17.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 162/13


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/932

tad-9 ta’ Ġunju 2022

dwar arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ kontaminanti fl-ikel, dwar kontenut addizzjonali speċifiku ta’ pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali pluriennali u arranġamenti addizzjonali speċifiċi għat-tħejjija tagħhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(3)(a) u (b) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi r-regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ikel u tas-sikurezza alimentari. L-Artikolu 109 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-obbligu li l-Istati Membri jiżguraw li l-kontrolli uffiċjali jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti abbażi ta’ pjan nazzjonali pluriennali ta’ kontroll (“MANCP”). Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2017/625 jispeċifika l-kontenut ġenerali tal-MANCP, jirrikjedi li fil-MANCP tagħhom l-Istati Membri jipprevedu l-kontrolli uffiċjali fuq il-kontaminanti fl-ikel u f’dan ir-rigward jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tistabbilixxi kontenut addizzjonali speċifiku fl-MANCP u arranġamenti addizzjonali speċifiċi għall-preparazzjoni tiegħu, kif ukoll frekwenza minima uniformi tal-kontrolli uffiċjali, filwaqt li jitqiesu l-perikli u r-riskji relatati mas-sustanzi msemmija fl-Artikolu 19(1) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 ħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE (2), li kienet tipprevedi miżuri għall-monitoraġġ ta’ ċerti sustanzi, fosthom il-kontaminanti, fl-annimali ħajjin u fil-prodotti li joriġinaw mill-annimali, u li kienet stabbiliet b’mod speċifiku r-rekwiżiti għall-pjanijiet ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri għad-detezzjoni tar-residwi jew tas-sustanzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Madankollu, ir-Regolament (UE) 2017/625 ma jinkorporax il-miżuri kollha previsti f’dik id-Direttiva jew fl-atti adottati mill-Kummissjoni abbażi tagħha. Għaldaqstant, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel, ir-Regolament (UE) 2017/625 ippreveda li l-awtoritajiet kompetenti kellhom ikomplu jwettqu l-kontrolli uffiċjali f’konformità mal-Annessi tad-Direttiva 96/23/KE sal-14 ta’ Diċembru 2022 jew sad-data tal-applikazzjoni tar-regoli korrispondenti li jridu jiġu adottati mill-Kummissjoni. Għalhekk, dan ir-Regolament flimkien mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/931 (3) għandu l-għan li jiżgura l-kontinwità tar-regoli tad-Direttiva 96/23/KE dwar il-kontenut tal-MANCP u t-tħejjija tiegħu, kif ukoll il-frekwenza minima tal-kontrolli uffiċjali, fir-rigward tal-kontaminanti fl-ikel, fil-qafas tar-Regolament (UE) 2017/625.

(3)

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontrolli uffiċjali tal-ikel li joriġina mill-annimali li jidħol fl-Unjoni minn pajjiżi terzi, stabbiliti bl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) 2017/625, jixraq li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jinkludu żewġ pjanijiet differenti għall-kontroll tal-kontaminanti fl-ikel fil-MANCPs tagħhom, wieħed għal tali ikel li joriġina mill-annimali li jidħol fl-Unjoni u l-ieħor għal kwalunkwe ikel ieħor imqiegħed fis-suq tal-Unjoni.

(4)

Jenħtieġ li l-pjan għall-ikel li joriġina mill-annimali li jidħol fl-Unjoni ikun jinkludi l-kontrolli uffiċjali dwar dan l-ikel kollu maħsub biex jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni, iżda jinkludi wkoll il-kontrolli uffiċjali dwar il-prodotti tas-sajd li jridu jitwettqu fuq il-bastimenti meta dawn jidħlu f’port ta’ Stat Membru, f’konformità mal-Artikolu 68 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 (4), peress li dawk il-bastimenti jridu jitqiesu bħala simili għall-punti ta’ kontroll fil-fruntiera, irrispettivament mill-bandiera.

(5)

Jenħtieġ li l-pjan għall-ikel imqiegħed fis-suq tal-Unjoni jikkonċerna kull ikel ieħor, partikolarment, il-produzzjoni alimentari nazzjonali ta’ kull Stat Membru, l-ikel introdott minn Stati Membri oħrajn, u l-ikel li ma joriġinax mill-annimali li jidħol fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-pjan jikkonċerna wkoll prodotti komposti fit-tifsira tar-Regolament Delegat tal-Kummiaajoni (UE) 2019/625 (5), anki dawk li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi, peress li xi wħud minn dawk il-prodotti ma għandhomx għalfejn jiġu kkontrollati fil-punti ta’ kontroll fil-fruntiera f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625.

(6)

Barra mir-regoli dwar il-kombinazzjonijiet ta’ kontaminanti jew ta’ gruppi ta’ kontaminanti u ta’ gruppi ta’ prodotti ta’ kampjuni li jridu jittieħdu mill-Istati Membri u l-istrateġija tal-kampjunar inklużi l-kriterji li jridu jużaw biex jiddefinixxu l-kontenut tal-pjanijiet tagħhom u t-twettiq tal-kontrolli uffiċjali relatati stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2022/931, jenħtieġ li jiġu stabbiliti frekwenzi minimi ta’ kontroll f’dan ir-Regolament għal kull wieħed mill-pjanijiet, sabiex jiġi żgurat li l-kontrolli jitwettqu fuq il-prodotti kollha mill-inqas sa ċertu punt fl-Unjoni kollha. Madankollu, sabiex jiġi żgurat il-prinċipju tal-proporzjonalità, jenħtieġ li dawk il-frekwenzi minimi ta’ kontrolli annwali jiġu stabbiliti, skont il-prodotti, b’referenza għad-data ta’ produzzjoni tal-Istati Membri u għad-daqs tal-popolazzjoni tal-Istati Membri, iżda b’ammont minimu raġonevoli, u għall-għadd ta’ kunsinni importati. Għall-istess raġuni, u b’mod partikolari sabiex jiġu evitati piż u kostijiet eċċessivi, jixraq li l-Istati Membri jitħallew ma jwettqux kontrolli uffiċjali kull sena fuq ċerti kombinazzjonijiet ta’ kontaminanti u prodotti, dment li l-MANCPs jiġġustifikaw din l-għażla. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kunsinni importati, il-prodotti tal-ikel importati minn pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2129 (6), li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehimiet ta’ ekwivalenza għall-verifiki fiżiċi, jenħtieġ li ma jingħaddux mal-għadd ta’ kunsinni importati, peress li l-Istati Membri jridu jwettqu l-kontrolli tagħhom b’rata ta’ frekwenza, kif previst f’dawk il-ftehimiet.

(7)

Sabiex jiġi żgurat kontenut komprensiv tal-MANCPs dwar il-preżenza tal-kontaminanti fl-ikel, jenħtieġ li l-informazzjoni li l-Istati Membri jridu jinkludu fil-MANCPs tagħhom fir-rigward tal-għażliet li jkunu għamlu fil-pjanijiet tagħhom tiġi ddefinita.

(8)

Biex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi ta’ dan ir-Regolament, jixraq li l-Istati Membri jintalbu jissottomettu l-pjanijiet ta’ kontroll tagħhom għall-evalwazzjoni għall-evalwazzjoni lill-Kummissjoni fuq bażi annwali u jintalbu jipprovdu proċedura għal dik l-evalwazzjoni.

(9)

Id-data li tinġabar mill-Istati Membri permezz ta’ kontrolli uffiċjali għall-preżenza ta’ kontaminanti fl-ikel trid tiġi trażmessa wkoll lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”) f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Sabiex ikun jista’ jsir il-monitoraġġ tad-data reċenti dwar l-okkorrenza, jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jissottomettu d-data fuq bażi regolari u sal-istess data.

(10)

L-Artikolu 150(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi perjodu tranżitorju li jobbliga lill-Istati Membri jwettqu l-kontrolli uffiċjali f’konformità mad-Direttiva 96/23/KE sal-14 ta’ Diċembru 2022. L-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jipprevedi li l-kontrolli uffiċjali għall-verifika tal-konformità mar-regoli dwar l-ikel u dwar is-sikurezza tal-ikel kif ukoll dwar l-għalf u s-sikurezza tal-għalf għandhom jinkludu l-kontrolli uffiċjali fuq is-sustanzi rilevanti, inklużi s-sustanzi li jintużaw f’materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, fuq il-kontaminanti, fuq sustanzi mhux awtorizzati, ipprojbiti u mhux mixtieqa li l-użu jew il-preżenza tagħhom fuq l-għelejjel jew fuq l-annimali jew fil-produzzjoni jew l-ipproċessar tal-ikel jew tal-għalf jistgħu jirriżultaw f’residwi ta’ dawk is-sustanzi fl-ikel jew fl-għalf. Madankollu, peress li l-aħħar pjanijiet ta’ monitoraġġ adottati mill-Istati Membri skont id-Direttiva 96/23/KE se japplikaw għas-sena 2022, u għalhekk lil hinn mill-14 ta’ Diċembru 2022, huwa xieraq li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali dwar il-preżenza ta’ kontaminanti fl-ikel, fir-rigward:

(a)

tal-frekwenza minima uniformi għat-twettiq annwali ta’ dawn il-kontrolli uffiċjali; u

(b)

tal-arranġamenti speċifiċi u l-kontenut speċifiku għall-MANCPs tal-Istati Membri, minbarra dawk stabbiliti fl-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 (8), fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), fir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/165/UE (12), fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/644 (13) u fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2158 (14).

KAPITOLU II

KONTENUT TAL-MANCP

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parti tal-MANCP li tikkonċerna t-twettiq tal-kontrolli uffiċjali dwar il-preżenza ta’ kontaminanti fl-ikel tinkludi dan li ġej:

(a)

“pjan ta’ kontroll għall-ikel li jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni” kif previst fl-Artikolu 4; u

(b)

“pjan ta’ kontroll għall-ikel li joriġina mill-annimali li jidħol fl-Unjoni” kif previst fl-Artikolu 5.

Artikolu 4

Pjan ta’ kontroll għall-ikel li jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jippreparaw pjan ta’ kontroll li jikkonċerna l-preżenza tal-kontaminanti jew tal-gruppi ta’ kontaminanti dwar l-ikel li jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni, għajr ikel li joriġina mill-annimali li jidħol fl-Unjoni. Dan il-pjan għandu jkopri l-kontrolli uffiċjali fuq il-produzzjoni alimentari nazzjonali ta’ kull Stat Membru, fuq l-ikel introdott minn Stati Membri oħrajn, fuq ikel li ma joriġinax mill-annimali li jidħol fl-Unjoni, u fuq il-prodotti komposti, anki dawk li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi.

2.   Il-pjan ta’ kontroll għall-ikel li jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni għandu jistabbilixxi:

(a)

il-lista ta’ kombinazzjonijiet ta’ kontaminanti jew ta’ gruppi ta’ kontaminanti u ta’ gruppi ta’ prodotti li jridu jiġu kkontrollati kif deċiż mill-Istat Membru f’konformità mal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/931;

(b)

l-istrateġija tal-kampjunar kif deċiża mill-Istat Membru f’konformità mal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2022/931; u

(c)

il-frekwenzi reali tal-kontrolli kif ikun deċiż mill-Istat Membru li jkun qies il-frekwenzi minimi annwali tal-kontrolli stabbiliti fl-Anness I.

3.   Fil-pjanijiet ta’ kontrolli, l-Istati Membri jistgħu jinkludu informazzjoni dwar il-kontrolli fir-rigward tal-kombinazzjonijiet ta’ kontaminanti jew ta’ gruppi ta’ kontaminanti u ta’ gruppi ta’ prodotti li għalihom il-livelli massimi nazzjonali jew livelli regolatorji oħra jkunu stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Artikolu 5

Pjan tal-kontrolli għall-ikel li joriġina mill-annimali li jidħol fl-Unjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jippreparaw pjan ta’ kontroll li jikkonċerna l-preżenza tal-kontaminanti jew tal-gruppi ta’ kontaminanti fl-ikel li joriġina mill-annimali li jidħol fl-Unjoni u hu maħsub għat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni. Dan il-pjan għandu jkopri l-kontrolli uffiċjali dwar l-ikel li joriġina mill-annimali li jidħol fl-Unjoni u maħsub biex jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni u dwar il-prodotti tas-sajd li jridu jitwettqu fuq il-bastimenti meta dawn jidħlu f’port ta’ Stat Membru.

2.   Il-pjan ta’ kontroll għall-ikel li joriġina mill-annimali li jidħol fl-Unjoni għandu jistabbilixxi:

(a)

il-lista ta’ kombinazzjonijiet ta’ kontaminanti jew ta’ gruppi ta’ kontaminanti u ta’ gruppi ta’ prodotti li jridu jiġu kkontrollati kif deċiż mill-Istat Membru f’konformità mal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/931;

(b)

l-istrateġija tal-kampjunar kif deċiża mill-Istat Membru f’konformità mal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2022/931; u

(c)

il-frekwenzi reali tal-kontrolli kif ikun deċiż mill-Istat Membru li jkun qies il-frekwenzi minimi annwali tal-kontrolli stabbiliti fl-Anness II.

3.   Fil-pjanijiet ta’ kontrolli, l-Istati Membri jistgħu jinkludu informazzjoni dwar il-kontrolli fir-rigward tal-kombinazzjonijiet ta’ kontaminanti jew ta’ gruppi ta’ kontaminanti u ta’ gruppi ta’ prodotti li għalihom il-livelli massimi nazzjonali jew livelli regolatorji oħra jkunu stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Artikolu 6

Rekwiżiti komuni għall-pjanijiet ta’ kontroll

Il-pjanijiet ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 3 għandhom, addizzjonalment, jispeċifikaw:

(a)

ġustifikazzjoni għal kombinazzjonijiet magħżula ta’ kontaminanti jew ta’ gruppi ta’ kontaminanti u ta’ gruppi ta’ prodotti, inkluża spjegazzjoni dwar kif il-kriterji elenkati fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/931 ittieħdu inkonsiderazzjoni, anki jekk ma tkun saret l-ebda bidla meta mqabbel mal-pjan tas-sena preċedenti;

(b)

f’każ li l-pjan jipprevedi li l-kontrolli uffiċjali ta’ ċerti kombinazzjonijiet ta’ kontaminanti jew ta’ gruppi ta’ kontaminanti u ta’ gruppi ta’ prodotti ma jitwettqux annwalment iżda f’ċertu perjodu ta’ żmien, ġustifikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni; u

(c)

informazzjoni dwar l-awtorità/awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-implimentazzjoni tal-pjanijiet.

KAPITOLU III

SOTTOMISSJONI U EVALWAZZJONI TAL-PJANIJIET TA’ KONTROLL U S-SOTTOMISSJONI TAD-DATA MILL-ISTATI MEMBRI

Artikolu 7

Sottomissjoni u evalwazzjoni tal-pjanijiet ta’ kontroll

Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jissottomettu b’mod elettroniku lill-Kummissjoni, il-pjanijiet ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 3 għas-sena attwali.

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-pjanijiet ta’ kontroll abbażi ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament Delegat (UE) 2022/931 u għandha tikkomunika l-evalwazzjoni tagħha lill-Kull Stat Membru, fejn meħtieġ.

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-kummenti tal-Kummissjoni meta jimplimentaw il-pjanijiet ta’ kontroll tagħhom u meta jkunu qed iħejju s-sottomissjoni tal-pjanijiet tagħhom li jmiss skont dan l-Artikolu. Madankollu, meta l-Kummissjoni tidentifika nuqqas ta’ konformità kbira ta’ pjan, tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat jissottometti pjan aġġornat f’data aktar kmieni mill-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

Meta Stat Membru jiddeċiedi li ma jaġġornax il-pjanijiet ta’ kontroll tiegħu abbażi tal-kummenti tal-Kummissjoni, għandu jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu.

Artikolu 8

Sottomissjoni tad-data mill-Istati Membri

Sat-30 ta’ Ġunju, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-data kollha miġbura skont il-pjanijiet ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 3 lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”).

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta’ April 1996 dwar miżuri għall-monitoraġġ ta’ ċerti sustanzi u residwi tagħhom f’annimali ħajjin u fi prodotti tal-annimali u li tħassar id-Direttivi 85/358/KEE u 86/469/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/187/KEE u 91/664/KEE (ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/931 tat-23 ta’ Marzu 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi r-regoli għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-kontaminanti fl-ikel (ara l-paġna 7 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 tal-15 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 51).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/625 tal-4 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti annimali u oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 18).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2129 tal-25 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni uniformi ta’ rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi fuq ċerti kunsinni ta’ annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 122).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat- 8 ta’ Frar 1993 li jistabblixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/165/UE tas-27 ta’ Marzu 2013 dwar il-preżenza tat-tossini T-2 u HT-2 fiċ-ċereali u fil-prodotti taċ-ċereali (ĠU L 91, 3.4.2013, p. 12).

(13)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/644 tal-5 ta’ April 2017 li jistabbilixxi metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll tal-livelli ta’ diossini, PCBs simili għad-diossini u PCBs mhux simili għad-diossini f’ċerti oġġetti tal-ikel u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 589/2014 (ĠU L 92, 6.4.2017, p. 9).

(14)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2158 tal-20 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi miżuri ta’ mitigazzjoni u livelli ta’ parametri referenzjarji għat-tnaqqis tal-preżenza tal-akrilammid fl-ikel (ĠU L 304, 21.11.2017, p. 24).


ANNESS I

Frekwenza minima għall-kontrolli ta’ kull Stat Membru fil-pjan ta’ kontroll għall-ikel li jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni

1.   Ikel li joriġina mill-annimali

(a)

L-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-frekwenzi minimi ta’ kontroll fil-pjan ta’ kontroll għall-ikel li jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni:

 

Frekwenza tal-kontrolli

Laħam taċ-ċanga mhux ipproċessat (inkluż il-ġewwieni li jittiekel)

Minimu ta’ 0,02 % tan-numru totali ta’ annimali maqtula

Laħam tal-ovini u tal-kaprini mhux ipproċessat (inkluż il-ġewwieni li jittiekel)

Minimu ta’ 0,004 % tan-numru totali ta’ annimali maqtula

Laħam tal-porċini mhux ipproċessat (inkluż il-ġewwieni li jittiekel)

Minimu ta’ 0,003 % tan-numru totali ta’ annimali maqtula

Laħam tal-ekwini mhux ipproċessat (inkluż il-ġewwieni li jittiekel)

In-numru tal-kampjuni jrid jiġi stabbilit minn kull Stat Membru skont il-livell tal-produzzjoni u l-problemi identifikati

Laħam tat-tjur mhux ipproċessat (inkluż il-ġewwieni li jittiekel)

Għal kull kategorija ta’ tjur ikkunsidrata (tiġieġ tas-simna, tiġieġ eżawriti, dundjani u tjur oħrajn), minimu ta’ kampjun għal kull 3 000 tunnellata ta’ produzzjoni annwali (piż mejjet)

Laħam mhux ipproċessat minn annimali terrestri mrobbija oħrajn  (*1) (inkluż il-ġewwieni li jittiekel)

In-numru tal-kampjuni jrid jiġi stabbilit minn kull Stat Membru skont il-livell tal-produzzjoni u l-problemi identifikati

Ħalib tal-bovini mhux ipproċessat

Minimu ta’ kampjun għal kull 110 000 tunnellata ta’ produzzjoni annwali ta’ ħalib

Ħalib tal-ovini u tal-kaprini mhux ipproċessat

In-numru tal-kampjuni jrid jiġi stabbilit minn kull Stat Membru skont il-livell tal-produzzjoni u l-problemi identifikati

Bajd tat-tiġieġ u bajd ieħor frisk

Minimu ta’ kampjun għal kull 3 700 tunnellata ta’ produzzjoni annwali ta’ bajd

Għasel

Minimu ta’ kampjun għal kull 1 300 tunnellata ta’ produzzjoni annwali

Prodotti tas-sajd mhux ipproċessati  (*2) (minbarra l-krustaċji)

Minimu ta’ kampjun għal kull 700 tunnellata ta’ produzzjoni annwali tal-akkwakultura għall-ewwel 60 000 tunnellata ta’ produzzjoni u mbagħad kampjun għal kull 2 000 tunnellata addizzjonali

Għall-prodotti tas-sajd selvaġġi, in-numru tal-kampjuni jrid jiġi stabbilit minn kull Stat Membru skont il-livell tal-produzzjoni u l-problemi identifikati

Krustaċji u molluski bivalvi

In-numru tal-kampjuni jrid jiġi stabbilit minn kull Stat Membru skont il-livell tal-produzzjoni u l-problemi identifikati

Xaħmijiet u żjut tal-annimali u tal-baħar

In-numru tal-kampjuni jrid jiġi stabbilit minn kull Stat Membru skont il-livell tal-produzzjoni u l-problemi identifikati

Prodotti ipproċessati li joriġinaw mill-annimali (*3)

In-numru tal-kampjuni jrid jiġi stabbilit minn kull Stat Membru skont il-livell tal-produzzjoni u l-problemi identifikati

(b)

Kull sena, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-kontrolli għall-“metalli” f’minimu ta’ 10 % tal-kampjuni li jkunu ttieħdu għal kull grupp ta’ prodotti f’konformità mat-tabella ta’ dan l-Anness, bl-eċċezzjoni tal-gruppi ta’ prodotti “krustaċji u molluski bivalvi”, “xaħmijiet u żjut tal-annimali u tal-baħar” u “prodotti pproċessati li joriġinaw mill-annimali”.

(c)

Kull sena, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-kontrolli għall-“mikotossini” f’minimu ta’ 10 % tal-kampjuni li jkunu ttieħdu għall-grupp ta’ prodotti “ħalib tal-bovini mhux ipproċessat” u “ħalib tal-ovini u tal-kaprini mhux ipproċessat” f’konformità mat-tabella ta’ dan l-Anness.

(d)

Fil-grupp tal-prodotti “laħam tal-bovini, tal-ovini u tal-kaprini mhux ipproċessat” (inkluż il-ġewwieni li jittiekel), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-kampjuni mill-ispeċijiet kollha, filwaqt li jqisu l-volum tal-produzzjoni relattiv tagħhom.

(e)

Fil-grupp tal-prodotti “laħam tat-tjur mhux ipproċessat (inkluż il-ġewwieni li jittiekel)”, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-kampjuni mill-ispeċijiet kollha, filwaqt li jqisu l-volum ta’ produzzjoni relattiv tagħhom.

(f)

Biex jiġi ddeterminat in-numru ta’ kampjuni għall-prodotti tas-sajd u għall-molluski bivalvi, l-Istati Membru għandhom iqisu wkoll l-aspetti ġeografiċi, il-volumi tal-ħatt/tal-produzzjoni u x-xejriet speċifiċi ta’ kontaminazzjoni fiż-żoni li minnhom ikunu ġew maħsuda.

(g)

Għall-kalkolu tal-frekwenzi minimi tal-kontrolli, l-Istati Membri għandhom jużaw l-aktar data reċenti disponibbli dwar il-produzzjoni, tal-inqas dik tas-sena ta’ qabel jew, l-iżjed l-iżjed dik tas-sena ta’ qabel tal-aħħar, aġġustata, jekk rilevanti, biex tirrifletti l-evoluzzjonijiet magħrufa fil-produzzjoni minn meta d-data tkun saret disponibbli.

(h)

F’każ li l-frekwenza tal-kontrolli kkalkulata f’konformità ma’ dan l-Anness tkun tirrappreżenta inqas minn ħames kampjuni fis-sena, il-kampjunar jista’ jitwettaq darba kull sentejn.

(i)

F’każ li f’perjodu ta’ tliet snin, il-produzzjoni li tikkorrispondi ma’ minimu ta’ kampjun wieħed ma tintlaħaqx, l-Istati Membri għandhom janalizzaw minimu ta’ żewġ kampjuni darba kull tliet snin dment li l-produzzjoni titwettaq għal dak il-prodott fit-territorju tagħhom.

(j)

Il-kampjuni li jittieħdu għall-finijiet ta’ pjanijiet ta’ kontroll oħrajn li jkunu rilevanti għall-analiżi dwar il-kontaminanti (eż. dwar sustanzi farmakoloġikament attivi u r-residwi tagħhom, dwar ir-residwi tal-pestiċidi), jistgħu jintużaw ukoll għall-kontrolli għall-kontaminanti dment li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontrolli għall-kontaminanti.

2.   Ikel li ma joriġinax mill-annimali (1)

L-Istati Membri għandhom jieħdu mill-inqas 100 sa 2 000 kampjun fis-sena skont id-daqs tal-popolazzjoni tagħhom. Madankollu, fejn ikun iġġustifikat minħabba r-riskju, għandhom jittieħdu aktar kampjuni biex jiġi żgurat li l-kontrolli jibqgħu effettivi.

Il-kampjunar għandu jkun rappreżentattiv għall-kontaminanti diversi, li jistgħu jkunu preżenti fi prodotti diversi fis-suq tal-Istat Membru, filwaqt li jqisu wkoll xejriet differenti tal-kontaminanti fi prodotti li joriġinaw minn reġjuni diversi u n-numri u d-daqsijiet diversi tal-operaturi tan-negozji tal-ikel.


(*1)  Annimali terrestri mrobbijin oħrajn kif iddefiniti fl-entrata 1017000 fil-Parti A tal-Anness I, tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(*2)  Prodotti tas-sajd kif iddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 853/2004.

(*3)  Prodotti pproċessati kif iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 852/2004.

(1)  Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kriterji rilevanti għall-ikel li ma joriġinax mill-annimali għandhom japplikaw għall-prodotti komposti.


ANNESS II

Frekwenza minima ta’ kontrolli għal kull Stat Membru fil-pjan tal-kontrolli tal-ikel li joriġina mill-annimali li jidħol fl-Unjoni

L-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-frekwenza minima ta’ kontrolli kif stabbilita fit-tabella hawn taħt.

Il-kontrolli mwettqa skont l-Artikoli 47(1)(d) (verifiki msaħħa) u 47(1)(e) (miżuri ta’ salvagwardja) tar-Regolament (UE) 2017/625, ma għandhomx jingħaddu għall-kisba tal-frekwenzi minimi tal-kontrolli ta’ dan l-Anness.

Il-kontrolli mwettqa skont il-miżuri ta’ emerġenza stabbiliti u l-kontrolli uffiċjali intensifikati, abbażi tal-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u tal-Artikolu 65(4) tar-Regolament (UE) 2017/625, ma għandhomx jingħaddu għall-kisba tal-frekwenzi minimi tal-kontrolli ta’ dan l-Anness.

Il-kontrolli tal-prodotti tal-ikel minn ċerti pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/2129, li bihom l-Unjoni kkonkludiet ftehimiet ta’ ekwivalenza għall-verifiki fiżiċi, ma għandhomx jingħaddu għall-kisba tal-frekwenzi minimi tal-kontrolli ta’ dan l-Anness.

Għall-kontrolli tal-prodotti tas-sajd imwettqa f’konformità mal-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2019/627, l-Istati Membri għandhom iqisu l-aspetti ġeografiċi, il-volumi tal-ħatt/tal-produzzjoni u x-xejriet speċifiċi ta’ kontaminazzjoni fiż-żoni li minnhom ikunu nħasdu.

 

Frekwenza tal-kontrolli

Bovini (inkluż il-laħam, l-ikkapuljat, il-laħam separat mekkanikament, il-ġewwieni li jittiekel, il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam)

Minimu ta’ 1 % tal-kunsinni importati

Ovini/kaprini (inkluż il-laħam, l-ikkapuljat, il-laħam separat mekkanikament, il-ġewwieni li jittiekel, il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam)

Minimu ta’ 1 % tal-kunsinni importati

Porċini (inkluż il-laħam, l-ikkapuljat, il-laħam separat mekkanikament, il-ġewwieni li jittiekel, il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam)

Minimu ta’ 1 % tal-kunsinni importati

Ekwini (inkluż il-laħam, l-ikkapuljat, il-laħam separat mekkanikament, il-ġewwieni li jittiekel, il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam)

Minimu ta’ 1 % tal-kunsinni importati

Tjur (inkluż il-laħam, l-ikkapuljat, il-ġewwieni li jittiekel, il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam)

Minimu ta’ 1 % tal-kunsinni importati

Il-laħam ta’ annimali terrestri mrobbija oħrajn (*1) (inkluż il-laħam, l-ikkapuljat, il-ġewwieni li jittiekel, il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam)

Minimu ta’ 1 % tal-kunsinni importati

Ħalib (inkluż il-ħalib mhux ipproċessat, il-prodotti tal-ħalib, il-kolostru u l-prodotti bbażati fuq il-kolostru tal-ispeċijiet kollha)

Minimu ta’ 1 % tal-kunsinni importati

Bajd (inkluż il-bajd u l-prodotti tal-bajd mill-ispeċijiet tal-għasafar kollha)

Minimu ta’ 1 % tal-kunsinni importati

Għasel (inkluż l-għasel u prodotti tal-apikultura oħrajn)

Minimu ta’ 1 % tal-kunsinni importati

Prodotti tas-sajd mhux ipproċessati  (*2) minbarra l-krustaċji

Minimu ta’ 1 % tal-kunsinni importati

Krustaċji u molluski bivalvi (inkluż il-laħam tal-muskoli u l-prodotti tal-laħam tal-muskoli)

Minimu ta’ 1 % tal-kunsinni importati

Xaħmijiet u żjut tal-annimali u tal-baħar mhux ipproċessati  (*3)

Minimu ta’ 1 % tal-kunsinni importati

Dispożizzjonijiet addizzjonali:

1.

Il-frekwenza tal-kontrolli tal-prodotti pproċessati oħrajn li joriġinaw mill-annimali, bħall-ġelatina u l-kollaġen, għandhom jiġu ddeterminati minn kull Stat Membru li jqis in-numru ta’ kunsinni importati u l-problemi identifikati.

2.

Għall-kalkolu tal-frekwenzi minimi tal-kontrolli elenkati f’dan l-Anness, l-Istati Membri għandhom jużaw l-aktar data reċenti tan-numru ta’ kunsinni li jidħlu fl-Unjoni permezz tal-postijiet ta’ kontroll mal-fruntiera tagħhom, tal-inqas mis-sena ta’ qabel jew l-iżjed l-iżjed mis-sena ta’ qabel tal-aħħar.

3.

F’każ li n-numru ta’ kunsinni tal-ikel li jidħol fl-Unjoni u jkun maħsub għat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni jkun inqas min-numru ta’ kunsinni li jikkorrispondu ma’ kampjun wieħed, l-Istati Membri jistgħu jwettqu l-kampjunar darba kull sentejn jew kull tliet snin. F’każ li n-numru ta’ kunsinni importati fuq perjodu ta’ tliet snin ikun aktar baxx min-numru ta’ kunsinni li jikkorrispondu ma’ kampjun wieħed, l-Istati Membri għandhom jieħdu mill-inqas kampjun wieħed kull tliet snin.

4.

Il-kampjuni li jittieħdu għall-finijiet ta’ pjanijiet ta’ kontroll oħrajn li jkunu rilevanti għall-analiżi dwar il-kontaminanti (eż. dwar sustanzi farmakoloġikament attivi u r-residwi tagħhom, dwar ir-residwi tal-pestiċidi eċċ.), jistgħu jintużaw ukoll għall-kontrolli għall-kontaminanti dment li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontrolli għall-kontaminanti.


(*1)  Annimali terrestri mrobbijin oħrajn kif iddefiniti fl-entrata 1017000 fil-Parti A tal-Anness I, tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(*2)  Prodotti tas-sajd kif iddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 853/2004.

(*3)  Prodotti pproċessati kif iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 852/2004.