30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/34


REGOLAMENT (UE) 2022/1033 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ Ġunju 2022

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fir-rigward ta’ miżura speċifika biex jingħata appoġġ temporanju eċċezzjonali skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) b’rispons għall-impatt tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2) ,

Billi:

(1)

Il-bdiewa u n-negozji rurali fl-Unjoni ntlaqtu mill-konsegwenzi tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna b’mod bla preċedent. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-input, b’mod partikolari għall-enerġija, il-fertilizzanti u l-għalf tal-annimali, ħolqot tfixkil ekonomiku fis-settur agrikolu u l-komunitajiet rurali tal-Unjoni u wasslet għal problemi ta’ likwidità għall-bdiewa u n-negozji rurali żgħar attivi fl-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni jew l-iżvilupp ta’ prodotti agrikoli. Dan ħoloq sitwazzjoni eċċezzjonali li trid tiġi indirizzata b’ miżura eċċezzjonali ġdida.

(2)

Sabiex ikun hemm rispons għall-impatt tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna fuq is-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel tal-Unjoni, jenħtieġ li miżura ġdida temporanja u eċċezzjonali li tindirizza l-problemi marbutin mal-likwidità li jheddu l-kontinwità tal-attivitajiet tal-biedja u tan-negozji ż-żgħar li huma attivi fl-ipproċessar, fil-kummerċjalizzazzjoni jew fl-iżvilupp tal-prodotti agrikoli, tiġi prevista f’dan ir-Regolament.

(3)

Jenħtieġ li l-appoġġ skont il-miżura prevista f’dan ir-Regolament, li għandu l-għan li jiżgura l-kompetittività tan-negozji agrikoli u l-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli fl-Unjoni, jiffoka r-riżorsi disponibbli fuq il-benefiċjarji li l-iktar qed jġu affetwati mill-konsegwenzi tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna u jingħata abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. Fil-każ tal-bdiewa, jenħtieġ li jkun possibli għal dawn il-kriterji li jinkludu s-setturi tal-produzzjoni, it-tip ta’ biedja jew l-istrutturi tal-azjendi agrikoli, u fil-każ tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), jinkludu s-setturi, it-tipi ta’ attività, it-tip ta’ reġjuni u restrizzjonijiet speċifiċi oħrajn.

(4)

Il-kriżi attwali u serja fis-settur agrikolu tal-Unjoni tikkonferma l-ħtieġa li titħaffef it-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà biex inkunu mħejjija aħjar għall-kriżijiet fil-futur. L-appoġġ skont il-miżura prevista f’dan ir-Regolament, għalhekk, jenħtieġ li ma jirriżultax fi tnaqqis tas-sehem globali tal-kontribuzzjoni tal- Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) riżervata għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 59(6) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(5)

Minħabba l-urġenza u n-natura temporanja u eċċezzjonali ta’ din il-miżura prevista f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġi stabbilit pagament ta’ darba biss kif ukoll id-data meta l-miżura ma tibqax tapplika aktar. Il-prinċipju li l-Kummissjoni għandha tagħmel il-pagamenti f’konformità mal-approprjazzjonijiet tal-baġit u dejjem jekk ikun hemm il-fondi disponibbli għal dan ghandu wkoll jigi mħares.

(6)

Sabiex jingħata iktar appoġġ lill-bdiewa jew lill-SMEs li huma l-iktar li intlaqtu, huwa xieraq li l-Istati Membri jitħallew jaġġustaw il-livell tas-somom f’daqqa għal ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji eliġibbli, pereżempju billi jiffissaw ċerti faxex jew kategoriji ġenerali, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed fondi għall-miżura prevista f’dan ir-Regolament mingħajr ma jiġu pperikolati l-objettivi l-oħrajn tal-programmi tal-iżvilupp rurali, jenħtieġ li jiġi ffissat is-sehem massimu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal dik il-miżura.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jiġi emendat kif xieraq.

(9)

Minħabba l-invażjoni Russa tal-Ukrajna u l-urġenza biex jiġi indirizzat l-impatt ta’ dik l-invażjoni fuq is-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel tal-Unjoni, qed jitqies li huwa xieraq li tigi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(10)

Minħabba li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi indirizzata is-sitwazzjoni eċċezzjonali maħluqa fis-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel tal-Unjoni minhabba l-impatt tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TEU. F'konformità mal- prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l- objettiv.

(11)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni marbuta mal-impatt tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna fuq is-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel tal-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 39c

Għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-bdiewa u lill-SMEs affettwati b’mod partikolari mill-impatt tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna

1.   L-appoġġ li jingħata fil-kuntest ta’ din il-miżura għandu jipprovdi assistenza ta’ emerġenza lill-bdiewa u lill-SMEs milquta b’mod partikolari mill-impatt tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna bil-għan li tkun żgurata l-kontinwità tal-attività kummerċjali tagħhom, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   L-appoġġ għandu jingħata lill-bdiewa jew SMEs li huma attivi fl-ipproċessar, fil-kummerċjalizzazzjoni jew fl-iżvilupp ta’ prodotti agrikoli koperti mill-Anness I għat-TFUE jew tal-qoton, ħlief għall-prodotti tas-sajd. Il-prodott li jirriżulta mill-proċess tal-produzzjoni jista’ jkun prodott li ma jkunx kopert minn dak l-Anness.

3.   L-Istati Membri għandhom iqiegħdu fil-mira tal-appoġġ lill-benefiċjarji li jkunu ntlaqtu l-iktar minhabba l-impatt tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, billi jiddeterminaw, abbażi tal-evidenza disponibbli, il-kundizzjonijiet tal-eliġibilità u, fejn l-Istat Membru kkonċernat jara li hu l-każ, kriterji tal-għażla li għandhom ikunu oġġettivi u mhux diskriminatorji. L-appoġġ ipprovdut mill-Istati Membri għandu jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel jew biex jindirizza l-iżbilanċi fis-suq u għandu jappoġġa lill-bdiewa jew SMEs li huma nvoluti f’waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin u li jippruvaw jilħqu dawk l-għanijiet:

(a)

l-ekonomija ċirkolari;

(b)

il-ġestjoni tan-nutrijenti;

(c)

l-użu effiċjenti tar-riżorsi;

(d)

l-applikazzjoni tal-metodi ta’ produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-klima.

4.   L-appoġġ għandu jingħata bħala somma f’daqqa li għandha titħallas sal-15 ta’ Ottubru 2023, abbażi tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna approvati mill-awtorità kompetenti sal-31 ta’ Marzu 2023. Ir-rimborż sussegwenti mill-Kummissjoni għandu jsir skont l-approprjazzjonijiet tal-baġit u suġġett għad-disponibblità tal-fondi. Il-livell tal-pagament jista’ jvarja minn kategorija ta’ benefiċjarji għal oħra, f'konformità ma' kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji.

5.   L-ammont massimu tal-appoġġ ma għandux ikun ta’ iktar minn EUR 15 000 għal kull bidwi u EUR 100 000 għal kull SME.

6.   Meta jagħtu l-appoġġ skont dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom iqisu l-appoġġ mogħti fil-kuntest ta’ strumenti ta’ appoġġ nazzjonali jew tal-Unjoni oħrajn jew fil-kuntest ta’ skemi privati b’rispons għall-impatt tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna.”;

(2)

fl-Artikolu 49, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-awtorità tal-Istat Membru responsabbli għall-għażla tal-operazzjonijiet għandha tiżgura li l-operazzjonijiet, ħlief għall-operazzjonijiet taħt l-Artikolu 18(1), il-punt (b), l-Artikolu 24(1), il-punt (d), u l-Artikoli 28 sa 31, 33, 34 u 36 sa 39c, jintgħażlu skont il-kriterji tal-għażla msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u skont proċedura trasparenti u ddokumentata sew.”;

(3)

fl-Artikolu 59 jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“6b.   L-appoġġ tal-FAEŻR ipprovdut skont l-Artikolu 39c ma għandux jeċċedi 5 % mill-kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR għall-programm tal-iżvilupp rurali għas-snin 2021-2022 kif previst fil-Ewwel Parti tal-Anness I.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

F. RIESTER


(1)  L-opinjoni tas-16 ta’ Ġunju 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2022.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).