3.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 129/18


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/693

tas-27 ta’ April 2022

dwar is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (1), u b’mod partikolari il-punt (a) tal-Artikolu 8(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Repubblika ta’ Vanuatu hija elenkata fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806 fost il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mir-rekwiżit li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. L-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu ilha applikabbli mit-28 ta’ Mejju 2015, meta l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (2) (“il-Ftehim”) ġie ffirmat u beda japplika fuq bażi proviżorja f’konformità mal-Artikolu 8(1) tal-Ftehim. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2017.

(2)

Fit-3 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2022/366 (3) dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir, f’konformità mal-Artikolu 8(4) tal-Ftehim. Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Ftehim hija limitata għall-passaporti ordinarji maħruġa mill-25 ta’ Mejju 2015 ’il quddiem, meta l-għadd ta’ applikanti aċċettati fl-ambitu tal-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu beda jiżdied b’mod sinifikanti.

(3)

Filwaqt li d-Deċiżjoni 2022/366 issospendiet il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir, hemm bżonn ukoll li s-sospensjoni tiġi prevista fil-livell tad-dritt tal-Unjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 8(3) u (6) tar-Regolament (UE) 2018/1806, meta l-Kummissjoni jkollha informazzjoni konkreta u affidabbli li ċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 8(2) jeżistu, jiġifieri “żieda fir-riskju jew theddida imminenti għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-Istati Membri sostanzjata minn informazzjoni u data oġġettiva, konkreta u rilevanti pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti”, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jissospendi temporanjament u parzjalment l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għal perjodu ta’ disa’ xhur.

(5)

Permezz tal-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu li l-pajjiż ilu jħaddem mill-25 ta’ Mejju 2015, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li altrimenti jkollhom bżonn viża għandhom il-possibbiltà li jiksbu ċ-ċittadinanza ta’ Vanuatu bi skambju għal investiment, u b’hekk jiksbu aċċess mingħajr viża għall-Unjoni.

(6)

L-iskemi msemmija ma fihom l-ebda rekwiżit ta’ residenza effettiva jew preżenza fiżika f’Vanuatu għall-applikanti. Il-proċess ta’ applikazzjoni huwa ġestit minn aġenziji speċjalizzati li ma jinsabux f’Vanuatu (pereż., f’Dubai, it-Tajlandja u l-Malażja) u b’hekk l-applikant ma għandux għalfejn ikollu kuntatt dirett mal-awtoritajiet ta’ Vanuatu. In-nuqqas ta’ rekwiżit għal intervista in persuna jnaqqas l-opportunitajiet għall-awtoritajiet ta’ Vanuatu biex jivvalutaw l-applikant kif suppost jew biex jikkorroboraw l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni, inklużi l-veraċità u l-kredibbiltà tagħha. L-iskemi huma normalment irreklamati bħala mod kif tinqabeż il-proċedura tal-viża ta’ Schengen u jinkiseb faċilment aċċess mingħajr viża għall-UE (4). L-attraenza tal-iskemi ta’ Vanuatu hija bbażata kummerċjalment fuq il-proċeduri rapidi ta’ skrinjar tagħhom u l-kontrolli ħfief tagħhom fuq l-oriġini tal-fondi.

(7)

Kif ikkonfermat mill-awtoritajiet ta’ Vanuatu, l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati fi żmien skadenzi qosra ħafna (5). Tali perjodi qosra ta’ pproċessar ma jippermettux li jsir skrinjar ta’ sigurtà xieraq u lanqas skambju ta’ informazzjoni mal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikanti jew mar-residenza prinċipali preċedenti qabel tingħata ċ-ċittadinanza. Minħabba dan il-perjodu qasir ta’ pproċessar u n-nuqqas ta’ skambju sistematiku ta’ informazzjoni mal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikanti, Vanuatu kien ta ċ-ċittadinanza lil persuni soġġetti għal investigazzjoni kriminali, inklużi persuni elenkati fil-bażijiet tad-data tal-Interpol.

(8)

Ir-rata ta’ rifjut hija estremament baxxa, u b’hekk tikkorrobora l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fallimenti tas-sigurtà u l-affidabbiltà baxxa tal-proċess ta’ skrinjar. Skont l-informazzjoni li pprovda l-Uffiċċju tal-Passaporti ta’ Vanuatu fl-14 ta’ Ġunju 2021, sa Marzu 2021, Vanuatu kien ħareġ aktar minn 10 500 passaport bi skambju għal investiment fl-iskemi u sa tmiem l-2020 l-awtoritajiet ta’ Vanuatu kienu rrifjutaw applikazzjoni waħda biss.

(9)

Barra minn hekk, il-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti li rnexxielhom jiksbu ċ-ċittadinanza jinkludu xi wħud li huma tipikament esklużi minn skemi oħra ta’ ċittadinanza, bħall-Iran u l-Afganistan, u pajjiżi oħra li ċ-ċittadini tagħhom jeħtieġu viża għal soġġorni qosra fl-UE, inklużi n-Niġerja, il-Jemen, is-Sirja, il-Pakistan u l-Libja.

(10)

Ir-riskji għas-sigurtà huma ulterjorment aggravati mil-leġiżlazzjoni xejn rigoruża dwar it-tibdil fl-isem. Kif ikkonfermat mill-awtoritajiet ta’ Vanuatu matul il-laqgħa teknika li saret fil-15 ta’ April 2021, l-applikanti għal ċittadinanza b’investiment li kisbu ċ-ċittadinanza jistgħu japplikaw ukoll għal tibdil tal-identità.

(11)

Iċ-ċirkostanzi msemmija hawn fuq iwasslu għall-konklużjoni li l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu, fil-forma u l-operat attwali tagħhom, imorru kontra l-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar il-viżi, li tipprevedi skrinjar ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li għandhom bżonn ta’ viża skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 (6) u f’leġiżlazzjoni nazzjonali ekwivalenti ta’ dawk l-Istati Membri fejn ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 għadu ma japplikax għalkollox. Il-verifiki rilevanti każ b’każ jitwettqu fid-dawl tal-kriterji li jirrigwardaw, inter alia, l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika. Il-mod li bih l-iskemi msemmija qed jiġu implimentati jikkostitwixxi ċirkomvenzjoni tal-proċedura tal-viża għal soġġorn qasir tal-Unjoni u l-valutazzjoni tar-riskji għas-sigurtà u l-migrazzjoni li tinvolvi.

(12)

Fi skambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ Vanuatu f’Ottubru 2017, Novembru 2019, Ġunju 2020 u Marzu 2021, il-Kummissjoni esprimiet tħassib serju dwar l-għoti taċ-ċittadinanza lil persuni elenkati fil-bażijiet tad-data tal-Interpol, in-nuqqas ta’ rekwiżiti ta’ preżenza fiżika jew ta’ residenza, il-perjodi qosra ta’ pproċessar tal-iskemi u n-nuqqas ta’ skambju sistematiku ta’ informazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti jew tar-residenza prinċipali preċedenti, u wissiet lill-Gvern ta’ Vanuatu bil-possibbiltà li jerġa’ jiddaħħal ir-rekwiżit tal-viża. L-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn Vanuatu ma kinux biżżejjed biex itaffu dan it-tħassib.

(13)

Filwaqt li tqis l-informazzjoni u d-data, ir-rapporti u l-istatistika msemmija hawn fuq, u f’konformità mal-Artikolu 8(2)(d), 8 (3) u 8(6) tar-Regolament (UE) 2018/1806, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għoti taċ-ċittadinanza minn Vanuatu skont l-iskemi tiegħu ta’ ċittadinanza b’investiment jikkostitwixxi riskju akbar għas-sigurtà interna u l-politika pubblika tal-Istati Membri u ddeċidiet li hemm bżonn tittieħed azzjoni.

(14)

Ir-riskju akbar għall-politika pubblika u s-sigurtà interna marbut maċ-ċittadini ta’ Vanuatu li jkunu kisbu ċ-ċittadinanza skont l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment jista’ jittaffa biss permezz ta’ sospensjoni parzjali tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża.

(15)

F’konformità mal-Artikolu 8(6) tar-Regolament (UE) 2018/1806, jenħtieġ li l-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, tinkludi kategoriji li huma wesgħin biżżejjed biex b’hekk jikkontribwixxu b’mod effiċjenti għar-rimedju taċ-ċirkostanzi filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità. Għalhekk, peress li Vanuatu ma jagħmilx distinzjoni bejn passaporti maħruġa skont skemi ta’ ċittadinanza b’investiment u passaporti oħra, jenħtieġ li s-sospensjoni tapplika għall-passaporti ordinarji kollha maħruġa mill-25 ta’ Mejju 2015, id-data li fiha Vanuatu beda joħroġ għadd sostanzjali ta’ passaporti bi skambju għal investiment.

(16)

Jenħtieġ li ċ-ċittadini ta’ Vanuatu li daħlu fl-UE qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jitħallew ikomplu s-soġġorn tagħhom fl-UE u joħorġu mingħajr viża. Dan ma jenħtieġx li japplika għall-qsim ta’ fruntieri esterni temporanji bejn l-Istati Membri kif definit fil-punt c tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(17)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt B tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (8).

(18)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jidħlu fl-ambitu msemmi fil-punti B u C tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (9).

(19)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jidħlu fl-ambitu msemmi fil-punti B u C tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

(20)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhux qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (11); għalhekk l-Irlanda mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(21)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011 rispettivament.

(22)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-kumitat stabbilit f’konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2018/1806,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża

L-applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża, prevista fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2018/1806, fir-rigward tad-detenturi ta’ passaporti ordinarji maħruġa minn Vanuatu mill-25 ta’ Mejju 2015, hija temporanjament sospiża.

Artikolu 2

Kontinwazzjoni ta’ soġġorn mingħajr viża

Id-detenturi ta’ passaporti maħruġa minn Vanuatu li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 u li jkunu daħlu fl-UE qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jistgħu jkomplu s-soġġorn tagħhom fl-UE u joħorġu mingħajr viża. Dan ma japplikax għall-qsim ta’ fruntieri esterni temporanji, kif definit fil-punt c tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-4 ta’ Mejju 2022 sat-3 ta’ Frar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39.

(2)   ĠU L 173, 3.7.2015, p. 48.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/366 tat-3 ta’ Marzu 2022 dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir (ĠU L 69, 4.3.2022, p. 105).

(4)  Vanuatu Key Benefits - GCI UNIT Vanuatu (vanuatu-dsp-citizenship.com)

(5)  How to get citizenship in Vanuatu - GCI UNIT Vanuatu (vanuatu-dsp-citizenship.com): Pjan ta’ immigrazzjoni aċċellerat joffri ċ-ċittadinanza f’Vanuatu f’minn 14 sa 45 jum biss

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).