|
10.5.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 133/9 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/710
tas-6 ta’ Mejju 2022
li jiċħad l-awtorizzazzjoni ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa fuq il-prodotti tal-ikel u li tirreferi għat-tnaqqis tar-riskju tal-mard
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jsiru fuq il-prodotti tal-ikel huma pprojbiti sakemm ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni f’konformità ma’ dak ir-Regolament u inklużi f’lista tal-Unjoni ta’ indikazzjonijiet permessi. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jipprevedi wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jistgħu jintbagħtu mill-operaturi tan-negozji tal-ikel lill-awtorità kompetenti nazzjonali ta’ Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tgħaddi l-applikazzjonijiet validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”). |
|
(3) |
Wara li tirċievi l-applikazzjoni, l-Awtorità għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, u tagħti opinjoni fuq l-indikazzjoni dwar is-saħħa kkonċernata. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa filwaqt li tqis l-opinjoni li tat l-Awtorità. |
|
(5) |
Wara applikazzjoni mingħand Anxiofit Ltd., imressqa skont l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità kellha tagħti opinjoni dwar is-sostanzjar xjentifiku ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa marbuta ma’ Anxiofit-1 u t-tnaqqis tal-ansjetà taħt il-limitu u tal-ansjetà ħafifa (il-Mistoqsija Nru EFSA-Q-2020-00032). L-indikazzjoni proposta mill-applikant kienet kif ġej: “Anxiofit-1 intwera li jtejjeb l-ansjetà taħt il-limitu u l-ansjetà ħafifa. L-ansjetà taħt il-limitu u l-ansjetà ħafifa huma fatturi ta’ riskju fl-iżvilupp tad-disturbi marbuta mal-ansjetà u d-depressjoni.” |
|
(6) |
Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-applikant irċevew l-opinjoni xjentifika (2) dwar dik l-indikazzjoni mill-Awtorità, li kkonkludiet li, abbażi tad-data ppreżentata, l-evidenza xjentifika ma kinitx biżżejjed biex tiġi stabbilita relazzjoni ta’ kawża u effett bejn il-konsum tal-Anxiofit-1 u t-tnaqqis tal-ansjetà taħt il-limitu u tal-ansjetà ħafifa. Għaldaqstant, billi l-indikazzjoni dwar is-saħħa mhijiex konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 għall-inklużjoni fil-lista tal-Unjoni ta’ indikazzjonijiet permessi, jenħtieġ li ma tiġix awtorizzata. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-indikazzjoni dwar is-saħħa stipulata fl-Anness ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi inkluża fil-lista tal-Unjoni ta’ indikazzjonijiet permessi kif previst fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.
(2) EFSA Journal 2020;18(10):6264.
ANNESS
Indikazzjoni dwar is-saħħa miċħuda
|
Applikazzjoni - Dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 |
Nutrijent, sustanza, ikel jew kategorija tal-ikel |
Indikazzjoni |
Referenza tal-opinjoni tal-EFSA |
|
L-Artikolu 14(1)(a), indikazzjoni dwar is-saħħa li tirreferi għat-tnaqqis tar-riskju tal-mard. |
Anxiofit-1, ingredjent tal-ikel li fih estratt niexef tal-għerq idroalkoħoliku tal-Echinacea angustifolia standardizzat għall-profil alkamid speċifiku. |
Anxiofit-1 intwera li jtejjeb l-ansjetà taħt il-limitu u l-ansjetà ħafifa. L-ansjetà taħt il-limitu u l-ansjetà ħafifa huma fatturi ta’ riskju fl-iżvilupp tad-disturbi marbuta mal-ansjetà u d-depressjoni. |
EFSA-Q-2020-00032 |