|
26.4.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 123/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/676
tat-3 ta’ Diċembru 2021
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li f’konformità magħhom għandha titwettaq il-konsolidazzjoni fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 18 minn (3) sa (6) u fl-Artikolu 18(8) ta’ dan ir-Regolament
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 18(9) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ikopri każijiet ta’ konsolidazzjoni prudenzjali ta’ gruppi ta’ impriżi li jkunu relatati fis-sens tal-Artikolu 22(7) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) meta ma tkunx teżisti relazzjoni bejn kumpanija prinċipali u sussidjarja. F’dawn il-każijiet, jeħtieġ li tiġi ddeterminata l-entità li fil-livell tagħha r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom jiġu applikati fuq bażi konsolidata. Barra minn hekk, f’dawk il-każijiet, l-aktar metodu xieraq ta’ konsolidazzjoni prudenzjali jenħtieġ li jkun il-metodu stabbilit fl-Artikolu 22(8) u (9) tad-Direttiva 2013/34/UE (il-“metodu ta’ aggregazzjoni”) f’konformità mar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva. |
|
(2) |
F’każijiet ta’ parteċipazzjonijiet f’istituzzjonijiet jew f’istituzzjonijiet finanzjarji ġestiti minn impriża inkluża fil-konsolidazzjoni flimkien ma’ impriża waħda jew aktar mhux inkluża fil-konsolidazzjoni, fejn tkun meħtieġa konsolidazzjoni proporzjonali skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-kunsens unanimu ta’ dawn l-impriżi li jikkonċerna d-deċiżjonijiet dwar l-attivitajiet rilevanti tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja jenħtieġ li jkun meħtieġ għall-applikazzjoni tal-metodu ta’ konsolidazzjoni prudenzjali stabbilit f’din id-dispożizzjoni f’konformità mad-definizzjoni ta’ arranġament bi sħab speċifikat fl-istandards internazzjonali tal-kontabilità kif applikabbli skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(3) |
Il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jirreferu għar-rekwiżiti superviżorji għall-konsolidazzjoni prudenzjali fil-każ ta’ influwenza sinifikanti fuq istituzzjoni jew istituzzjoni finanzjarja waħda jew aktar iżda mingħajr parteċipazzjoni jew rabtiet kapitali oħrajn, u fil-każ meta dawk l-istituzzjonijiet jew l-istituzzjonijiet finanzjarji jitqiegħdu taħt ġestjoni unika għajr skont kuntratt, memorandum jew artikoli ta’ assoċjazzjoni, rispettivament. Biex jiġi ddeterminat jekk teżistix sitwazzjoni ta’ influwenza sinifikanti, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jqisu diversi indikaturi ta’ influwenza sinifikanti. Barra minn hekk, sitwazzjoni ta’ ġestjoni unika jenħtieġ li tiġi ddeterminata biss meta l-awtorità kompetenti jkollha evidenza konkreta li hemm koordinazzjoni effettiva tal-politiki finanzjarji u operattivi ta’ dawn l-istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji. |
|
(4) |
Il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (Nasel Committee on Banking Supervision, BCBS) ippubblika Linji Gwida dwar l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ta’ step-in (4) li jinkludu diversi indikaturi li jenħtieġ li jintużaw mill-istituzzjonijiet fl-identifikazzjoni ta’ liema entitajiet jistgħu jwasslu għal riskju ta’ step-in. Skont il-Linji Gwida tal-BCBS, “riskju ta’ step-in” huwa r-riskju li istituzzjoni tiddeċiedi li tipprovdi appoġġ finanzjarju lil entità mhux konsolidata, jiġifieri entità mhux konsolidata kompletament jew proporzjonalment, li tkun qed tiffaċċja stress, fin-nuqqas ta’, jew f’eċċess ta’, xi obbligu kuntrattwali li tipprovdi dan l-appoġġ. Skont il-Linji Gwida tal-BCBS, meta istituzzjoni tidentifika li hemm riskju ta’ step-in sinifikanti, din jeħtieġ li tiddetermina l-miżuri xierqa bbażati fuq in-natura u l-firxa tal-appoġġ step-in antiċipat f’kull każ. Dawn il-miżuri jinkludu, fost l-oħrajn, l-inklużjoni tal-entitajiet ikkonċernati fil-kamp ta’ applikazzjoni regolatorju tal-konsolidazzjoni. F’konformità mal-Linji Gwida tal-BCBS, jenħtieġ li jitqiesu diversi indikaturi mill-istituzzjonijiet u mill-awtoritajiet kompetenti biex jiġi konkluż jekk ċerti impriżi jenħtiġux li jiġu kkonsolidati kompletament jew proporzjonalment skont l-Artikolu 18(5), il-punt (a) tal-Artikolu 18(6) jew l-Artikolu 18(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif ikun applikabbli, filwaqt li jitqies ir-riskju ta’ step-in li dawn l-impriżi jistgħu joħolqu għal istituzzjoni. Madankollu, l-istituzzjonijiet jenħtieġ li jqisu wkoll miżuri alternattivi biex jindirizzaw ir-riskju ta’ step-in skont il-proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju u l-proċess ta’ valutazzjoni interna dwar l-adegwatezza tal-kapital (internal capital adequacy assessment process, ICAAP) tagħhom. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jqisu miżuri oħrajn biex jittrattaw ir-riskju potenzjali ppreżentat minn dawk l-impriżi taħt il-proċess ta’ rieżami u evalwazzjoni superviżorji (supervisory review and evaluation processes, SREP). Fil-kuntest tal-qafas tal-iskoperturi l-kbar, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) ħarġet ukoll linji gwida dwar il-limiti fuq l-iskoperturi għall-entitajiet bankarji “paralleli” li jwettqu attivitajiet simili għall-banek barra minn qafas regolatorju (5), li jispeċifikaw il-metodoloġija li jenħtieġ li tintuża mill-istituzzjonijiet biex jistabbilixxu limiti, bħala parti mill-proċessi interni tagħhom, fuq l-iskoperturi individwali u aggregati tagħhom għal entitajiet bankarji “paralleli”. |
|
(5) |
B’mod partikolari, biex jiġi ddeterminat jekk ikunx hemm bżonn ta’ konsolidazzjoni sħiħa jew proporzjonali skont l-Artikolu 18(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fil-każ ta’ sussidjarji jew impriżi li fihom istituzzjoni jkollha parteċipazzjoni meta dik is-sussidjarja jew impriża ma tkunx istituzzjoni, istituzzjoni finanzjarja jew impriża ta’ servizzi anċillari, u meta jkun hemm riskju ta’ step-in sostanzjali u dment li l-impriża ma tkunx impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, jew impriża azzjonarja tal-assikurazzjoni, fost l-oħrajn, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu mistennija li jiskrutinizzaw, mill-inqas, ċerti kategoriji ta’ impriżi bħal entitajiet bi skop speċjali li ma jikkwalifikawx bħala entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li għalihom huma applikabbli l-kundizzjonijiet għat-trasferiment ta’ riskju ta’ kreditu sinifikanti stabbiliti fl-Artikolu 244 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif ukoll dawk l-impriżi li jwettqu kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. |
|
(6) |
Biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-qafas ta’ fondi proprji skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u biex jiġi evitat ir-rikonoxximent ta’ benefiċċji kapitali mhux dovuti, f’dawk il-każijiet meta l-konsolidazzjoni tkun meħtieġa skont l-Artikolu 18 minn (3) sa (6) jew l-Artikolu 18(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-inklużjoni fil-fondi proprji konsolidati tal-ammonti ta’ entrati tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni u tal-istrumenti kapitali tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali maħruġa mill-impriżi inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni prudenzjali tal-konsolidazzjoni u li jkunu jappartjenu għal persuni għajr dawn l-impriżi, kif ukoll il-kontijiet tal-primjum azzjonarju relatati, jenħtieġ li jkunu bbażati wkoll fuq l-Artikoli minn 81 sa 88 ta’ dan ir-Regolament. |
|
(7) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-EBA. |
|
(8) |
L-EBA wettqet konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“attivitajiet rilevanti” tfisser attivitajiet rilevanti kif iddefinit fl-Appendiċi A tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1254/2012 (8) (l-Anness relatat mal-IFRS 10); |
|
(2) |
“mitiganti tar-riskji” tfisser kwalunkwe liġi, regolament, regola jew arranġament kuntrattwali applikabbli li jirrestrinġu l-kapaċità ta’ istituzzjoni li tipprovdi appoġġ finanzjarju lil impriża f’kundizzjonijiet ta’ stress; |
|
(3) |
“impriżi parteċipanti” tfisser l-impriżi li jikkontrollaw bi sħab kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
|
|
(4) |
“rabtiet kapitali” tfisser is-sjieda, diretta jew indiretta, tal-kapital ta’ impriża, inkluża parteċipazzjoni kif iddefinit fil-punt (35) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; |
|
(5) |
“influwenza sinifikanti” tfisser is-setgħa ta’ parteċipazzjoni fid-deċiżjonijiet ta’ politika finanzjarja u operattiva ta’ impriża, meta din l-impriża ma tkunx tikkwalifika bħala sussidjarja kif definit fil-punt (16) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u ma tkunx ikkontrollata bi sħab kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) jew fil-punt (a) tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Kundizzjonijiet li f’konformità magħhom għandha titwettaq il-konsolidazzjoni fil-każ ta’ gruppi ta’ impriżi li jkunu relatati fis-sens tal-Artikolu 22(7) tad-Direttiva 2013/34/UE
1. Meta tkun meħtieġa konsolidazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-entità li ġejja għandha tkun responsabbli għall-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Ewwel Parti tat-Titolu II tal-Kapitolu 2 tat-Taqsima 1 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fuq il-bażi tas-sitwazzjoni konsolidata tal-impriżi kollha tal-grupp:
|
(a) |
l-istituzzjoni, meta jkun hemm istituzzjoni waħda biss fil-grupp; |
|
(b) |
l-istituzzjoni ta’ kreditu bl-akbar total fil-karta tal-bilanċ, meta jkun hemm diversi istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-grupp; |
|
(c) |
id-ditta tal-investiment soġġetta għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 bl-akbar total fil-karta tal-bilanċ, meta l-grupp ma jkun jinkludi l-ebda istituzzjoni ta’ kreditu. |
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, it-total fil-karta tal-bilanċ għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-aħħar rapporti finanzjarji konsolidati awditjati jew, meta r-rapporti finanzjarji konsolidati ma jkunux meħtieġa li jitħejjew f’konformità mal-qafas kontabilistiku applikabbli, l-aħħar rapport finanzjarju individwali vverifikat tal-istituzzjoni.
3. Meta l-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma tkunx xierqa, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-eżerċitar tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata skont l-Artikolu 111(4), (5), u (6) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jistgħu jirrinunzjaw għal dawk il-kriterji, u jaħtru entità oħra fil-grupp soġġetta għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 bħala responsabbli għall-iżġurar tal-konformità mar-rekwiżiti msemmija fl-Ewwel Parti tat-Titolu II tal-Kapitolu 2 tat-Taqsima 1 ta’ dan ir-Regolament fuq il-bażi tas-sitwazzjoni ta’ konsolidazzjoni tal-impriżi kollha tal-grupp.
Meta jivvalutaw l-adegwatezza tal-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu kwalunkwe deċiżjoni meħuda f’konformità mal-Artikolu 111(6) tad-Direttiva 2013/36/UE jew, fin-nuqqas ta’ din id-deċiżjoni, l-istituzzjonijiet ikkonċernati u l-importanza relattiva tal-attivitajiet tagħhom fl-Istati Membri rilevanti jew jekk dawn ikunux meħtieġa jħejju rapporti finanzjarji konsolidati għall-grupp fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 22(7) tad-Direttiva 2013/34/UE. F’każijiet bħal dawn, l-istituzzjoni bl-akbar total fil-karta tal-bilanċ għandu jkollha d-dritt li tinstema’, qabel ma l-awtoritajiet kompetenti jieħdu d-deċiżjoni.
4. Fil-każijiet imsemmija f’dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-eżerċitar tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata skont l-Artikolu 111(4), (5) u (6) tad-Direttiva 2013/36/UE għandhom jippermettu jew jirrikjedu l-użu tal-metodu ta’ konsolidazzjoni previst fl-Artikolu 22(8) u (9) tad-Direttiva 2013/34/UE.
5. Impriża li tkun relatata ma’ impriża waħda jew aktar fis-sens tal-Artikolu 22(7) tad-Direttiva 2013/34/UE ma għandhiex għalfejn tiġi inkluża fil-konsolidazzjoni skont dan l-Artikolu fl-istess każijiet u f’konformità mal-istess kriterji kif stabbilit fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
Artikolu 3
Kundizzjonijiet li f’konformità magħhom għandha titwettaq il-konsolidazzjoni fil-każ ta’ istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji ġestiti minn impriża inkluża fil-konsolidazzjoni flimkien ma’ impriża waħda jew aktar mhux inkluża fil-konsolidazzjoni
1. Fil-każ ta’ parteċipazzjonijiet f’istituzzjonijiet jew f’istituzzjonijiet finanzjarji ġestiti minn impriża inkluża fil-konsolidazzjoni flimkien ma’ impriża waħda jew aktar mhux inkluża fil-konsolidazzjoni, is-superviżur konsolidanti għandu jirrikjedi konsolidazzjoni proporzjonali skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
(a) |
l-impriżi parteċipanti jikkontrollaw bi sħab maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri fl-istituzzjoni jew fl-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata jew ikollhom il-kapaċità li jidderieġu bi sħab l-attivitajiet rilevanti ta’ dik l-istituzzjoni jew istituzzjoni finanzjarja, skont arranġament kuntrattwali legalment infurzabbli bejniethom jew skont klawżoli tal-memoranda jew tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja; |
|
(b) |
id-deċiżjonijiet dwar l-attivitajiet rilevanti tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja jirrikjedu l-kunsens unanimu tal-impriżi parteċipanti kollha; |
|
(c) |
l-arranġament kuntrattwali msemmi fil-punt (a) jew il-klawżoli tal-memoranda jew tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja jistipulaw li r-responsabbiltà tal-impriżi parteċipanti hija limitata għall-azzjoni tal-kapital li dawn għandhom fl-istituzzjoni jew fl-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata. |
2. Fil-każijiet imsemmija f’dan l-Artikolu, il-konsolidazzjoni proporzjonali għandha titwettaq fuq il-bażi tal-azzjoni tal-kapital miżmuma fl-istituzzjoni jew fl-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata u f’konformità mal-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2013/34/UE.
Artikolu 4
Kundizzjonijiet li f’konformità magħhom għandha titwettaq il-konsolidazzjoni fil-każ ta’ parteċipazzjonijiet jew rabtiet kapitali f’istituzzjonijiet jew f’istituzzjonijiet finanzjarji għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 18(1) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013
1. Meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw li l-konsolidazzjoni għandha titwettaq f’konformità mal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, dawn jistgħu jippermettu jew jirrikjedu l-użu tal-metodu tal-ekwità skont dan l-Artikolu sakemm ma jiddeterminawx il-konsolidazzjoni proporzjonali jew sħiħa tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata li tkun meħtieġa f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi minn 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.
2. L-awtorità kompetenti għandha tagħmel id-determinazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riskji ppreżentati mill-istituzzjoni jew mill-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata lill-istituzzjoni, filwaqt li tqis il-firxa u l-effettività ta’ kull mitigant tar-riskju u l-impatt fuq ir-rekwiżiti prudenzjali tal-istituzzjoni fuq bażi konsolidata li jista’ jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ konsolidazzjoni sħiħa jew proporzjonali.
3. Għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-istituzzjoni għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti, fuq talba, l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi li ġejjin:
|
(a) |
l-istruttura ġenerali tas-sjieda tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata, wara li tqis, b’mod partikolari, jekk azzjonijiet jew drittijiet ta’ sjieda ekwivalenti u drittijiet tal-vot, inkluż drittijiet potenzjali tal-vot kif imsemmi fl-Artikolu 5(5), jitqassmux bejn għadd kbir ta’ azzjonisti, sidien jew membri, jew jekk l-istituzzjoni hijiex l-azzjonist ewlieni, is-sid jew il-membru tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja; |
|
(b) |
jekk l-istituzzjoni taġixxix bħala sponsor billi tiġġestixxi jew tagħti pariri lill-istituzzjoni jew lill-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata, tqiegħed it-titoli tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja fis-suq, jew tipprovdi titjib fil-likwidità u/jew fil-kreditu lill-istituzzjoni jew lill-istituzzjoni finanzjarja, jew jekk l-istituzzjoni hijiex investitur importanti fl-istrumenti ta’ dejn jew ta’ ekwità tagħha, jew jekk hemmx involviment kuntrattwali u mhux kuntrattwali ieħor li jesponi lill-istituzzjoni għar-riskji jew għal redditi simili għall-ekwità mill-assi tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata jew relatat mal-prestazzjoni tagħha; |
|
(c) |
jekk l-istituzzjoni hijiex effettivament involuta fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata, il-grad sa fejn l-istituzzjoni teżerċita influwenza fuqu, jew jekk l-istituzzjoni jew l-istituzzjoni finanzjarja titqiesx bħala kkontrollata f’konformità mal-qafas kontabilistiku applikabbli; |
|
(d) |
jekk l-istituzzjoni tirċevix servizzi operazzjonali kritiċi mill-istituzzjoni jew mill-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata li ma jistgħux jiġu sostitwiti fil-ħin mingħajr spiża eċċessiva; |
|
(e) |
jekk il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata hijiex ibbażata fuq il-klassifikazzjoni proprja tal-istituzzjoni; |
|
(f) |
jekk jeżistux karatteristiċi speċifiċi relatati mal-kompożizzjoni tal-bażi tal-investituri tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata, b’referenza partikolari għal jekk l-investituri l-oħrajn fl-istituzzjoni jew fl-istituzzjoni finanzjarja għandhomx relazzjoni kummerċjali mill-qrib mal-istituzzjoni, għall-kapaċità tagħhom li jġarrbu telf jew għall-kapaċità tagħhom li jiddisponu mill-istrumenti finanzjarji tagħhom; |
|
(g) |
jekk l-istituzzjoni jew l-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata u l-istituzzjoni għandhomx bażi komuni ta’ klijenti jew humiex involuti fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ xulxin; |
|
(h) |
jekk l-istituzzjoni u l-istituzzjoni jew l-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata għandhomx l-istess marka; |
|
(i) |
jekk l-istituzzjoni tkunx diġà pprovdiet appoġġ finanzjarju lill-istituzzjoni jew lill-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata f’każ ta’ diffikultajiet finanzjarji. |
4. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, b’mod partikolari, jirrikjedu konsolidazzjoni proporzjonali tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata skont l-azzjoni tal-kapital miżmuma f’dik l-impriża meta jkun hemm ftehim kuntrattwali bejn l-istituzzjoni u azzjonist, sid jew membru wieħed jew aktar tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata li jipprovdu appoġġ finanzjarju bi sħab lill-istituzzjoni jew lill-istituzzjoni finanzjarja jew ikun hemm evidenza qawwija li dawn jappoġġaw finanzjarjament lill-istituzzjoni jew lill-istituzzjoni finanzjarja skont l-azzjoni tal-kapital miżmuma fiha.
5. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, b’mod partikolari, jirrikjedu konsolidazzjoni sħiħa tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata meta, bħala konsegwenza tar-relazzjonijiet organizzazzjonali u finanzjarji bejn l-istituzzjoni u l-istituzzjoni jew l-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata, l-istituzzjoni tkun esposta għall-maġġoranza tar-riskji jew tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-attivitajiet rilevanti ta’ dik l-istituzzjoni jew l-istituzzjoni finanzjarja.
Artikolu 5
Kundizzjonijiet li f’konformità magħhom għandha titwettaq il-konsolidazzjoni f’każijiet fejn istituzzjoni teżerċita influwenza sinifikanti fuq istituzzjoni jew istituzzjoni finanzjarja waħda jew aktar, iżda mingħajr ma jkollha parteċipazzjoni jew rabtiet kapitali oħrajn f’dawk l-istituzzjonijiet
1. Meta istituzzjoni teżerċita influwenza sinifikanti fuq istituzzjoni jew istituzzjoni finanzjarja waħda jew aktar, iżda mingħajr ma jkollha parteċipazzjoni jew rabtiet kapitali oħra f’dawk l-istituzzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeterminaw il-konsolidazzjoni sħiħa tal-istituzzjonijiet jew tal-istituzzjonijiet finanzjarji kkonċernati skont il-punt (a) tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riskji ppreżentati minn dawk l-istituzzjonijiet jew l-istituzzjonijiet finanzjarji lill-istituzzjoni li teżerċita l-influwenza sinifikanti, filwaqt li jqisu l-firxa u l-effettività ta’ kwalunkwe mitigant tar-riskju u l-impatt fuq ir-rekwiżiti prudenzjali ta’ dik l-istituzzjoni fuq bażi konsolidata li jista’ jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ konsolidazzjoni sħiħa.
2. Għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-istituzzjoni għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti, fuq talba, l-informazzjoni kollha meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi msemmija fil-punti minn (a) sa (i) tal-Artikolu 4(3).
3. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, b’mod partikolari, jirrikjedu konsolidazzjoni sħiħa tal-istituzzjonijiet jew tal-istituzzjonijiet finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1 meta, bħala konsegwenza tar-relazzjonijiet organizzazzjonali u finanzjarji bejn l-istituzzjoni li teżerċita l-influwenza sinifikanti u l-istituzzjonijiet jew l-istituzzjonijiet finanzjarji kkonċernati, l-istituzzjoni tkun esposta għall-maġġoranza tar-riskji jew tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-attivitajiet rilevanti ta’ dawk l-istituzzjonijiet jew l-istituzzjonijiet finanzjarji.
4. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-elementi li għandhom jitqiesu bħala indikazzjonijiet ta’ influwenza sinifikanti għandhom jinkludu dan li ġej:
|
(a) |
l-istituzzjoni tkun ħatret jew ikollha d-dritt li taħtar membru tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata; |
|
(b) |
l-istituzzjoni tkun involuta b’mod effettiv fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata, inkluż fid-deċiżjonijiet dwar id-dividendi u distribuzzjonijiet oħrajn; |
|
(c) |
l-eżistenza ta’ tranżazzjonijiet materjali mal-istituzzjoni jew mal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata; |
|
(d) |
l-istituzzjoni tkun skambjat persunal maniġerjali mal-istituzzjoni jew mal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata; |
|
(e) |
l-istituzzjoni tipprovdi informazzjoni teknika essenzjali jew servizzi kritiċi lill-istituzzjoni jew lill-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata; |
|
(f) |
l-istituzzjoni jkollha drittijiet addizzjonali fl-istituzzjoni jew fl-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata, skont kuntratt, il-klawżoli tal-memoranda tagħhom jew l-artikoli ta’ assoċjazzjoni li jistgħu jaffettwaw il-ġestjoni jew il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ dik l-istituzzjoni jew l-istituzzjoni finanzjarja. |
5. L-eżistenza ta’ ċertifikat tal-azzjonijiet, ta’ għażliet ta’ xiri ta’ azzjonijiet, ta’ strumenti ta’ dejn li huma konvertibbli f’azzjonijiet ordinarji jew ta’ strumenti simili oħrajn li bħalissa jistgħu jiġu eżerċitati jew huma konvertibbli u li għandhom il-potenzjal, jekk jiġu eżerċitati jew ikkonvertiti, li jagħtu lill-istituzzjoni s-setgħa tal-vot jew li jnaqqsu s-setgħa tal-vot ta’ parti oħra fuq il-politiki finanzjarji u operattivi tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata, għandha tiġi kkunsidrata wkoll fil-valutazzjoni tal-influwenza sinifikanti.
Artikolu 6
Kundizzjonijiet li f’konformità magħhom għandha titwettaq il-konsolidazzjoni f’każijiet fejn żewġ istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji jew aktar jitqiegħdu f'ġestjoni unika għajr skont kuntratt, il-klawżoli tal-memoranda tagħhom jew l-artikoli ta’ assoċjazzjoni
1. Awtorità kompetenti għandha tiddetermina l-konsolidazzjoni ta’ żewġ istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji jew aktar li jitqiegħdu f'ġestjoni unika għajr skont kuntratt, il-klawżoli tal-memoranda tagħhom jew l-artikoli ta’ assoċjazzjoni għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-awtorità kompetenti tkun wettqet valutazzjoni bil-għan li tivverifika li l-politiki finanzjarji u operattivi tal-istituzzjonijiet jew tal-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu kkoordinati b’mod effettiv; u |
|
(b) |
l-istituzzjonijiet jew l-istituzzjonijiet finanzjarji kkonċernati ma jkunux relatati fis-sens tal-Artikolu 22(1), (2) u l-punt (b) tal-Artikolu 22(7) tad-Direttiva 2013/34/UE. |
2. Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, b’mod partikolari, iqisu l-elementi li ġejjin bħala indikazzjonijiet tal-eżistenza tas-sitwazzjoni msemmija f’dan il-punt:
|
(a) |
l-istituzzjonijiet jew l-istituzzjonijiet finanzjarji kkonċernati jkunu kkontrollati direttament jew indirettament, mill-istess persuna fiżika jew persuni fiżiċi, jew mill-istess entità jew entitajiet; |
|
(b) |
maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-istituzzjonijiet jew tal-istituzzjonijiet finanzjarji tkun tikkonsisti minn persuni maħtura mill-istess persuna fiżika jew persuni fiżiċi jew mill-istess entità jew entitajiet, anke jekk dawk il-membri ma jkunux jikkonsistu mill-istess persuni. |
3. Fil-każijiet imsemmija f’dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippermettu jew jirrikjedu l-użu tal-metodu ta’ konsolidazzjoni previst fl-Artikolu 22(8) u (9) tad-Direttiva 2013/34/UE.
4. L-Artikolu 2(1), (2) u (3) ta’ dan ir-Regolament għandu japplika bl-iskop li tiġi ddeterminata l-entità responsabbli għall-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżiti msemmija fl-Ewwel Parti tat-Titolu II tal-Kapitolu 2 tat-Taqsima 1 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fuq il-bażi tas-sitwazzjoni ta’ konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet u tal-istituzzjonijiet finanzjarji kollha msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 7
Kundizzjonijiet li f’konformità magħhom għandha titwettaq il-konsolidazzjoni f’każijiet fejn sussidjarja jew impriża li fiha istituzzjoni jkollha parteċipazzjoni ma tkunx istituzzjoni, istituzzjoni finanzjarja jew impriża ta’ servizzi anċillari
1. Awtorità kompetenti tista’ tirrikjedi l-konsolidazzjoni sħiħa jew proporzjonali ta’ sussidjarja jew impriża li fiha istituzzjoni jkollha parteċipazzjoni meta din is-sussidjarja jew impriża ma tkunx istituzzjoni, istituzzjoni finanzjarja jew impriża ta’ servizzi anċillari skont l-Artikolu 18(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, dment li din twettaq valutazzjoni li tivverifika li l-kundizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-Artikolu 18(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 qed tiġi ssodisfata. Għal dan il-fini, għandu japplika l-Artikolu 4(2) u (3) ta’ dan ir-Regolament.
2. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, b’mod partikolari, jirrikjedu konsolidazzjoni sħiħa tas-sussidjarja jew tal-impriża msemmija fil-paragrafu 1 meta, bħala konsegwenza tar-relazzjonijiet organizzazzjonali u finanzjarji bejn l-istituzzjoni u s-sussidjarja jew l-impriża kkonċernata, l-istituzzjoni tkun esposta għall-maġġoranza tar-riskji jew tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-attivitajiet rilevanti ta’ din is-sussidjarja jew l-impriża.
3. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu b’mod partikolari jirrikjedu konsolidazzjoni proporzjonali ta’ impriża msemmija fil-paragrafu 1 skont l-azzjoni tal-kapital miżmuma f’din l-impriża meta tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-impriża tkun ikkontrollata bi sħab mill-istituzzjoni flimkien ma’ impriża waħda jew aktar mhux inkluża fil-konsolidazzjoni skont arranġament kuntrattwali legalment infurzabbli bejniethom jew il-klawżoli tal-memoranda tal-impriża jew l-artikoli ta’ assoċjazzjoni u d-deċiżjonijiet dwar l-attivitajiet rilevanti tal-impriża jkunu jirrikjedu l-kunsens unanimu tal-impriżi parteċipanti kollha; |
|
(b) |
ikun hemm ftehim kuntrattwali bejn l-istituzzjoni u azzjonist, sid jew membru wieħed jew aktar tal-impriża biex jipprovdu appoġġ finanzjarju bi sħab lil din l-impriża jew ikun hemm evidenza b’saħħitha li dawn jappoġġaw finanzjarjament lill-impriża skont l-azzjoni tal-kapital miżmuma fiha. |
Artikolu 8
Kundizzjonijiet għall-inklużjoni fil-kapital konsolidat tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, u tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali, ta’ strumenti li jkunu jappartjenu għal persuni għajr l-impriżi inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni prudenzjali tal-konsolidazzjoni
1. F’każijiet fejn jintuża l-metodu ta’ konsolidazzjoni previst fl-Artikolu 22(8) u (9) tad-Direttiva 2013/34/UE skont il-punt (b) tal-Artikolu 18(3) jew (6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, istituzzjoni tista’ tinkludi l-entrati tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni u l-istrumenti kapitali tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali u l-kontijiet tal-primjum azzjonarju relatati tal-impriżi inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni prudenzjali tal-konsolidazzjoni li jkunu jappartjenu għal persuni għajr dawk l-impriżi fil-kapital konsolidat tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, u tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali, dment li dawk l-entrati kapitali jkunu disponibbli biex ikopru t-telf tal-impriżi kollha inklużi fil-konsolidazzjoni.
Meta l-entrati tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni u l-istrumenti kapitali tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali u l-kontijiet tal-primjum azzjonarju relatati msemmija fl-ewwel subparagrafu ma jkunux disponibbli biex ikopru t-telf tal-impriżi kollha inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni prudenzjali tal-konsolidazzjoni, l-istituzzjoni għandha tiddetermina l-ammont tal-entrati tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni u tal-istrumenti kapitali tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali u l-kontijiet tal-primjum azzjonarju relatati li għandhom jiġu inklużi fil-kapital konsolidat tal-Grad 1, u tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali, f’konformità mal-Artikoli minn 81 sa 88 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-entrati tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni u l-istrumenti kapitali tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali u l-kontijiet tal-primjum azzjonarju relatati msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, li jkunu jappartjenu għall-persuna jew għall-persuni jew għall-entità jew għall-entitajiet li jiġġestixxu l-impriżi fuq bażi magħquda skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew li jeżerċitaw ġestjoni unika fuq l-impriżi skont il-punt (b) tal-Artikolu 18(6) ta’ dan ir-Regolament, għandhom jitqiesu li huma disponibbli biex ikopru t-telf tal-impriżi kollha inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni prudenzjali tal-konsolidazzjoni.
3. F’każijiet fejn tkun meħtieġa konsolidazzjoni sħiħa skont l-Artikolu 18(5), il-punt (a) tal-Artikolu 18(6) jew l-Artikolu 18(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjoni għandha tiddetermina l-ammont ta’ entrati tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni u tal-istrumenti kapitali tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali u tal-kontijiet tal-primjum azzjonarju relatati tal-impriżi inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni prudenzjali tal-konsolidazzjoni li jkunu jappartjenu għal persuni għajr dawk l-impriżi, li għandu jiġi inkluż fil-kapital konsolidat tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, u tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali, f’konformità mal-Artikoli minn 81 sa 88 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Għal dan il-għan, l-impriżi li għalihom tkun meħtieġa konsolidazzjoni sħiħa għandhom jitqiesu bħala sussidjarji.
4. F’każijiet fejn tkun meħtieġa konsolidazzjoni proporzjonali skont l-Artikolu 18(4), (5) jew (8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom jiddeterminaw l-ammont ta’ strumenti kapitali tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali maħruġa mill-impriżi inklużi b’mod proporzjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni prudenzjali tal-konsolidazzjoni li jkunu jappartjenu għal persuni għajr dawk l-impriżi kif ukoll tal-kontijiet tal-primjum azzjonarju relatati, li għandu jiġi inkluż fil-kapital konsolidat tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali f’konformità mal-Artikoli 82, 83, u minn 85 sa 88 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
5. Għall-finijiet tal-paragrafu 4, għandu japplika dan li ġej:
|
(a) |
l-impriżi li għalihom tkun meħtieġa konsolidazzjoni proporzjonali għandhom jitqiesu bħala sussidjarji; |
|
(b) |
ir-referenzi għall-inklużjoni sħiħa fil-konsolidazzjoni skont l-Ewwel Parti tat-Titolu II tal-Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-inklużjoni proporzjonali fil-konsolidazzjoni skont l-Artikolu 18(4), (5) jew (8) ta’ dan ir-Regolament; u |
|
(c) |
l-ammonti msemmija fl-Artikoli 82, 83 u minn 85 sa88 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom jiġu ddeterminati filwaqt li titqies l-azzjoni tal-kapital miżmuma mill-istituzzjoni f’dawk l-impriżi. |
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.
(2) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).
(4) Il-Linji Gwida tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja dwar l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ta’ step-in, Basel, Ottubru 2017.
(5) Il-Linji Gwida tal-EBA dwar il-limiti fuq l-iskoperturi għall-entitajiet bankarji “paralleli” li jwettqu attivitajiet bankarji barra minn qafas regolat skont l-Artikolu 395(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, 3 ta’ Ġunju 2016, EBA/GL/2015/20.
(6) Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
(8) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1254/2012 tal-11 ta’ Diċembru 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 10 u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 11, l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 12, l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 27 (2011) u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 28 (2011) (ĠU L 360, 29.12.2012, p. 1).
(9) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).