|
20.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 164/20 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/945
tas-17 ta’ Ġunju 2022
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tariffi li jistgħu jiġu imposti mil-laboratorji ta’ referenza tal-UE fil-qasam tal-apparati mediċi dijanjostiċi in vitro
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi dijanjostiċi in vitro u li jħassar id-Direttiva 98/79/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/227/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 100(8), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Meta l-korpi notifikati u l-Istati Membri jitolbu assistenza xjentifika jew teknika jew opinjoni xjentifika mingħand il-laboratorji ta’ referenza tal-UE f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/746, dawk il-laboratorji jistgħu jimponu tariffi biex ikopru b’mod sħiħ jew parzjalment il-kostijiet imġarrba fit-twettiq tal-kompiti mitluba. |
|
(2) |
Sabiex tiġi speċifikata l-istruttura tat-tariffi, jeħtieġ li jiġu identifikati l-kategoriji tal-kostijiet li jistgħu jiġu koperti minn dawk it-tariffi. |
|
(3) |
Meta l-attività tal-ittestjar tiġi esternalizzata lil-laboratorji ta’ referenza nazzjonali jew lil laboratorji oħra, il-kostijiet imġarrba minn dawk il-laboratorji jikkostitwixxu parti mill-kostijiet tal-kompitu mitlub. Jenħtieġ għalhekk li l-laboratorji ta’ referenza tal-UE jkunu jistgħu jkopru dawn il-kostijiet bit-tariffi imposti. |
|
(4) |
Minħabba l-varjetà wiesgħa ta’ apparati mediċi dijanjostiċi in vitro fis-suq tal-Unjoni u d-diversi kompiti li jistgħu jiġu assenjati lil-laboratorji ta’ referenza tal-UE, jenħtieġ li l-kalkolu tat-tariffa eżatta għal kull kompitu jkun fid-diskrezzjoni tal-laboratorji ta’ referenza tal-UE. |
|
(5) |
Il-kalkolu tat-tariffi abbażi tal-kostijiet imġarrba hu l-aktar metodu trasparenti għad-determinazzjoni tal-livell tat-tariffi għal kompitu speċifiku; għalhekk, jenħtieġ li dak il-metodu jintuża għal dan il-kalkolu. Meta d-determinazzjoni tal-kostijiet reali mġarrba f’ċerta kategorija tal-kostijiet tkun ta’ piż mhux raġonevoli, jenħtieġ li l-laboratorji ta’ referenza tal-UE jitħallew jikkalkulaw it-tariffi abbażi tal-kostijiet medji stmati f’dik il-kategorija. Sabiex dan il-kalkolu jkun possibbli, jenħtieġ li l-laboratorji ta’ referenza tal-UE jagħmlu stimi tal-kostijiet medji għall-kategoriji tal-kostijiet korrispondenti. |
|
(6) |
Peress li mhuwiex prattikabbli li jiġu kkalkulati b’mod preċiż il-kostijiet imġarrba għall-operazzjoni ġenerali tal-laboratorju għal kull kompitu, jenħtieġ li l-laboratorji ta’ referenza tal-UE jiċċarġjaw dawn il-kostijiet billi jikkalkulaw perċentwal tal-kostijiet l-oħra kombinati. Jenħtieġ li jiġi stabbilit massimu għal dak il-perċentwal sabiex jiġu żgurati l-kosteffettività u l-prevedibbiltà. |
|
(7) |
Sabiex tinkiseb trasparenza fir-rigward tal-istruttura u tal-livell tat-tariffi, jenħtieġ li l-laboratorji ta’ referenza tal-UE jistabbilixxu r-regoli li skonthom jiġu kkalkulati t-tariffi, inklużi r-regoli għall-istima tal-kostijiet abbażi tal-kostijiet medji, u jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku. |
|
(8) |
Sabiex jiġi żgurat li t-tariffi jirriflettu b’mod adegwat il-kostijiet imġarrba fit-twettiq tal-kompiti mitluba, jenħtieġ li l-laboratorji ta’ referenza tal-UE jirrieżaminaw b’mod regolari r-regoli għall-kalkolu tat-tariffi. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Apparati Mediċi, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Struttura tat-tariffi
1. Il-kategoriji tal-kostijiet li ġejjin jistgħu jiġu koperti mit-tariffi imposti mil-laboratorji ta’ referenza tal-UE:
|
(a) |
il-kostijiet tal-persunal, inkluż il-kostijiet tal-ivvjaġġar u l-kostijiet assoċjati tal-akkomodazzjoni u s-sussistenza; |
|
(b) |
kostijiet tat-tagħmir-, meta t-tagħmir ma jkunx ipprovdut mill-manifattur tal-apparat li jrid jiġi ttestjat; |
|
(c) |
kostijiet tal-oġġetti għall-konsum, tal-kampjuni għat-test u tal-materjali ta’ referenza; |
|
(d) |
kostijiet tat-trasport għall-kampjuni; |
|
(e) |
kostijiet tat-traduzzjoni; |
|
(f) |
kostijiet ġenerali tal-operazzjoni tal-laboratorju. |
2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, meta l-laboratorju ta’ referenza tal-UE jkollu kuntratt ma’ laboratorju ieħor f’konformità mal-Artikolu 7(1) jew (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/944 (2), it-tariffa imposta mil-laboratorju ta’ referenza tal-UE tista’ tkopri l-ammont li jkun ħallas lil dak il-laboratorju f’konformità ma’ dak il-kuntratt għall-eżekuzzjoni tal-kompitu mitlub.
Artikolu 2
Livell tat-tariffi
1. It-tariffi imposti mil-laboratorji ta’ referenza tal-UE għandhom ikunu nondiskriminatorji, ġusti, raġonevoli u proporzjonati għas-servizzi mogħtija.
2. Il-laboratorji ta’ referenza tal-UE għandhom jistabbilixxu t-tariffi abbażi tal-kostijiet imġarrba.
Meta l-kalkolu tal-kostijiet imġarrba jkun ta’ piż mhux raġonevoli għal kategorija tal-kostijiet partikolari msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (a) sa (e), il-laboratorji ta’ referenza tal-UE jistgħu jistmaw il-kostijiet imġarrba abbażi tal-kostijiet medji għal dik il-kategorija.
L-ammont tat-tariffa li jkopri l-kostijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1)(f), għandu jiġi ddeterminat billi jiġi kkalkulat perċentwal tal-kostijiet ikkombinati msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (a) sa (e), u ma għandux jikkostitwixxi aktar minn 7 % ta’ dawk il-kostijiet.
Artikolu 3
Regoli għall-kalkolu tat-tariffi
1. Il-laboratorji ta’ referenza tal-UE għandhom jistabbilixxu r-regoli li skonthom jikkalkulaw it-tariffi għat-twettiq tal-kompiti mitluba, inkluż ir-regoli għall-istima tal-kostijiet imġarrba abbażi tal-kostijiet medji, u għandhom jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku fuq is-siti web tagħhom.
2. Il-laboratorji ta’ referenza tal-UE għandhom jirrieżaminaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 mill-inqas kull sentejn u, jekk meħtieġ, jaġġustawhom.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 117, 5.5.2017, p. 176.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/944 tas-17 ta’ Ġunju 2022 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kompiti tal-laboratorji ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea u l-kriterji għalihom fil-qasam tal-apparati mediċi dijanjostiċi in vitro (ara l-paġna 7 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).