22.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 121/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/662

tal-21 ta’ April 2022

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 401/2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 401/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 194/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4i tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-2 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 401/2013.

(2)

Il-Kunsill irreveda l-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 401/2013. Abbażi ta’ dik ir-reviżjoni, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar disa’ listi tiġi emendata.

(3)

Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 401/2013 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 401/2013 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  ĠU L 121, 3.5.2013, p. 1.


ANNESS

Fir-Regolament (UE) Nru 401/2013, fl-Anness IV, fit-taqsima “A. Persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 4a”, l-entrati 15, 16, 17, 20, 23, 35, 36, 37 u 38 huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

“15.

Min Aung Hlaing

Data tat-twelid: 3 ta’ Lulju 1956

Post tat-twelid: Tavoy, Myanmar/Burma

Nazzjonalità: Il-Myanmar

Numru ta’ Identifikazzjoni Nazzjonali: 12/SAKHANA(N)020199

Sess: raġel

Min Aung Hlaing ilu Kap Kmandant tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) sa mill-2011. Huwa l-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC) u membru tal-Kunsill Nazzjonali għad-Difiża u s-Sigurtà (NDSC). Min Aung Hlaing iddikjara lilu nnifsu bħala “Prim Ministru” fl-1 ta’ Awwissu 2021. Fl-1 ta’ Frar 2021, il-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), immexxija mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, wettqu kolp ta’ stat fil-Myanmar/Burma billi warrbu r-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fit-8 ta’ Novembru 2020 u billi waqqgħu l-gvern elett demokratikament. Bħala parti mill-kolp ta’ stat, il-Viċi President Myint Swe, fil-kariga ta’ Aġent President, iddikjara stat ta’ emerġenza fl-1 ta’ Frar 2021 u ttrasferixxa s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-Istat lill-Kap Kmandant tas-Servizzi tad-Difiża, il-Ġeneral Anzjan Min Aung Hlaing. Fit-2 ta’ Frar 2021, ġie stabbilit l-SAC biex jeżerċita dawk is-setgħat, biex b’hekk il-gvern elett demokratikament ma tħalliex iwettaq il-mandat tiegħu. Fil-31 ta’ Jannar 2022, fuq talba ta’ Min Aung Hlaing, l-NDSC estenda formalment l-istat ta’ emerġenza sal-31 ta’ Lulju 2022.

Permezz tal-konċentrazzjoni tas-setgħat kollha bħala President tal-SAC, il-Kap Kmandant Min Aung Hlaing kien direttament involut u responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-funzjonijiet statali u għalhekk hu responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma. Barra minn hekk, il-Kunsill Amministrattiv tal-Istat adotta deċiżjonijiet li rrestrinġew id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni, u d-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika. Il-forzi militari u l-awtoritajiet li joperaw taħt il-kontroll tal-SAC wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-1 ta’ Frar 2021 ’l hawn, il-qtil ta’ dimostranti ċivili u mhux armati, ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ għaqda paċifika u tal-espressjoni, inkluż permezz tar-restrizzjoni tal-aċċess għall-Internet, u permezz tal-arresti arbitrarji u d-detenzjoni ta’ mexxejja tal-oppożizzjoni u avversarji tal-kolp ta’ stat. Bħala President tal-SAC, il-Kap Kmandant Min Aung Hlaing hu direttament responsabbli għal dawk id-deċiżjonijiet repressivi u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

Fl-2018, in-NU kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili internazzjonali rrapportaw ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali li twettqu fl-Istati ta’ Kachin, Rakhine u Shan kontra l-popolazzjoni Rohingya mill-forzi militari u tal-pulizija sa mill-2011 u kkonkludew li l-biċċa l-kbira ta’ dak il-ksur jammonta għall-aktar reati gravi skont id-dritt internazzjonali. Bħala Kap Kmandant tat-Tatmadaw sa mill-2011, Min Aung Hlaing huwa direttament responsabbli għal dak il-ksur u l-abbużi serji kontra l-popolazzjoni Rohingya.

22.3.2021

16.

Myint Swe

Data tat-twelid: 24 ta’ Mejju 1951

Nazzjonalità: Il-Myanmar

Sess: raġel

Il-Logutenent Ġeneral Myint Swe hu membru tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u kien il-Viċi President maħtur mit-Tatmadaw sal-1 ta’ Frar 2021. F’dik id-data, Myint Swe pparteċipa f’laqgħa tal-Kunsill Nazzjonali għad-Difiża u s-Sigurtà (NDSC), ma’ membri oħra tat-Tatmadaw. Il-laqgħa tal-NDSC kienet anti-kostituzzjonali peress li ma inkludiex il-membri ċivili tiegħi. Matul dik il-laqgħa, Myint Swe ġie ddikjarat Aġent President. Myint Swe mbagħad iddikjara l-istat ta’ emerġenza u għadda s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-Istat lill-Kap Kmandant tas-Servizzi tad-Difiża, il-Ġeneral Anzjan Min Aung Hlaing. Il-proċedura għad-dikjarazzjoni tal-istat ta’ emerġenza nkisret peress li, skont il-Kostituzzjoni, il-President biss għandu l-awtorità li jiddikjara stat ta’ emerġenza. Fil-31 ta’ Jannar 2022, Myint Swe approva l-estensjoni tal-istat ta’ emerġenza sal-31 ta’ Lulju 2022.

Peress li aċċetta n-nomina tiegħu bħala Aġent President u billi ttrasferixxa s-setgħat leġiżlattivi, ġudizzjarji u eżekuttivi lill-Kap Kmandant, Myint Swe kkontribwixxa għat-twaqqiegħ tal-gvern elett demokratikament u għaldaqstant huwa responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma.

22.3.2021

17.

Soe Win

Data tat-twelid: 1 ta’ Marzu 1960

Nazzjonalità: Il-Myanmar

Sess: raġel

Soe Win ilu l-Viċi Kap Kmandant tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) sa mill-2011. Huwa l-Viċi President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni tal-Istat (SAC) u membru tal-Kunsill Nazzjonali għad-Difiża u s-Sigurtà (NDSC). Fl-1 ta’ Frar 2021, il-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), immexxija mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, wettqu kolp ta’ stat fil-Myanmar billi warrbu r-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fit-8 ta’ Novembru 2020 u billi waqqgħu l-gvern elett demokratikament. Bħala parti mill-kolp ta’ stat, il-Viċi President Myint Swe, fil-kariga ta’ Aġent President, iddikjara stat ta’ emerġenza fl-1 ta’ Frar 2021 u trasferixxa s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-Istat lill-Kap Kmandant tas-Servizzi tad-Difiża, il-Ġeneral Anzjan Min Aung Hlaing. Fit-2 ta’ Frar 2021, ġie stabbilit l-SAC biex jeżerċita dawk is-setgħat, biex b’hekk il-gvern elett demokratikament ma tħalliex iwettaq il-mandat tiegħu. Soe Win ipparteċipa fil-laqgħa tal-NDSC fil-31 ta’ Jannar 2022, li estendiet l-istat ta’ emerġenza sal-31 ta’ Lulju 2022.

Bħala Viċi President tal-SAC, il-Viċi Kap Kmandant Soe Win kien direttament involut u responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-funzjonijiet statali, u għalhekk hu responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma. Barra minn hekk, il-Kunsill Amministrattiv tal-Istat adotta deċiżjonijiet li rrestrinġew id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni, u d-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika. Il-forzi militari u l-awtoritajiet li joperaw taħt il-kontroll tal-SAC wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-1 ta’ Frar 2021 ’l hawn, il-qtil ta’ dimostranti ċivili u mhux armati, ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ għaqda paċifika u tal-espressjoni, inkluż permezz tar-restrizzjoni tal-aċċess għall-Internet, u permezz tal-arresti arbitrarji u d-detenzjoni ta’ mexxejja tal-oppożizzjoni u avversarji tal-kolp ta’ stat.

Bħala Viċi President tal-SAC, il-Viċi Kap Kmandant Soe Win hu direttament responsabbli għal dawk id-deċiżjonijiet repressivi u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

Fl-2018, in-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili internazzjonali rrapportaw ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali li twettqu fl-Istati ta’ Kachin, Rakhine u Shan kontra l-popolazzjoni Rohingya mill-forzi militari u tal-pulizija sa mill-2011 u kkonkludew li l-biċċa l-kbira ta’ dak il-ksur jammonta għall-aktar reati gravi skont id-dritt internazzjonali. Bħala Viċi Kap Kmandant tat-Tatmadaw sa mill-2011, Soe Win huwa direttament responsabbli għal dak il-ksur u l-abbużi serji kontra l-popolazzjoni Rohingya.

22.3.2021

20.

Mya Tun Oo

Data tat-twelid: 4 jew 5 ta’ Mejju 1961

Nazzjonalità: Il-Myanmar

Sess: raġel

Il-Ġeneral Mya Tun Oo hu membru tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). Inħatar Ministru għad-Difiża fl-1 ta’ Frar 2021 u huwa membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC).

Fl-1 ta’ Frar 2021, il-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), immexxija mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, wettqu kolp ta’ stat fil-Myanmar/Burma billi annullaw ir-riżultat tal-elezzjonijiet li saru fit-8 ta’ Novembru 2020 u billi waqqgħu l-gvern elett demokratikament. Bħala parti mill-kolp ta’ stat, il-Viċi President Myint Swe, fil-kariga ta’ Aġent President, iddikjara stat ta’ emerġenza fl-1 ta’ Frar 2021 u ttrasferixxa s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-istat lill-Kap Kmandant tas-Servizzi tad-Difiża, il-Ġeneral Anzjan Min Aung Hlaing. Fit-2 ta’ Frar 2021, ġie stabbilit l-SAC biex jeżerċita dawk is-setgħat, biex b’hekk il-gvern elett demokratikament ma tħalliex iwettaq il-mandat tiegħu. Mya Tun Oo pparteċipa fil-laqgħa tal-Kunsill Nazzjonali għad-Difiża u s-Sigurtà (NDSC) fil-31 ta’ Jannar 2022, li estendiet l-istat ta’ emerġenza sal-31 ta’ Lulju 2022. Bħala membru tal-NDSC u l-SAC, il-Ġeneral Mya Tun Oo kien direttament involut u responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-funzjonijiet statali, u għalhekk hu responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma.

Barra minn hekk, is-SAC adotta deċiżjonijiet li rrestrinġew id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni, u d-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika. Il-forzi militari u l-awtoritajiet li joperaw taħt il-kontroll tal-SAC wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-1 ta’ Frar 2021 ’l hawn, il-qtil ta’ dimostranti ċivili u mhux armati, ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ għaqda paċifika u tal-espressjoni, inkluż permezz tar-restrizzjoni tal-aċċess għall-Internet, u permezz tal-arresti arbitrarji u d-detenzjoni ta’ mexxejja tal-oppożizzjoni u avversarji tal-kolp ta’ stat.

Bħala membru tal-SAC, il-Ġeneral Mya Tun Oo hu direttament responsabbli għal dawk id-deċiżjonijiet repressivi u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, bħala Ministru għad-Difiża, Mya Tun Oo jġorr ir-responsabbiltà għall-attakki mill-forzi militari fl-Istat ta’ Kayah fil-25 ta’ Diċembru 2021 fejn inqatlu aktar minn 30 persuna, fosthom tfal u persunal umanitarju, u qtil tal-massa u tortura ta’ ċivili fil-Myanmar kollu. Għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma.

Fl-2018, in-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili internazzjonali rrapportaw ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali li twettqu fl-Istati ta’ Kachin, Rakhine u Shan kontra l-popolazzjoni Rohingya mill-forzi militari u tal-pulizija sa mill-2011 u kkonkludew li l-biċċa l-kbira ta’ dak il-ksur jammonta għall-aktar reati gravi skont id-dritt internazzjonali. Mya Tun Oo kien il-Kap Kmandant Konġunt tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), it-tielet l-ogħla pożizzjoni fit-Tatmadaw, minn Awwissu 2016 sal-ħatra tiegħu bħala l-Ministru għad-Difiża. F’dik il-kapaċità, hu ssorvelja l-operazzjonijiet militari li twettqu fl-Istat ta’ Rakhine u kkoordina d-diversi forzi armati, li jinkludu l-Armata, il-Flotta Navali u l-Forza tal-Ajru, kif ukoll l-użu tal-artillerija. Għalhekk, hu responsabbli għal dawk il-ksur u l-abbużi serji kontra l-popolazzjoni Rohingya.

22.3.2021

23.

Maung Maung Kyaw

Data tat-twelid: 23 ta’ Lulju 1964

Nazzjonalità: Il-Myanmar

Sess: raġel

Il-Ġeneral Maung Maung Kyaw hu membru tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC). Qabel serva bħala Kap Kmandant tal-Forza tal-Ajru tal-Myanmar bejn l-2018 u Jannar 2022. Fl-1 ta’ Frar 2021, il-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), immexxija mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, wettqu kolp ta’ stat fil-Myanmar/Burma billi warrbu r-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fit-8 ta’ Novembru 2020 u waqqgħu l-gvern elett demokratikament. Bħala parti mill-kolp ta’ stat, il-Viċi President Myint Swe, fil-kariga ta’ Aġent President, iddikjara stat ta’ emerġenza fl-1 ta’ Frar 2021 u trasferixxa s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-istat lill-Kap Kmandant tas-Servizzi tad-Difiża, il-Ġeneral Anzjan Min Aung Hlaing. Fit-2 ta’ Frar 2021, ġie stabbilit l-SAC biex jeżerċita dawk is-setgħat, biex b’hekk il-gvern elett demokratikament ma tħalliex iwettaq il-mandat tiegħu. Bħala membru tal-SAC, il-Ġeneral Maung Maung Kyaw kien direttament involut u responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-funzjonijiet statali, u għalhekk hu responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma.

Barra minn hekk, il-Kunsill Amministrattiv tal-Istat adotta deċiżjonijiet li rrestrinġew id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni, u d-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika. Il-forzi militari u l-awtoritajiet li joperaw taħt il-kontroll tal-SAC wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-1 ta’ Frar 2021 ’l hawn, il-qtil ta’ dimostranti ċivili u mhux armati, ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ għaqda paċifika u tal-espressjoni, inkluż permezz tar-restrizzjoni tal-aċċess għall-Internet, u permezz tal-arresti arbitrarji u d-detenzjoni ta’ mexxejja tal-oppożizzjoni u avversarji tal-kolp ta’ stat. Bħala membru tal-SAC, il-Ġeneral Maung Maung Kyaw hu direttament responsabbli għal dawk id-deċiżjonijiet repressivi u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, fil-kapaċità preċedenti tiegħu bħala l-kap tal-Forza tal-Ajru tal-Myanmar, huwa kien direttament responsabbli għall-attakki bil-bombi fl-Istat ta’ Kayah f’Diċembru 2021, li mmiraw fuq il-popolazzjoni ċivili u kkawżaw għadd kbir ta’ vittmi. Għalhekk, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

22.3.2021

35.

U Chit Naing

(magħruf ukoll bħala Sate Pyin Nyar)

Data tat-twelid: Diċembru 1948;

Post tat-twelid: Raħal ta’ Kyee Nee, Chauk Township, Reġjun ta’ Magway, il-Myanmar/Burma;

Nazzjonalità: Il-Myanmar;

Sess: raġel

Indirizz: No. 150, Yadanar Street, Yadanar Housing (near Tine Yin Thar Village), Tharkayta Township, Yangon, Myanmar

U Chit Naing huwa l-Ministru tal-Gvern tal-Unjoni li jmexxi l-Ministeru tal-Uffiċċju tal-Gvern tal-Unjoni (2). Kien il-Ministru għall-Informazzjoni mit-2 ta’ Frar 2021 sal-1 ta’ Awwissu 2021. Inħatar mill-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC) li ħa f’idu s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-Istat mit-2 ta’ Frar 2021. Bħala Ministru għall-Informazzjoni, kien responsabbli għall-media tal-istat (MWD, MRTV, Myanmar Alin, Kyemon u l-gazzetti tal-Global New Light of Myanmar, kif ukoll il-Myanmar News Agency (MNA) u Myanmar Digital News), u għaldaqstant għax-xandir u l-pubblikazzjoni tal-aħbarijiet uffiċjali. Meta kien Ministru għall-Informazzjoni, il-gazzetti kienu mimlija b’artikli favur il-forzi militari u għaldaqstant huwa responsabbli għall-propaganda tal-ġunta u għat-tixrid tad-diżinformazzjoni permezz tal-media tal-istat li mhumiex qed jirrappurtaw b’mod preċiż. Huwa direttament responsabbli għad-deċiżjonijiet li wasslu għar-repressjoni tal-media ta’ Myanmar. Dan jinkludi direttivi, li ordnaw lill-media indipendenti biex ma jużawx il-kliem “kolp ta’ stat”, “reġim militari” u “ġunta”, u li wasslet għall-projbizzjoni ta’ ħames aġenziji tal-aħbarijiet fil-pajjiż. Fil-pożizzjoni preċedenti u attwali tiegħu bħala membru tal-gvern, l-azzjonijiet, il-politiki u l-attivitajiet tiegħu jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma.

19.4.2021

36.

Soe Htut

Data tat-twelid: 29 ta’ Marzu 1960;

Post tat-twelid: Mandalay, il-Myanmar/Burma;

Nazzjonalità: il-Myanmar;

Sess: raġel

Il-Logutenent Ġeneral Soe Htut hu membru tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw).

Huwa wkoll membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC) immexxi mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing. Fl-1 ta’ Frar 2021, il-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), immexxija mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, wettqu kolp ta’ stat fil-Myanmar billi warrbu r-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fit-8 ta’ Novembru 2020 u billi waqqgħu l-gvern elett demokratikament. Bħala parti mill-kolp ta’ stat, il-Viċi President Myint Swe, fil-kariga ta’ Aġent President, iddikjara stat ta’ emerġenza fl-1 ta’ Frar 2021 u trasferixxa s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-istat lill-Kap Kmandant tas-Servizzi tad-Difiża, il-Ġeneral Anzjan Min Aung Hlaing. Fit-2 ta’ Frar 2021, ġie stabbilit l-SAC biex jeżerċita dawk is-setgħat, biex b’hekk il-gvern elett demokratikament ma tħalliex iwettaq il-mandat tiegħu.

Soe Htut inħatar Ministru għall-Affarijiet Interni fl-1 ta’ Frar 2021. Soe Htut ipparteċipa fil-laqgħa tal-Kunsill Nazzjonali għad-Difiża u s-Sigurtà (NDSC) fil-31 ta’ Jannar 2022, li estendiet l-istat ta’ emerġenza sal-31 ta’ Lulju 2022. Permezz ta’ dik id-deċiżjoni u billi huwa membru tal-SAC, l-attivitajiet u l-politiki tiegħu jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma.

Il-Ministru għall-Affarijiet Interni huwa responsabbli mill-Forza tal-Pulizija, is-Servizz tat-Tifi tan-Nar u s-Servizz tal-Ħabs tal-Myanmar. Il-funzjonijiet tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni jinkludu s-Sigurtà tal-Istat u l-Liġi u l-Ordni. F’dik il-kapaċità, il-Logutenent Ġeneral Soe Htut huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-Pulizija tal-Myanmar sa mill-kolp ta’ stat militari tal-1 ta’ Frar 2021, inkluż il-qtil ta’ ċivili u dimostranti mhux armati, ksur tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u ta’ għaqda paċifika, arresti arbitrarji u detenzjoni ta’ mexxejja tal-oppożizzjoni u dimostranti paċifiċi u ksur tal-libertà ta’ espressjoni.

Barra minn hekk, bħala membru tal-SAC, il-Logutenent Ġeneral Soe Htut kien direttament involut fi u responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-funzjonijiet statali, u għalhekk hu responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma. Huwa wkoll direttament responsabbli għad-deċiżjonijiet repressivi meħuda mill-SAC, inkluż leġiżlazzjoni li tikser id-drittijiet tal-bniedem u tillimita l-libertajiet taċ-ċittadini tal-Myanmar, u għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar.

21.6.2021

37.

Tun Tun Naung

(magħruf ukoll bħala Tun Tun Naing; magħruf ukoll bħala Htun Htun Naung)

Data tat-twelid: 30 ta’ April 1963;

Nazzjonalità: il-Myanmar;

Sess: raġel

Il-Logutenent Ġeneral Tun Tun Naung huwa membru tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u qabel kien Kmandant. Huwa l-Ministru għall-Affarijiet tal-Fruntieri u membru tal-Kunsill Nazzjonali għad-Difiża u s-Sigurtà (NDSC). Fl-2013, Tun Tun Naung kien il-Kmandant tat-Tramuntana li kien qed jissorvelja l-kunflitt tal-forzi militari ta’ Burma mal-Armata tal-Indipendenza ta’ Kachin. F’dan il-kunflitt, it-truppi tal-Myanmar taħt il-kmand ta’ Tun Tun Naung wettqu abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali. Fl-2017, Tun Tun Naung kien uffiċjal kmandant tal-“Ewwel Uffiċċju tal-Operazzjonijiet Speċjali”. Taħt il-kmand tiegħu, it-truppi wettqu atroċitajiet u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kontra minoranzi etniċi fl-istat ta’ Rakhine matul l-“operazzjonijiet ta’ tneħħija tar-Rohingya”. Dawk l-operazzjonijiet bdew fil-25 ta’ Awwissu 2017 u involvew qtil arbitrarju, abbuż fiżiku, tortura, vjolenza sesswali u detenzjoni ta’ persuni Rohingya. Bħala Kmandant fl-2013 u l-2017, Tun Tun Naung huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq fil-Myanmar/Burma.

Fl-1 ta’ Frar 2021, il-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), immexxija mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, wettqu kolp ta’ stat fil-Myanmar billi warrbu r-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fit-8 ta’ Novembru 2020 u billi waqqgħu l-gvern elett demokratikament. Bħala parti mill-kolp ta’ stat, il-Viċi President Myint Swe, fil-kariga ta’ Aġent President, iddikjara stat ta’ emerġenza u ttrasferixxa s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-istat lill-Kap Kmandant tas-Servizzi tad-Difiża, il-Ġeneral Anzjan Min Aung Hlaing. Matul dawk l-avvenimenti, fl-1 ta’ Frar 2021 Tun Tun Naung aċċetta ħatra bħala Ministru għall-Affarijiet tal-Fruntieri fil-Gvern tal-Unjoni u b’hekk ħa siġġu fil-Kunsill tad-Difiża u s-Sigurtà Nazzjonali (NSDC). Tun Tun Naung ipparteċipa fil-laqgħa tal-NDSC fil-31 ta’ Jannar 2022, li estendiet l-istat ta’ emerġenza sal-31 ta’ Lulju 2022. B’dik id-deċiżjoni u bħala membru tal-Gvern tal-Unjoni u Ministru għall-Affarijiet tal-Fruntieri, Tun Tun Naung huwa responsabbli għal attivitajiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar u azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-pajjiż.

21.6.2021

38.

Win Shein

(magħruf ukoll bħala U Win Shein)

Data tat-twelid: 31 ta’ Lulju 1957;

Post tat-twelid: Mandalay, il-Myanmar/Burma;

Nazzjonalità: il-Myanmar;

Sess: raġel;

Numru tal-passaport: DM001478 (Myanmar/Burma) maħruġ fl-10 ta’ Settembru 2012, jiskadi fid-9 ta’ Settembru 2022;

Karta tal-Identità Nazzjonali: 12DAGANA011336

Win Shein huwa l-Ministru għall-Ippjanar u l-Finanzi fil-Gvern tal-Unjoni, maħtur mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing fl-1 ta’ Frar 2021. Fl-1 ta’ Frar 2021, il-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), immexxija mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, wettqu kolp ta’ stat fil-Myanmar billi warrbu r-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fit-8 ta’ Novembru 2020 u billi waqqgħu l-gvern elett demokratikament. Bħala parti mill-kolp ta’ stat, il-Viċi President Myint Swe, fil-kariga ta’ Aġent President, iddikjara stat ta’ emerġenza u ttrasferixxa s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-istat lil Min Aung Hlaing.

Billi aċċetta n-nomina tiegħu bħala Ministru għall-Ippjanar u l-Finanzi tal-Gvern tal-Unjoni, u permezz tar-rwol importanti tiegħu fil-politika ekonomika tar-reġim, Win Shein huwa responsabbli talli dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma.

21.6.2021”.