raba’ jew ta’ unitajiet tal-art li jkun fihom żoni mhux agrikoli meqjusa eliġibbli mill-Istat Membru, tiżgura l-identifikazzjoni ta’:

(a)

il-preżenza ta’ żona ineliġibbli, b’mod partikolari minħabba strutturi permanenti;

(b)

il-preżenza ta’ użu ineliġibbli tal-art;

(c)

bidla fil-kategorija taż-żona agrikola kemm jekk tkun raba’ li jinħadem, għalla permanenti jew bur permanenti.

Fejn rilevanti, l-Istati Membri għandhom jużaw l-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu għall-finijiet tal-aġġornament tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-irqajja’ agrikoli.

8.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-benefiċjarji l-informazzjoni dwar l-ettari fejn il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà rilevanti ma jiġux issodisfati u dwar il-preżenza identifikata ta’ żona ineliġibbli, użu ineliġibbli tal-art jew bidla fil-kategorija taż-żona agrikola sabiex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jemendaw l-applikazzjonijiet għall-għajnuna, imsemmija fl-Artikolu 7, jew jipprovdu aktar evidenza. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jikkomunikaw lill-benefiċjarji kwalunkwe riżultat proviżorju ieħor inklużi każijiet mhux immonitorjati b’mod konklużiv li jippermetti lill-benefiċjarji, fejn meħtieġ, jemendaw l-applikazzjonijiet tagħhom f’konformità mal-Artikolu 7(1).

9.   B’deroga mill-paragrafu 1 u sabiex tkun tista’ ssir żieda gradwali fl-għadd ta’ interventi suġġetti għas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, fl-2023 is-sistema għandha tipprovdi informazzjoni dwar tal-inqas dan li ġej:

(a)

il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà rilevanti kollha għall-appoġġ bażiku għall-introjtu għas-sostenibbiltà, imsemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/2115;

(b)

il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà rilevanti kollha għall-interventi għal restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet oħra speċifiċi għaż-żona, imsemmija fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2021/2115.

Artikolu 11

Data li għandha tal-inqas valur ekwivalenti għas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja

Għall-finijiet tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw data oħra li għandha tal-inqas valur ekwivalenti jekk tkun f’forma diġitali, tippermetti l-ipproċessar awtomatiku tad-data, tkun disponibbli b’mod sistematiku għall-benefiċjarji kkonċernati jew għall-kategoriji ta’ żoni fl-Istat Membru, ma tkunx diskriminatorja u tkun xierqa għad-determinazzjoni tal-konformità ma’ kundizzjoni ta’ eliġibbiltà jew obbligu partikolari fuq iż-żona soġġetta għall-kundizzjoni rilevanti. F’dak il-kuntest, ir-ritratti ġeottaggjati għandhom jitqiesu bħala data oħra li għandha tal-inqas valur ekwivalenti, kif imsemmi fl-Artikolu 65(4)(b) tar-Regolament (UE) 2021/2116.

Artikolu 12

Akkwist tad-data satellitari

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/2116, kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Novembru tas-sena kalendarja ta’ qabel is-sena tat-twettiq tal-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja dwar l-ispeċifikazzjoni tagħha dwar l-akkwist tad-data satellitari fir-rigward ta’:

(a)

il-popolazzjoni tal-bċejjeċ tal-art għal kull intervent li minnha se jintgħażel il-kampjun għall-valutazzjoni tal-kwalità;

(b)

l-iskeda ta’ żmien għall-kisba tad-data satellitari għall-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-intervent fuq il-bċejjeċ tal-art magħżula.

2.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom ifasslu l-popolazzjoni tal-bċejjeċ tal-art għall-kampjun ta’ valutazzjoni tal-kwalità abbażi tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna tas-sena ta’ qabel is-sena kalendarja tal-valutazzjoni tal-kwalità. Il-popolazzjoni tal-bċejjeċ tal-art li għalihom tintalab data satellitari tista’ tiġi aġġornata fis-sena kalendarja tal-valutazzjoni tal-kwalità għall-irqajja’ li, wara l-applikazzjonijiet għall-għajnuna tas-sena kalendarja kkonċernata, ma jkunux għadhom rilevanti għal intervent partikolari jew għal irqajja’ taħt interventi li għalihom l-għajnuna ma saritx applikazzjoni għall-għajnuna għas-sena ta’ qabel.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiffinalizza l-ftehim mal-Istat Membru kkonċernat dwar l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 qabel il-15 ta’ Jannar wara l-komunikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

4.   L-awtoritajiet kompetenti jew il-korpi li jirrappreżentawhom imsemmija fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/2116 iridu josservaw id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-awtur stabbiliti fil-kuntratti mal-fornituri.

5.   Jekk it-total tat-talbiet riċevuti mill-Istati Membri jaqbeż il-baġit disponibbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/2116, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar limitazzjoni tad-data satellitari li għandha tiġi pprovduta, bil-għan li jsir l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli. Barra minn hekk, fejn l-Istati Membri jżidu bċejjeċ tal-art matul is-sena kalendarja mal-popolazzjoni għall-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, jista’ jkun li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tikseb ix-xbihat rilevanti kollha.

Artikolu 13

Verifiki tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali approvati għall-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton

L-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki amministrattivi fuq l-organizzazzjonijiet interprofessjonali approvati għall-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

Fejn xieraq biex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà għal żieda fl-għajnuna prevista fl-Artikolu 40(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kontroverifika tad-dikjarazzjoni tal-benefiċjarju fl-applikazzjoni ġeospazjali li huwa membru ta’ organizzazzjoni interprofessjonali approvata mal-informazzjoni trażmessa mill-organizzazzjoni kkonċernata.

Mill-inqas darba kull ħames snin, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw il-konformità mal-kriterji għall-approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali u l-lista tal-membri tagħhom.

Artikolu 14

Tħassir

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023.

Madankollu, għandu jkompli japplika għal:

(a)

applikazzjonijiet għall-għajnuna għal pagamenti diretti ppreżentati qabel l-1 ta’ Jannar 2023;

(b)

talbiet għal pagamenti magħmula fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ implimentati skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

(c)

għas-sistema ta’ kontroll u l-penali amministrattivi fir-rigward tar-regoli dwar il-kundizzjonalità.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati ma’ interventi implimentati f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/2115 mill-1 ta’ Jannar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat-28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 115).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/520 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma (ĠU L 104, 25.3.2021, p. 39).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74).