25.5.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 146/6 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/814
tal-20 ta’ Mejju 2022
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva heptamaloxyloglucan
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu, tal-Artikolu 17 tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (2) tistabbilixxi s-sustanzi attivi meqjusin approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009. |
(2) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/745 (3) estenda l-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva heptamaloxyloglucan sal-31 ta’ Mejju 2022. |
(3) |
L-applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ dik is-sustanza attiva tressqet bi qbil mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (4). Għalkemm ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 ġie revokat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1740 (5), id-dispożizzjonijiet dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ dawk is-sustanzi attivi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 844/2012, jibqgħu japplikaw f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1740. |
(4) |
Minħabba l-fatt li l-valutazzjoni tas-sustanza attiva heptamaloxyloglucan iddewmet għal raġunijiet li ma kinux fil-kontroll tal-applikant, aktarx li l-approvazzjoni ta’ dik is-sustanzi attivi se tiskadi qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk, il-perjodu ta’ approvazzjoni tagħha jeħtieġ li jiġi estiż biex jiġi pprovdut ż-żmien meħtieġ ħalli titlesta l-valutazzjoni. |
(5) |
Rigward każijiet meta l-Kummissjoni tkun se tadotta Regolament li jipprevedi li l-approvazzjoni tas-sustanza attiva msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament ma tiġġeddidx għax ma jkunux ġew issodisfati l-kriterji għall-approvazzjoni, il-Kummissjoni trid tiffissa d-data ta’ skadenza li tkun l-istess data ta’ qabel dan ir-Regolament, jew id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, dejjem jekk l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ma tiġġeddidx, skont liema data tiġi l-aħħar. Rigward każijiet meta l-Kummissjoni tkun se tadotta Regolament li jipprevedi t-tiġdid tas-sustanza attiva msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni se tara li tistabbilixxi, skont iċ-ċirkostanzi, l-eqreb data ta’ applikazzjoni possibbli. |
(6) |
Għalhekk, r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan. |
(7) |
Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni fid-dawl tal-iskadenza viċina tal-approvazzjoni attwali fil-31 ta’ Mejju 2022, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun. |
(8) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/745 tas-6 ta’ Mejju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi sulfat tal-aluminju u tal-ammonju, silikat tal-aluminju, beflubutamid, benthiavalicarb, bifenazate, boscalid, karbonat tal-kalċju, captan, diossidu tal-karbonju, cymoxanil, dimethomorph, ethephon, estratt mis-siġra tat-te, famossadon, residwi mid-distillazzjoni tax-xaħam, aċidi grassi C7 sa C20, flumjossażin, fluoxastrobin, fluworokloridon, folpet, formetanate, gibberellic acid, gibberellins, heptamaloxyloglucan, proteini idrolizzati, sulfat tal-ħadid, metazachlor, metribuzin, milbemectin, ir-razza 251 tal-Paecilomyces lilacinus, fenmedifam, phosmet, pirimiphos-methyl, żjut tal-pjanti/żejt tal-kolza, karbonat idroġenat tal-potassju, propamocarb, prothioconazole, ramel tal-kwarz, żejt tal-ħuta, repellenti permezz ta’ riħa ta’ oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/xaħam tan-nagħaġ, S-metolachlor, Feromoni tal-Lepidopteri ta’ Katina Dritta, tebukonażol u urea (ĠU L 160, 7.5.2021, p. 89).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1740 tal-20 ta’ Novembru 2020 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (ĠU L 392, 23.11.2020, p. 20).
ANNESS
Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, fis-sitt kolonna, skadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 298, Heptamaloxyloglucan, id-data hija sostitwita bil-“ 31 ta’ Mejju 2023 ”.