21.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/65


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/650

tal-20 ta’ April 2022

li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet għad-diaċetat tas-sodju (E 262 (ii))

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(2)

L-ispeċifikazzjonijiet tal-addittivi tal-ikel jistgħu jiġu aġġornati f’konformità mal-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara applikazzjoni minn Stat Membru jew minn parti kkonċernata.

(3)

Fit-3 ta’ Awwissu 2020, tressqet applikazzjoni biex jiġu emendati speċifikazzjonijiet li jikkonċernaw l-addittiv tal-ikel diaċetat tas-sodju (E 262(ii)). L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 231/2012 jipprevedi li d-diaċetat tas-sodju (E262(ii)) irid ikun fih bejn 39 % u 41 % ta’ aċidu aċetiku ħieles u bejn 58 % u 60 % ta’ aċetat tas-sodju. L-applikant qed jitlob li dawn jiġu emendati għal bejn 39 % u 43 % ta’ aċidu aċetiku ħieles u bejn 57 % u 60 % ta’ aċetat tas-sodju.

(5)

Skont l-applikant meta jiġi prodott id-diaċetat tas-sodju (E 262(ii)) jinkiseb prodott stojkjometriku b’kontenut ta’ 42,3 % aċidu aċetiku ħieles. L-applikant jasserixxi li t-tnaqqis tal-kontenut ta’ aċidu aċetiku ħieles għal bejn 39 % u 41 % jirrikjedi ammonti eċċessivi ta’ enerġija. Għalhekk, jekk il-limitu massimu għall-aċidu aċetiku ħieles jiżdied għal 43 % dan inaqqas il-ħin tat-tnixxif waqt il-produzzjoni, u b’hekk titnaqqas l-enerġija meħtieġa għall-produzzjoni, u l-proċess ikun aktar sostenibbli.

(6)

Skont l-applikant ma hemmx bidliet oħra fil-proċess ta’ produzzjoni, l-ammont ogħla ta’ aċidu aċetiku ħieles fid-diaċetat tas-sodju (E 262(ii)) ma għandux impatti fuq is-sikurezza, u apparti din il-bidla msemmija, il-prodott jibqa’ l-istess, jiġifieri ma fihx impuritajiet għajr dawk speċifikati fir-Regolament (UE) Nru 231/2012.

(7)

L-applikazzjoni ġiet diskussa mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti Governattivi dwar l-Addittivi. Filwaqt li qieset l-informazzjoni pprovduta mill-applikant u l-feedback li wasal mingħand il-Grupp ta’ Ħidma, il-Kummissjoni waslet għall-fehma li l-emenda proposta fl-ispeċifikazzjonijiet tad-diaċetat tas-sodju (E 262 (ii)) mhix mistenni li jkollha effett fuq is-saħħa tal-bniedem.

(8)

Billi ż-żieda tal-limitu massimu għall-kontenut ta’ aċidu aċetiku ħieles fid-diaċetat tas-sodju (E 262(ii)) minn 41 % għal 43 % mhuwiex mistenni li jkollha effett fuq is-saħħa tal-bniedem, mhuwiex meħtieġ li tintalab l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel f’konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, fl-entrata tal-“E 262(ii) Diaċetat tas-Sodju”, taħt “Definizzjoni” ir-ringiela tat-Test hija sostitwita minn dan li ġej:

“Test

Kontenut ta’ bejn 39 % u 43 % ta’ aċidu aċetiku ħieles u bejn 57 % u 60 % ta’ aċetat tas-sodju”