|
29.4.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 126/18 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/686
tat-28 ta’ April 2022
li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1295 u (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva sulfoksaflor
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-ewwel alternattiva tal-Artikolu 21(3) u tal-Artikolu 78(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1295 (2) jipprevedi l-approvazzjoni tas-sustanza attiva sulfoksaflor u konsegwentement l-inserzjoni tas-sulfoksaflor fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (3). |
|
(2) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1295 jipprevedi wkoll il-preżentazzjoni ta’ aktar informazzjoni konfermatorja dwar ir-riskju għan-naħal tal-għasel permezz tar-rotot differenti ta’ esponiment, b’mod partikolari n-nektar, it-trab tad-dakra, il-fluwidu u t-trab tal-guttazzjoni, ir-riskju għan-naħal tal-għasel li jfittxu n-nektar jew it-trab tad-dakra fl-għelejjel suċċessivi u fil-fjuri tal-ħaxix ħażin, ir-riskju għal dakkara oħrajn li mhux naħal tal-għasel u r-riskju għad-duqqajs tan-naħal. |
|
(3) |
L-applikant ippreżenta l-informazzjoni konfermatorja meħtieġa fil-perjodu previst fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1295. |
|
(4) |
Kif miftiehem bejn l-Irlanda u r-Repubblika Ċeka, ir-relatur u l-Istat Membru korelatur, ir-Repubblika Ċeka vvalutat l-informazzjoni konfermatorja mressqa mill-applikant. Ir-Repubblika Ċeka ppreżentat il-valutazzjoni tagħha, fil-forma ta’ addendum tal-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) fit-12 ta’ Marzu 2018. |
|
(5) |
L-Istati Membri, l-applikant u l-Awtorità ġew ikkonsultati u ntalbu jikkummentaw dwar il-valutazzjoni tal-informazzjoni konfermatorja mill-Istat Membru korelatur. |
|
(6) |
L-Awtorità ppubblikat rapport tekniku (4) li kien fih l-eżitu fil-qosor ta’ din il-konsultazzjoni dwar is-sulfoksaflor fl-20 ta’ Settembru 2018. |
|
(7) |
Peress li matul il-konsultazzjoni dwar l-addendum tal-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni ġew espressi opinjonijiet diverġenti, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Awtorità u talbitha tipprovdi konklużjoni dwar il-punti kollha fejn kien hemm opinjonijiet diverġenti. |
|
(8) |
L-Awtorità ppubblikat il-konklużjoni tagħha dwar il-valutazzjoni tar-riskju fit-28 ta’ Marzu 2019 (5). Il-Kummissjoni kompliet tikkonsulta lill-Awtorità b’rabta mar-riskju għan-naħal. Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità, b’mod partikolari, biex tlesti l-valutazzjoni tal-miżuri għat-tnaqqis tat-tifrix tal-bexx meħtieġa biex jipproteġu n-naħal bagħli u n-naħal solitarju fil-ġmiem madwar l-għelieqi mill-esponiment għas-sulfoksaflor u tar-riskju għan-naħal mill-ilma tal-għadajjar. |
|
(9) |
L-Awtorità ppubblikat il-konklużjoni aġġornata tagħha fit-30 ta’ Marzu 2020 (6). |
|
(10) |
Fil-konklużjoni aġġornata tagħha, l-Awtorità qieset li fid-dawl tal-eżitu tal-evalwazzjoni tal-informazzjoni konfermatorja pprovduta mill-applikant, ir-riskju għan-naħal għall-użi fis-serer permanenti kien aċċettabbli. Madankollu, il-valutazzjoni tar-riskju għan-naħal bagħli u għan-naħal solitarju minn użi fuq barra ma setgħetx tiġi ffinalizzata. Għalhekk, l-Awtorità ma setgħetx tikkonkludi li hemm riskju baxx għan-naħal bagħli u għan-naħal solitarju minn użi fuq barra. |
|
(11) |
L-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni, l-addendum u l-konklużjoni aġġornata tal-Awtorità ġew rieżaminati mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf u ġew iffinalizzati fit-28 ta’ Jannar 2022. Fl-istess ħin, ir-rapport ta’ rieżami għas-sulfoksaflor ġie aġġornat. |
|
(12) |
L-applikant ingħata l-possibbiltà li jippreżenta l-kummenti dwar ir-rapport ta’ rieżami aġġornat. |
|
(13) |
Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa mill-applikant, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-riskju għan-naħal mill-użu fuq barra tas-sulfoksaflor ma jistax jiġi eskluż. Għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 21(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, huwa neċessarju u xieraq li l-approvazzjoni tas-sulfoksaflor tiġi ristretta għall-użi fis-serer permanenti biss. |
|
(14) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1295 u (UE) Nru 540/2011 jiġu emendati skont dan. |
|
(15) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw iż-żmien biex jirtiraw jew jemendaw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sulfoksaflor u li mhumiex konformi mal-kundizzjonijiet ristretti tal-approvazzjoni. |
|
(16) |
Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sulfoksaflor, meta jingħata perjodu ta’ grazzja mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jenħtieġ li dak il-perjodu jkun qasir kemm jista’ jkun u li jiskadi sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
|
(17) |
Fid-dawl tal-informazzjoni pertinenti kollha disponibbli, mhuwiex meqjus xieraq li tinżamm l-approvazzjoni tas-sustanza attiva għall-użu fuq barra f’dan iż-żmien. Madankollu, dan ir-Regolament ma jżommx lill-applikant milli jissottometti informazzjoni addizzjonali biex jemenda l-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni, kif previst fl-Artikoli 7 u 14 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u dik l-informazzjoni tiġi rieżaminata f’perjodu ta’ żmien raġonevoli kif previst f’dak ir-Regolament. |
|
(18) |
Il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ma tax opinjoni qabel l-iskadenza stipulata mill-President tiegħu. Att ta’ implimentazzjoni tqies bħala neċessarju u l-president issottometta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni lill-kumitat tal-appelli għal aktar deliberazzjoni. Il-kumitat tal-appell ma ta l-ebda opinjoni, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda lir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1295
L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1295 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Emenda lir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011
L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Miżuri tranżizzjonali
L-Istati Membri, fejn meħtieġ, għandhom jirtiraw jew jemendaw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sulfoksaflor bħala sustanza attiva sa mhux iktar tard mid-19 ta’ Novembru 2022.
Artikolu 4
Perjodu ta’ grazzja
Kull perjodu ta’ grazzja mogħti mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jiskadi sa mhux iktar tard mid-19 ta’ Mejju 2023.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ April 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1295 tas-27 ta’ Lulju 2015 li japprova s-sustanza attiva sulfoksaflor, b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 199, 29.7.2015, p. 8).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).
(4) EFSA (European Food Safety Authority), 2018. Technical report on the outcome of the consultation with Member States, the applicant and EFSA on the pesticide risk assessment for sulfoxaflor in light of confirmatory data. Pubblikazzjoni ta’ sostenn tal-EFSA 2018:EN-1474. 73 pp.
(5) EFSA (European Food Safety Authority), 2019. Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment for the active substance sulfoxaflor in light of confirmatory data submitted. EFSA Journal 2019;17(3):5633, p. 14.
(6) EFSA (European Food Safety Authority), 2020. Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment for the active substance sulfoxaflor in light of confirmatory data submitted. EFSA Journal 2020;18(3):6056, p. 15.
ANNESS I
Fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1295, it-test tal-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi” huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“L-użi fis-serer permanenti biss jistgħu jiġu awtorizzati.
Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar is-sulfoksaflor, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif ġew iffinalizzati fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fid-29 ta’ Mejju 2015 u aġġornati fit-28 ta’ Jannar 2022.
F’din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lir-riskju għan-naħal u għan-naħal bagħli rilaxxat għad-dakkir, meta l-prodotti li jkun fihom is-sustanza jiġu applikati fis-serer.
Il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju, skont kif ikun xieraq.”
ANNESS II
Fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, it-test tal-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi” tar-ringiela 88, sulfoksaflor, huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“L-użi fis-serer permanenti biss jistgħu jiġu awtorizzati.
Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar is-sulfoksaflor, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif ġew iffinalizzati fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fid-29 ta’ Mejju 2015 u aġġornati fit-28 ta’ Jannar 2022.
F’din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lir-riskju għan-naħal u għan-naħal bagħli rilaxxat għad-dakkir, meta l-prodotti li jkun fihom is-sustanza jiġu applikati fis-serer.
Il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju, skont kif ikun xieraq.”