3.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 152/103


REGOLAMENT (UE) 2022/870 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Mejju 2022

dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li tissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) jikkostitwixxi l-bażi tar-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE (3), it-Titolu IV tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jirrigwarda l-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, ġie applikat proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2016, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017, wara r-ratifika mill-Istati Membri kollha.

(2)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jesprimi x-xewqa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (il- “Partijiet”) li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b’mod ambizzjuż u innovattiv, li jiffaċilitaw u jiksbu integrazzjoni ekonomika gradwali, u li jagħmlu dan f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tal-Partijiet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(3)

L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistabbilixxi, fost affarijiet oħra, l-osservanza tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif ukoll il-promozzjoni tal-osservanza tal-prinċipji tas-sovranità u l-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri u l-indipendenza bħala elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

(4)

L-Artikolu 25 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi għall-istabbiliment progressiv ta’ żona ta’ kummerċ ħieles bejn il-Partijiet f’konformità mal-Artikolu XXIV tal-Ftehim Ġenerali tal-1994 dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (‘GATT 1994’). Għal dan il-għan, l-Artikolu 29 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi l-eliminazzjoni progressiva tad-dazji doganali f’konformità mal-Iskedi inklużi fih u l-possibbiltà li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali eliminazzjoni jitħaffef u jitwessa’. L-Artikolu 48 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi li l-interess pubbliku għandu jiġi kkunsidrat qabel ma jiġu applikati miżuri antidumping bejn il-Partijiet.

(5)

Il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 kellha impatt negattiv profond fuq il-kapaċità tal-Ukrajna li tinnegozja mal-bqija tad-dinja, kemm minħabba l-qerda tal-kapaċità tal-produzzjoni kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ proporzjon sinifikanti ta’ mezzi tat-trasport minħabba l-għeluq tal-aċċess għall-Baħar l-Iswed. F’ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn u biex jittaffa l-impatt ekonomiku negattiv tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jenħtieġ li jitħaffef l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ekonomiċi aktar mill-qrib bejn l-Unjoni u l-Ukrajna sabiex jingħata appoġġ rapidu lill-awtoritajiet u lill-popolazzjoni Ukreni. Huwa għalhekk neċessarju u xieraq li jiġu stimulati l-flussi kummerċjali u li jingħataw konċessjonijiet fil-forma ta’ miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ għall-prodotti kollha f’konformità mal-aċċellerazzjoni tal-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq il-kummerċ bejn l-Unjoni u l-Ukrajna.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni għandha tiżgura l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha. Skont l-Artikolu 207(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

(7)

Il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jieħdu l-forma li ġejja: (i) it-tneħħija sħiħa tad-dazji fuq l-importazzjoni (dazji doganali preferenzjali) fuq l-importazzjoni ta’ prodotti industrijali mill-Ukrajna; (ii) is-sospensjoni tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ prezzijiet ta’ dħul għall-frott u l-ħxejjex; (iii) is-sospensjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji u t-tneħħija sħiħa tad-dazji fuq l-importazzjoni; (iv) b’deroga mis-subparagrafu 1 tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jenħtieġ li d-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Ukrajna li jsiru matul l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jinġabru fl-ebda mument, inkluż wara l-iskadenza ta’ dan ir-Regolament; u (v) is-sospensjoni temporanja tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Permezz ta’ dawk il-miżuri, l-Unjoni, fil-fatt, se tipprovdi temporanjament appoġġ ekonomiku u finanzjarju xieraq għall-benefiċċju tal-Ukrajna u l-operaturi ekonomiċi li huma affettwati.

(8)

Sabiex tiġi evitata l-frodi, l-arranġamenti preferenzjali stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu kondizzjonali fuq li l-Ukrajna tikkonforma mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha biex tikseb benefiċċji skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inklużi r-regoli tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati u l-proċeduri relatati magħhom, kif ukoll l-involviment tal-Ukrajna f’kooperazzjoni amministrattiva mill-qrib mal-Unjoni, kif previst mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

(9)

Jenħtieġ li l-Ukrajna tastjeni milli tintroduċi dazji jew imposti ġodda li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti, milli żżid il-livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti jew milli tintroduċi kwalunkwe restrizzjoni oħra fuq il-kummerċ mal-Unjoni, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat b’mod ċar fil-kuntest tal-gwerra. Fil-każ li l-Ukrajna tonqos milli tkun konformi ma’ kwalunkwe waħda minn dawk il-kondizzjonijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tissospendi temporanjament l-arranġamenti preferenzjali kollha jew parti minnhom stabbiliti minn dan ir-Regolament.

(10)

L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi li, fost affarijiet oħra, l-osservanza għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif ukoll il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, materjali relatati u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiddikjara li l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ġlieda kontra l-forom differenti ta’ kriminalità organizzata transnazzjonali u terroriżmu, il-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli u multilateraliżmu effettiv huma ċentrali għat-tisħiħ tar-relazzjoni bejn il-Partijiet. Huwa xieraq li tiddaħħal il-possibbiltà li l-arranġamenti preferenzjali stabbiliti b’dan ir-Regolament jiġu temporanjament sospiżi jekk l-Ukrajna tonqos milli tosserva l-prinċipji ġenerali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, bħalma hu l-każ fi ftehimiet ta’ assoċjazzjoni oħra konklużi mill-Unjoni.

(11)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tissospendi temporanjament l-arranġamenti preferenzjali u biex tintroduċi miżuri korrettivi, kif imsemmi fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament, f’każijiet fejn il-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jkunu f’kompetizzjoni diretta huma jew jistgħu jkunu affettwati serjament mill-importazzjonijiet skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(12)

Soġġett għal investigazzjoni mill-Kummissjoni, huwa meħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu introdotti mill-ġdid id-dazji doganali altrimenti applikabbli skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-importazzjonijiet ta’ kwalunkwe prodott li jaqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament li jikkawża, jew jhedded li jikkawża, diffikultajiet serji għall-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jkunu f’kompetizzjoni diretta.

(13)

Jenħtieġ li r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv, li huwa parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni tal- miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stabbiliti permezz ta’ dan ir-Regolament.

(14)

Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni relatata mas-sitwazzjoni kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jitqies li huwa xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-TFUE u mat-Trattat li jistabbilixxi l- Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(15)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza fl-Ukrajna, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi dispożizzjoni tranżitorja xierqa u jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ

1.   Jiġu introdotti l-arranġamenti preferenzjali li ġejjin:

(a)

id-dazji doganali preferenzjali fuq l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti industrijali li joriġinaw fl-Ukrajna li huma soġġetti għal eliminazzjoni gradwali ta’ seba’ snin f’konformità mal-Anness I-A tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandhom jiġu stabbiliti għal żero;

(b)

l-applikazzjoni tas-sistema ta’ prezzijiet ta’ dħul għandha tiġi sospiża għal dawk il-prodotti li għalihom tapplika kif speċifikat fl-Anness I-A tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. L-ebda dazju doganali ma għandu japplika għall-importazzjonijiet ta’ dawk il-prodotti;

(c)

il-kwoti tariffarji kollha stabbiliti skont l-Anness I-A tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandhom jiġu sospiżi u l-prodotti koperti minn dawk il-kwoti għandhom jiġu ammessi għall-importazzjoni fl-Unjoni mill-Ukrajna mingħajr ebda dazju doganali.

2.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036, id-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Ukrajna li jsiru matul l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma għandhom jinġabru fl-ebda mument, inkluż wara l-iskadenza ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/478 għandha tkun temporanjament sospiża fir-rigward ta’ importazzjonijiet li joriġinaw fl-Ukrajna.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet għad-dritt għall-arranġamenti preferenzjali

L-arranġamenti preferenzjali previsti mill-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 1(1) għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-konformità mar-regoli tal-oriġini tal-prodotti u l-proċeduri relatati magħhom kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;

(b)

l-astensjoni tal-Ukrajna milli tintroduċi dazji jew imposti ġodda li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal importazzjonijiet li joriġinaw mill-Unjoni, milli żżid il-livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti jew milli tintroduċi kull restrizzjoni oħra, inkluż miżuri diskriminatorji amministrattivi interni, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat b’mod ċar fil-kuntest tal-gwerra; u

(c)

l-osservanza tal-Ukrajna tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-osservanza tal-prinċipju tal-istat tad-dritt kif ukoll sforzi kontinwi u sostnuti fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u attivitajiet illegali previsti fl-Artikoli 2, 3 u 22 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

Artikolu 3

Sospensjoni temporanja

1.   Fejn il-Kummissjoni ssib li jkun hemm biżżejjed evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità mill-Ukrajna mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2, hija tista’ tissospendi kompletament jew parzjalment l-arranġamenti preferenzjali previsti fl-Artikolu 1(1), il-punti (a), (b) u (c) permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(2).

2.   Meta Stat Membru jitlob li l-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe wieħed mill-arranġamenti preferenzjali abbażi tan-nuqqas mill-Ukrajna li tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 2, il-Kummissjoni għandha tipprovdi opinjoni motivata fi żmien erba’ xhur minn tali talba dwar jekk il-pretensjoni tan-nuqqas tal-Ukrajna li tikkonforma hijiex sostanzjata. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-allegazzjoni tkun sostanzjata, għandha tagħti bidu għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Klawżola ta’ salvagwardja

1.   Fejn prodott li joriġina fl-Ukrajna jiġi impurtat fuq termini li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, diffikultajiet serji għal produtturi fl-Unjoni ta’ prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta, id-dazji doganali altrimenti applikabbli skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fuq importazzjonijiet ta’ dak il-prodott jistgħu jerġgħu jiġu introdotti fi kwalunkwe ħin.

2.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja mill-qrib l-impatt ta’ dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni, filwaqt li tqis l-informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet u l-produzzjoni fl-Unjoni tal-prodotti soġġetti għall-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stabbiliti permezz ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni biex tagħti bidu għal investigazzjoni f’perijodu ta’ żmien raġonevoli:

(a)

fuq talba ta’ Stat Membru;

(b)

fuq talba ta’ persuna ġuridika jew assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li taġixxi f’isem l-industrija tal-Unjoni, jiġifieri l-produtturi kollha fl-Unjoni jew proporzjon kbir minnhom ta’ prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta; jew

(c)

fuq l-inizjattiva tagħha stess jekk ikun ċar għall-Kummissjoni li hemm biżżejjed evidenza prima facie tad-diffikultajiet serji għall-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta kif imsemmija fil-paragrafu 1.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, “proporzjon kbir ta’ produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta” ifisser il-produtturi fl-Unjoni li l-produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali fl-Unjoni ta’ prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta prodotti minn dak il-proporzjon tal-industrija fl-Unjoni li jesprimi appoġġ jew oppożizzjoni għat-talba, u li jirrappreżentaw mhux inqas minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodotti simili jew il-prodotti f’kompetizzjoni diretta prodotti mill-industrija fl-Unjoni.

4.   Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti bidu għal investigazzjoni, għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar il-bidu tal-investigazzjoni. L-avviż għandu jipprovdi sommarju tal-informazzjoni riċevuta u jiddikjara li jenħtieġ li kull informazzjoni relevanti tintbagħat lill-Kummissjoni. Għandu jispeċifika l-perijodu li matulu l-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub. Dan il-perijodu ma għandux jeċċedi erba’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż.

5.   Il-Kummissjoni għandha tfittex l-informazzjoni kollha li tqis meħtieġa u tista’ tivverifika l-informazzjoni li taslilha mal-Ukrajna jew kwalunkwe sors rilevanti ieħor. Hija tista’ tiġi megħjuna mill-uffiċjali tal-Istati Membru li fit-territorju tiegħu tista’ tintalab verifika, jekk dak l-Istat Membru jitlob tali assistenza minn dawk l-uffiċjali.

6.   Meta tkun qed teżamina jekk jeżistux diffikultajiet serji għall-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tqis, fost l-oħrajn, il-fatturi li ġejjin li jikkonċernaw produtturi tal-Unjoni, fejn informazzjoni rilevanti tkun disponibbli:

sehem mis-suq,

produzzjoni,

ħażniet,

kapaċità tal-produzzjoni,

użu ta’ kapaċita,

impjiegi,

importazzjonijiet,

prezzijiet.

7.   L-investigazzjoni għandha titlesta fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni tal-avviż imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. F’ċirkostanzi eċċezzjonali il-Kummissjoni tista’ testendi dak il-perijodu permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(2).

8.   Fi żmien tliet xhur mit-tlestija tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar jekk terġax tintroduċi d-dazji doganali altrimenti applikabbli skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-Regolament. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jidħol fis-seħħ fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tiegħu.

Id-dazji doganali altrimenti applikabbli skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid sakemm ikun meħtieġ biex jiġi miġġieled id-deterjorament fis-sitwazzjoni ekonomika jew finanzjarja tal-produtturi tal-Unjoni, jew sakemm tippersisti t-theddida ta’ tali deterjorament. Fejn il-fatti kif jiġu finalment stabbiliti juru li l-kondizzjonijiet indikati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jkunux ġew sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jtemm l-investigazzjoni u l-proċedimenti. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-Regolament.

9.   Fejn ċirkostanzi eċċezzjonali li jeħtieġu azzjoni immedjata jagħmluha impossibbli li ssir investigazzjoni, il-Kummissjoni tista’, wara li tgħarraf lill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali msemmi fl-Artikolu 5(1), tieħu kwalunkwe miżura preventiva li tkun meħtieġa.

Artikolu 5

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit bl-Artikolu 285 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 6

Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ

Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv għandu jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti f’dan ir-Regolament u għandu jinkludi, sa fejn ikun xieraq, valutazzjoni tal-impatt soċjali ta’ dawn il-miżuri fl-Ukrajna u fl-Unjoni. L-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ prodotti skont l-Artikolu 1(1), punt (c), għandha tkun disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

Dispożizzjoni tranżitorja

L-arranġamenti preferenzjali msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (a), (b) u (c), għandhom japplikaw għal prodotti li, fl-4 ta’ Ġunju 2022, ikunu fi tranżitu mill-Ukrajna lejn l-Unjoni jew taħt kontroll doganali fl-Unjoni, soġġetti għal talba f’dak is-sens lill-awtoritajiet doganali responsabbli tal-Unjoni fi żmien sitt xhur minn dik id-data.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika sal-5 ta’ Ġunju 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Mejju 2022.

(2)   ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE tat-23 ta’ Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-Titolu III (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trattament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra) u t-Titoli IV, V, VI u VII tiegħu, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati (ĠU L 278, 20.9.2014, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).