7.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1166

tas-6 ta’ Lulju 2022

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1480/2004 li jistipula regoli speċifiċi dwar oġġetti li jaslu miż-żoni li mhumiex taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern ta’ Ċipru fiż-żoni fejn il-Gvern jeżerċita kontroll effettiv

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 tad-29 ta’ April 2004 dwar reġim skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 mal-Att tal-Adeżjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(12)tiegħu,

Wara konsultazzjoni mal-Kumitat imwaqqaf bir-Regolament dwar il-Linja tal-qsim,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1480/2004 (2) jipprevedi regoli speċifiċi dwar oġġetti li jaslu miż-żoni li mhumiex taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern ta’ Ċipru fiż-żoni li fihom il-Gvern jeżerċita kontroll effettiv, inkluż fir-rigward ta’ spezzjonijiet fitosanitarji ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra elenkati fl-Anness V, il-Parti B, tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (3) u tar-rappurtar dwarhom. Għal dak il-għan, l-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament fih ir-referenzi għal dik id-Direttiva.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li jipprovdi l-bażi għar-regoli tal-Unjoni dwar il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, ħassar id-Direttiva 2000/29/KE. Dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tistabbilixxi lista tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra li għalihom huwa meħtieġ ċertifikat fitosanitarju għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (5) jelenka l-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra li għalihom huwa meħtieġ ċertifikat fitosanitarju għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni, fosthom dawk li qabel kienu elenkati fl-Anness V, il-Parti B tad-Direttiva 2000/29/KE.

(4)

Għalhekk jixraq li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1480/2004 sabiex ir-referenzi għad-Direttiva 2000/29/KE jiġu sostitwiti b’referenzi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

(5)

Jeħtieġ ukoll li jiġu aġġornati r-referenzi kollha għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-passaporti tal-pjanti.

(6)

Minħabba li, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 866/2004, l-oġġetti li jaqsmu l-linja għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti u jgħaddu mill-verifiki kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni fitosanitarja tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament, l-ispezzjonijiet għandu jkollhom l-għan li jaċċertaw li l-oġġetti rispettivi huma ħielsa mill-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, li jikkonformaw mal-limiti għall-preżenza ta’ pesti rregolati mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni elenkati fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament, u jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-introduzzjoni fl-Unjoni stabbiliti fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1480/2004 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1480/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Spezzjoni fitosanitarja u rapportar

1.   L-esperti fitosanitarji indipendenti maħtura mill-Kummissjoni, inkarigati fil-qafas tal-istrument ta’ Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni (TAIEX), u li jaħdmu f’koordinazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 866/2004 (“l-esperti”), għandhom jispezzjonaw il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra kollha elenkati fil-Parti A u fil-Parti B tal-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (*1) fl-istadji tal-produzzjoni, tal-ħsad u tal-kummerċjalizzazzjoni, biex jaċċertaw li:

(a)

huma ħielsa mill-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/2072,

(b)

jikkonformaw mal-limiti għall-preżenza ta’ pesti rregolati mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni elenkati fl-Anness IV tar-Regolament (UE) 2019/2072,

(c)

jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-introduzzjoni fl-Unjoni stabbiliti fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament, u

(d)

jikkonformaw mal-miżuri għall-prevenzjoni tal-preżenza ta’ pesti rregolati mhux ta’ kwarantina fuq pjanti speċifiċi għat-tħawwil stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/2072.

Meta jkun rilevanti, għandhom jispezzjonaw ukoll il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra kollha elenkati fl-Anness XII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, biex jaċċertaw li huma ħielsa mill-pesti rispettivi ta’ kwarantina fiż-żoni protetti elenkati fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament.

2.   Fil-każ tal-patata, l-esperti msemmija hawn fuq għandhom jivverifikaw li l-patata fil-kunsinna tkabbret direttament mill-patata taż-żrigħ ċertifikata f’wieħed mill-Istati Membri jew mill-patata taż-żrigħ ċertifikata fi kwalunkwe pajjiż ieħor li għaliha l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-patata intenzjonata għat-tħawwil mhijiex ipprojbita skont l-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

3.   Jekk l-esperti, sa fejn jafu huma u sa fejn ikun jista’ jiġi ddeterminat, jistabbilixxu li l-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew l-oġġetti l-oħra rilevanti fil-kunsinna jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2 u mar-rekwiżiti u l-kontrolli rilevanti kif stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 866/2004, huma għandhom:

(a)

jistabbilixxu rapport tas-sejbiet tagħhom, mimli kompletament u debitament ffirmat minn tal-inqas wieħed mill-esperti, bl-użu tal-formola prevista fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament, u

(b)

iżidu dak ir-rapport, bħala suppliment, mad-dokument ta’ akkumpanjament imsemmi fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

L-esperti ma għandhomx joħorġu “Rapporti ta’ spezzjoni fitosanitarja” fir-rigward tal-pjanti intenzjonati għat-tħawwil, inklużi t-tuberi tas-Solanum tuberosum L intenzjonati għat-tħawwil.

4.   L-esperti imbagħad għandhom jissiġillaw it-trakkijiet u l-mezzi l-oħra tat-trasport b’tali mod li ma jippermettix li l-kunsinna tkun tista’ tinfetaħ qabel ma taqsam il-linja.

Il-komoditajiet koperti minn dan l-Artikolu jistgħu jinġarru biss minn naħa għal oħra tal-linja jekk jiġu ssodisfati l-punti (a) u (b) tal-paragrafu 3

5.   Mal-wasla fiż-żoni fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jeżerċita l-kontroll effettiv, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżaminaw il-kunsinna. Meta jkun japplika, ir-“Rapport ta’ spezzjoni fitosanitarja” għandu jiġi sostitwit b’passaport tal-pjanti previst fl-Artikolu 79(1) jew fl-Artikolu 80(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (*2)

(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1)."

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).”"

(2)

Il-ħames u s-sitt inċiżi taħt il-punt 10 tal-mudell previst fl-Anness III huma sostitwiti b’dan li ġej:

“—

jitqiesu ħielsa mill-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni elenkati fl-Anness II u, meta jkun xieraq, mill-pesti ta’ kwarantina fiż-żoni protetti elenkati fl-Anness III, u jikkonformaw mal-limiti li jikkonċernaw il-preżenza ta’ pesti rregolati mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni elenkati fl-Anness IV tar-Regolament (UE) 2019/2072.

Fil-każ tal-patata, li l-patata fil-kunsinna tkabbret direttament mill-patata taż-żrigħ ċertifikata f’wieħed mill-Istati Membri jew mill-patata taż-żrigħ ċertifikata fi kwalunkwe pajjiż ieħor li għaliha l-introduzzjoni fil-Unjoni tal-patata intenzjonata għat-tħawwil mhijiex ipprojbita skont l-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 161, 30.4.2004, p. 128.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1480/2004 tal-10 ta’ Awwissu 2004 li jistipula regoli speċifiċi dwar oġġetti li jaslu miż-żoni li mhumiex taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern ta’ Ċipru fiż-żoni fejn il-Gvern jeżerċita kontroll effettiv (ĠU L 272, 20.8.2004, p. 3).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).