19.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 117/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/632

tat-13 ta’ April 2022

li jistabbilixxi miżuri temporanji fir-rigward ta’ frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina, mill-Brażil, mill-Afrika t’Isfel, mill-Urugwaj u miż-Żimbabwe biex jipprevjenu l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-pest Phyllosticta citricarpa (Mc Alpine) Van der Aa u t-tixrid tiegħu

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 41(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/715 (2) tistabbilixxi miżuri fir-rigward tal-frott tas-Citrus L., Fortunella Swingle, Poncirus Raf., u l-ibridi tagħhom, għajr il-frott tas-Citrus aurantium L. u tas-Citrus latifolia Tanaka (“il-frott speċifikat”), li joriġina mill-Arġentina, mill-Brażil, mill-Afrika t’Isfel jew mill-Urugwaj, biex jipprevjenu l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa (“il-pest speċifikat”) u t-tixrid tiegħu. Din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiskadi fil-31 ta’ Marzu 2022.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (3) jistabbilixxi l-lista ta’ pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni mhux magħrufa li jseħħu fit-territorju tal-Unjoni fil-Parti A tal-Anness II. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 għandu l-għan li jipprevjeni d-dħul, l-istabbiliment u t-tixrid ta’ dawk il-pesti fit-territorju tal-Unjoni.

(3)

Il-pest speċifikat huwa elenkat bħala pest ta’ kwarantina tal-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072. Huwa wkoll elenkat bħala pest ta’ prijorità fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1702 (4).

(4)

Mill-2016, l-Istati Membri rrappurtaw diversi nuqqasijiet ta’ konformità minħabba l-preżenza tal-pest speċifikat fl-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina, mill-Brażil, mill-Afrika t’Isfel u mill-Urugwaj. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/715 jinżammu u jiġu aġġornati għal kull wieħed minn dawk il-pajjiżi u, għal raġunijiet ta’ ċarezza, jiġu stabbiliti f’Regolament.

(5)

Barra minn hekk, fl-2021 ġie osservat għadd kbir ta’ nuqqasijiet ta’ konformità minħabba l-preżenza tal-pest speċifikat fuq il-frott speċifikat li joriġina miż-Żimbabwe. Dan l-għadd kbir ta’ nuqqasijiet ta’ konformità miż-Żimbabwe jindika li l-miżuri stabbiliti fil-punt 60 tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 mhumiex biżżejjed biex jiżguraw il-ħelsien mill-pest speċifikat fuq il-frott speċifikat li joriġina miż-Żimbabwe u li għalhekk huwa meħtieġ li l-frott speċifikat li joriġina miż-Żimbabwe jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri temporanji kontra l-pest speċifikat stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(6)

Biex tiġi żgurata prevenzjoni aktar effettiva tad-dħul tal-pest speċifikat fit-territorju tal-Unjoni, u filwaqt li titqies l-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/715, jeħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri addizzjonali għall-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina, mill-Brażil, mill-Afrika t’Isfel, mill-Urugwaj u miż-Żimbabwe.

(7)

Dawk il-miżuri huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-frott speċifikat joriġina minn postijiet u minn siti tal-produzzjoni rreġistrati mal-Organizzazzjonijiet Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (“l-NPPOs”) tal-Arġentina, tal-Brażil, tal-Afrika t’Isfel, tal-Urugwaj jew taż-Żimbabwe, u approvati minnhom. Huma meħtieġa wkoll biex jiġi żgurat li dak il-frott jiġi akkumpanjat minn kodiċi ta’ traċċabbiltà li jippermetti, fejn meħtieġ minħabba d-detezzjoni tal-pest speċifikat, li jittraċċa lura għas-sit tal-produzzjoni. Dawk il-miżuri huma meħtieġa wkoll biex jiġi żgurat li l-frott speċifikat joriġina minn siti tal-produzzjoni fejn il-pest speċifikat ma jkunx instab matul l-istaġuni kummerċjali preċedenti u attwali.

(8)

Jenħtieġ li l-NPPOs tal-Arġentina, tal-Brażil, tal-Afrika t’Isfel, tal-Urugwaj jew taż-Żimbabwe jivverifikaw wkoll l-applikazzjoni korretta tat-trattamenti fuq il-post, billi dan wera li huwa l-aktar mod effettiv biex jiġi żgurat in-nuqqas tal-pest speċifikat mill-frott speċifikat.

(9)

Jenħtieġ li l-frott speċifikat ikun akkumpanjat ukoll minn ċertifikat fitosanitarju, li jinkludi d-data tal-ispezzjoni, l-għadd ta’ pakketti minn kull sit tal-produzzjoni u l-kodiċijiet ta’ traċċabilità. Jenħtieġ li l-Istati Membri jindikaw il-kodiċijiet ta’ traċċabbiltà meta jinnotifikaw in-nuqqasijiet ta’ konformità fis-sistema elettronika ta’ notifika.

(10)

Wara r-reviżjoni tar-rekwiżiti tal-importazzjoni għall-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina fl-2021, li rriżultat fl-emenda tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/715 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/682 (5), jenħtieġ li l-kampjunar biex tiġi kkonfermata l-applikazzjoni korretta tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fuq il-post jiġi bbażat fuq in-nuqqasijiet ta’ konformità identifikati bl-ispezzjonijiet fuq il-post jew fil-faċilitajiet tal-ippakkjar qabel l-esportazzjoni, jew malli jitwettqu l-verifiki fuq il-kunsinni fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera fl-Unjoni. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-kampjunar ikun ibbażat fuq ir-riskju.

(11)

Minħabba l-għadd kbir ta’ nuqqasijiet ta’ konformità fuq il-frott speċifikat li joriġina mill-Afrika t’Isfel, li l-Istati Membri nnotifikaw fl-2021, huma meħtieġ li jiżdiedu r-rekwiżiti għall-kampjunar, meta mqabbel mar-rekwiżiti rispettivi stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/715, sabiex jiġi identifikat il-pest speċifikat fuq il-frott speċifikat matul l-istadji differenti fl-istabbiliment tal-ippakkjar, sakemm ikun lest għall-esportazzjoni.

(12)

Peress li mill-2019 l-għadd ta’ nuqqasijiet ta’ konformità nnotifikati mill-Istati Membri dwar il-frott speċifikat li joriġina mill-Brażil u mill-Urugwaj kien baxx, l-applikazzjoni tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/715 minn dawn il-pajjiżi waqqfet l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-Phyllosticta citricarpa u t-tixrid fiha. Għalhekk, jenħtieġ li dawn il-miżuri jissoktaw japplikaw għal dawk iż-żewġ pajjiżi. Madankollu, ma għadux meħtieġ li jinżamm l-obbligu li l-Urugwaj iwettaq ittestjar tal-latenza għal-larinġ ta’ Valencia, peress li l-għadd ta’ nuqqasijiet ta’ konformità tal-pest speċifikat fuq dak il-frott speċifikat naqas b’mod sinifikanti mill-2016.

(13)

Fid-dawl tal-valutazzjoni tar-riskju dwar il-pesti tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (6), l-importazzjonijiet tal-frott speċifikat intiż esklussivament għall-ipproċessar kellhom inqas riskju li jittrasferixxu l-pest speċifikat lill-pjanta ospitanti xierqa, peress li huma soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fl-Unjoni u għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-moviment, l-ipproċessar, il-ħżin, il-kontenituri, l-ippakkjar u t-tikkettar. Għalhekk, dawn l-importazzjonijiet jistgħu jsiru b’rekwiżiti inqas stretti.

(14)

Wara li jitwettqu l-verifiki fiżiċi msemmija fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jenħtieġ li l-frott speċifikat, intiż esklussivament għall-ipproċessar, jiġi trasportat direttament u mingħajr dewmien lejn il-post tal-ipproċessar jew lejn faċilità tal-ħżin, biex jiġi żgurat li jkun hemm l-inqas riskju fitosanitarju possibbli.

(15)

Sabiex l-NPPOs, l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi professjonisti kkonċernati ikollhom biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, u biex jiġi żgurat li dawk ir-rekwiżiti japplikaw minnufih wara l-iskadenza tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/715, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ April 2022.

(16)

Sabiex l-operaturi fil-Brażil, fl-Urugwaj u fiż-Żimbabwe ikollhom biżżejjed żmien biex jaġġustaw għar-regoli l-ġodda, jenħtieġ li r-rekwiżit li l-frott speċifikat jiġi prodott f’sit tal-produzzjoni, fejn il-pest speċifikat ma jkunx instab fuq il-frott speċifikat matul l-istaġun preċedenti tat-tkabbir u tal-esportazzjoni, jew matul l-ispezzjonijiet uffiċjali f’dawk il-pajjiżi jew matul il-verifiki mwettqa fuq il-kunsinni li jidħlu fl-Unjoni matul dak l-istaġun tat-tkabbir u tal-esportazzjoni, japplika biss mill-1 ta’ April 2023 fil-każijiet tal-frott speċifikat li joriġina minn dawk il-pajjiżi. Din l-applikazzjoni differita mhux meħtieġa għall-Arġentina jew għall-Afrika t’Isfel, li kkonfermaw li diġà japplikaw dan ir-rekwiżit.

(17)

Ir-riskju fitosanitarju, ikkaġunat mill-preżenza tal-pest speċifikat fl-Arġentina, fil-Brażil, fl-Afrika t’Isfel, fl-Urugwaj u fiż-Żimbabwe, u kkaġunat mill-importazzjoni tal-frott speċifikat minn dawk il-pajjiżi terzi fl-Unjoni, għadu jvarja kull sena għal kull pajjiż terz ta’ oriġini għall-frott speċifikat. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi vvalutat aktar abbażi tal-aħħar żviluppi tekniċi u xjentifiċi dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-pest speċifikat. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun temporanju u jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2025 biex tkun tista’ ssir ir-reviżjoni tiegħu.

(18)

Fid-dawl tal-fatt li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/715 tiskadi fil-31 ta’ Marzu 2022, u sabiex il-kummerċ tal-frott speċifikat isir f’konformità mar-regoli ta’ dan ir-Regolament immedjatament wara dik l-iskadenza, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(19)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri fir-rigward tal-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina, mill-Brażil, mill-Afrika t’Isfel, mill-Urugwaj u miż-Żimbabwe biex jipprevjenu l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-pest Phyllosticta citricarpa (Mc Alpine) Van der Aa u t-tixrid tiegħu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“pest speċifikat” tfisser Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa;

(2)

“frott speċifikat” tfisser il-frott tas-Citrus L., Fortunella Swingle, Poncirus Raf., u l-ibridi tagħhom, għajr il-frott tas-Citrus aurantium L. u tas-Citrus latifolia Tanaka.

KAPITOLU II

INTRODUZZJONI FIT-TERRITORJU TAL-UNJONI TA’ FROTT SPEĊIFIKAT, GĦAJR IL-FROTT INTIŻ ESKLUSSIVAMENT GĦALL-IPPROĊESSAR INDUSTRIJALI

Artikolu 3

Introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ frott speċifikat, għajr il-frott intiż esklussivament għall-ipproċessar industrijali

B’deroga mill-punti 60(c) u 60 (d) tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, il-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina, mill-Brażil, mill-Afrika t’Isfel, mill-Urugwaj u miż-Żimbabwe, għajr il-frott intiż esklussivament għall-ipproċessar industrijali, jista’ biss jiġi introdott fit-territorju tal-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament u jekk il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Annessi I sa V ta’ dan ir-Regolament għall-pajjiż rispettiv ikunu ġew issodisfati.

Artikolu 4

Notifika minn qabel tal-kunsinni tal-frott speċifikat għall-importazzjoni fl-Unjoni

L-operaturi professjonisti għandhom jippreżentaw id-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul għall-kunsinni tal-frott speċifikat biss bil-kodiċijiet tat-traċċabbiltà tas-siti tal-produzzjoni inklużi fil-listi aġġornati msemmija fl-Anness I, il-punt 9, fl-Anness II, il-punt 7, fl-Anness III, il-punt 9, fl-Anness IV, il-punt 7 u fl-Anness V, il-punt 8.

Artikolu 5

Spezzjoni tal-frott speċifikat fi ħdan l-Unjoni, għajr il-frott intiż esklussivament għall-ipproċessar industrijali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, taħt is-superviżjoni uffiċjali tagħhom u permezz tal-listi aġġornati msemmija fl-Anness I, il-punt 9, fl-Anness II, il-punt 7, fl-Anness III, il-punt 9, fl-Anness IV, il-punt 7 u fl-Anness V, il-punt 8, l-operaturi professjonisti jippreżentaw għall-importazzjoni biss il-kunsinni li joriġinaw mis-siti tal-produzzjoni msemmija fl-Anness I, il-punti 11(a), (b), (c) u (d), u l-punt 12, fl-Anness II, il-punti 9(a), (b), (c) u (d), fl-Anness III, il-punti 11(a), (b), (c) u (d), fl-Anness IV, il-punti 9(a), (b), (c) u (d), u fl-Anness V, il-punti 10(a), (b), (c) u (d).

2.   Dawn il-verifiki fiżiċi għandhom jitwettqu fuq kampjuni ta’ mill-inqas 200 frotta ta’ kull speċi tal-frott speċifikat, f’lottijiet ta’ 30 tunnellata l-wieħed jew parti minnhom, li jintgħażlu abbażi ta’ kull sintomu possibbli tal-pest speċifikat.

3.   Jekk waqt il-verifiki fiżiċi msemmija fil-paragrafu 2 jinstabu xi sintomi tal-pest speċifikat, il-preżenza ta’ dak il-pest għandha tiġi kkonfermata jew irrifjutata billi jiġi ttestjat il-frott speċifikat li juri dawn is-sintomi.

KAPITOLU III

INTRODUZZJONI U MOVIMENT FL-UNJONI TAL-FROTT SPEĊIFIKAT INTIŻ ESKLUSSIVAMENT GĦALL-IPPROĊESSAR INDUSTRIJALI

Artikolu 6

Introduzzjoni u moviment fit-territorju tal-Unjoni tal-frott speċifikat intiż esklussivament għall-ipproċessar industrijali

B’deroga mill-punt 60(e) tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, il-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina, mill-Brażil, mill-Afrika t’Isfel, mill-Urugwaj jew miż-Żimbabwe, intiż esklussivament għall-ipproċessar industrijali, għandu jiġi biss introdott u mċaqlaq, ipproċessat u maħżun fit-territorju tal-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 6 sa 10 u jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

il-frott speċifikat ikun ġie prodott f’wieħed minn dawk il-pajjiżi f’sit tal-produzzjoni approvat, li sarulu trattamenti u fejn ittieħdu miżuri kulturali effettivi kontra l-pest speċifikat f’ħin xieraq mindu beda l-aħħar ċiklu tal-veġetazzjoni, u l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet ivverifikata taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (“l-NPPO”) ta’ dak il-pajjiż;

(b)

il-frott speċifikat ikun inħasad f’siti tal-produzzjoni approvati u ma ġie indikat l-ebda sintomu tal-pest speċifikat matul verifika fiżika xierqa mwettqa matul l-ippakkjar;

(c)

il-frott speċifikat ikun akkumpanjat minn ċertifikat fitosanitarju, li jinkludi l-elementi kollha li ġejjin:

(i)

l-għadd ta’ pakketti minn kull sit tal-produzzjoni;

(ii)

in-numri ta’ identifikazzjoni tal-kontenituri;

(iii)

il-kodiċijiet ta’ traċċabbiltà rilevanti tas-siti tal-produzzjoni indikati fuq il-pakketti individwali, u d-dikjarazzjonijiet li ġejjin taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”: “Il-kunsinna tikkonforma mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/632” u “Frott intiż esklussivament għall-ipproċessar industrijali”;

(d)

ikunu ttrasportati f’pakketti individwali f’kontenitur;

(e)

tkun imwaħħla tikketta ma’ kull pakkett individwali msemmi fil-punt (d) li jkollha l-informazzjoni li ġejja:

(i)

il-kodiċi ta’ traċċabilità tas-sit tal-produzzjoni fuq kull pakkett individwali;

(ii)

il-piż nett dikjarat tal-frott speċifikat;

(iii)

id-dikjarazzjoni: “Frott intiż esklussivament għall-ipproċessar industrijali”.

Artikolu 7

Moviment tal-frott speċifikat fit-territorju tal-Unjoni

1.   Il-frott speċifikat ma għandux jiċċaqlaq lejn Stat Membru, għajr dak l-Istat Membru li minnu ġie introdott fit-territorju tal-Unjoni, sakemm l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati ma jaqblux li jseħħ dan il-moviment.

2.   Wara li jitwettqu l-verifiki fiżiċi msemmija fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2017/625, il-frott speċifikat għandu jiġi ttrasportat direttament u mingħajr dewmien fil-bini tal-ipproċessar imsemmi fl-Artikolu 8(1) jew f’faċilità tal-ħżin. Kull moviment tal-frott speċifikat għandu jitwettaq taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab il-punt ta’ dħul u, fejn xieraq, tal-Istat Membru fejn se jsir l-ipproċessar.

Artikolu 8

Ipproċessar tal-frott speċifikat

1.   Il-frott speċifikat għandu jiġi pproċessat f’bini li jinsab f’żona fejn ma jiġi prodott ebda frott taċ-ċitru. Il-bini għandu jiġi rreġistrat u approvat uffiċjalment għal dak l-iskop mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih jinsab il-bini.

2.   L-iskart u l-prodotti sekondarji tal-frott speċifikat għandhom jintużaw jew jinqerdu fit-territorju tal-Istat Membru fejn ikun ġie pproċessat dak il-frott, f’żona fejn ma jiġix prodott frott taċ-ċitru.

3.   L-iskart u l-prodotti sekondarji għandhom jinqerdu bi dfin fil-fond jew jintużaw b’metodu approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-frott speċifikat ikun ġie pproċessat u taħt is-superviżjoni ta’ dik l-awtorità kompetenti, b’mod li jipprevjeni kull riskju potenzjali ta’ tixrid tal-pest speċifikat.

4.   Il-proċessur għandu jżomm rekords tal-frott speċifikat li jkun ipproċessat u jżommhom għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-frott speċifikat ikun ġie pproċessat. Dawk ir-rekords għandhom jindikaw in-numri u l-marki distintivi tal-kontenituri, il-volumi tal-frott speċifikat importati, il-volumi ta’ skart u ta’ prodotti sekondarji użati jew meqruda u l-informazzjoni dettaljata dwar l-użu jew il-qerda tagħhom.

Artikolu 9

Ħżin tal-frott speċifikat

1.   Jekk il-frott speċifikat ma jiġix ipproċessat minnufih, dan għandu jinħażen f’faċilità rreġistrata u approvata għal dak l-iskop mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tinsab il-faċilità.

2.   Il-lottijiet tal-frott speċifikat għandhom jibqgħu identifikabbli separatament.

3.   Il-frott speċifikat għandu jinħażen b’mod li jipprevjeni kull riskju potenzjali ta’ tixrid tal-pest speċifikat.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 10

Notifiki

Meta jinnotifikaw in-nuqqasijiet ta’ konformità, minħabba l-preżenza tal-pest speċifikat fuq il-frott speċifikat, lis-sistema elettronika ta’ notifika, l-Istati Membri għandhom jindikaw il-kodiċi ta’ traċċabbiltà tas-sit tal-produzzjoni rispettiv kif previst fl-Annessi I, il-punt 10, fl-Anness II, il-punt 8, fl-Anness III, il-punt 10, fl-Anness IV, il-punt 8, u fl-Anness V, il-punt 9.

Artikolu 11

Data ta’ skadenza

Dan ir-Regolament għandu jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2025.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ April 2022. Madankollu, l-Anness II, il-punt 9(d), l-Anness IV, il-punt 9(d) u l-Anness V, il-punt 10(d), għandhom japplikaw mill-1 ta’ April 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/715 tal-11 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi miżuri fir-rigward ta’ ċertu frott f’xi pajjiżi terzi biex jipprevjenu l-introduzzjoni fl-Unjoni u t-tixrid tal-organiżmu ta’ ħsara Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa (ĠU L 125, 13.5.2016, p. 16).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1702 tal-1 ta’ Awwissu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-lista ta’ pesti ta’ prijorità (ĠU L 260, 11.10.2019, p. 8).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/682 tas-26 ta’ April 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/715 fir-rigward ta’ frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina (ĠU L 144, 27.4.2021, p. 31).

(6)  EFSA PLH Panel (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2014. Scientific Opinion on the risk of Phyllosticta citricarpa (Guignardia citricarpa) for the EU territory with identification and evaluation of risk reduction options. EFSA Journal 2014;12(2):3557, 243 pp. doi:10.2903/j.efsa.2014.3557.

(7)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).


ANNESS I

Kundizzjonijiet għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina kif previst fl-Artikolu 3

1.   

Il-frott speċifikat ikun ġie prodott f’postijiet tal-produzzjoni, li jikkonsistu f’sit tal-produzzjoni wieħed jew aktar, li jkunu ġew identifikati bħala partijiet uniċi u fiżikament distinti ta’ post tal-produzzjoni, u kemm il-post tal-produzzjoni kif ukoll is-siti tal-produzzjoni tagħha jkunu ġew approvati mill-NPPO tal-Arġentina għall-iskop tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

2.   

Il-postijiet tal-produzzjoni approvati u s-siti tal-produzzjoni tagħhom ġew irreġistrati mill-NPPO tal-Arġentina bil-kodiċijiet ta’ traċċabbiltà rispettivi tagħhom.

3.   

Il-frott speċifikat ikun ġie prodott f’sit approvat tal-produzzjoni, li jkunu sarulu trattamenti u fejn ittieħdu miżuri kulturali, effettivi kontra l-pest speċifikat, f’ħin xieraq mindu beda l-aħħar ċiklu tal-veġetazzjoni, u l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet ivverifikata taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-NPPO tal-Arġentina.

4.   

Il-verifika msemmija fil-punt 3 tkun akkumpanjata minn kampjunar li jikkonferma l-applikazzjoni tat-trattamenti, u dawn it-trattamenti jkunu jikkonsistu fl-applikazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u l-kampjunar ikun qies in-nuqqasijiet ta’ konformità identifikati matul l-istaġun preċedenti tat-tkabbir u tal-esportazzjoni:

(a)

fl-ispezzjonijiet fuq il-post jew fil-faċilitajiet tal-ippakkjar qabel l-esportazzjoni; jew

(b)

fil-verifiki mwettqa fuq il-kunsinni fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera fl-Unjoni.

5.   

L-ispezzjonijiet uffiċjali li jikkonsistu f’verifiki fiżiċi u, jekk jiġu identifikati s-sintomi, f’kampjunar biex tiġi ttestjata l-preżenza tal-pest speċifikat, twettqu fis-siti tal-produzzjoni approvati mill-bidu tal-aħħar ċiklu tal-veġetazzjoni, u l-pest speċifikat ma jkunx ġie identifikat fuq il-frott speċifikat.

6.   

Ikun ittieħed kampjun:

(a)

mal-wasla fil-faċilitajiet tal-ippakkjar, qabel l-ipproċessar, ta’ 200-400 frotta għal kull lott ta’ frott speċifikat, definit mal-wasla fil-faċilità tal-ippakkjar;

(b)

matul il-linja bejn il-wasla u l-ippakkjar fil-faċilitajiet tal-ippakkjar, ta’ mill-inqas 1 % għal kull lott ta’ frott speċifikat definit fil-linja tal-ippakkjar;

(c)

qabel it-tluq mill-faċilità tal-ippakkjar, ta’ mill-inqas 1 % għal kull lott ta’ frott speċifikat, definit wara l-ippakkjar;

(d)

qabel l-esportazzjoni, bħala parti mill-ispezzjoni uffiċjali finali biex jinħareġ iċ-ċertifikat fitosanitarju, ta’ mill-inqas 1 % għal kull lott ta’ frott speċifikat ippreparat għall-esportazzjoni.

7.   

Il-frott speċifikat kollu msemmi fil-punt 6 ikun itteħidlu kampjun, se fejn ikun possibbli, abbażi ta’ kwalunkwe sintomu tal-pest speċifikat, u l-frott kollu fil-kampjun imsemmi fil-punt 6(a) ikun instab ħieles mill-pest abbażi ta’ spezzjonijiet viżwali, filwaqt li l-frott fil-kampjun imsemmi fil-punti 6(b), 6(c) u 6(d), li jkun wera sintomi tal-pest speċifikat, ikun ġie ttestjat u nstab li huwa ħieles minn dak il-pest.

8.   

Il-frott speċifikat ikun ġie ttrasportat f’pakketti li kull wieħed minnhom ikollu tikketta bil-kodiċi ta’ traċċabbiltà tas-sit tal-produzzjoni li joriġina minnu.

9.   

Qabel ma jibda l-istaġun tal-esportazzjoni tal-frott speċifikat, l-NPPO tal-Arġentina tkun ikkomunikat lill-operaturi professjonisti rilevanti u lill-Kummissjoni l-lista tal-kodiċijiet ta’ traċċabbiltà tas-siti tal-produzzjoni approvati kollha għal kull post tal-produzzjoni, u kwalunkwe aġġornament ta’ dik il-lista jkun ġie kkomunikat minnufih lill-Kummissjoni u lill-operaturi professjonisti rilevanti.

10.   

Il-frott speċifikat ikun akkumpanjat minn ċertifikat fitosanitarju, li jinkludi d-data tal-aħħar spezzjoni u l-għadd tal-pakketti minn kull sit tal-produzzjoni, il-kodiċijiet ta’ traċċabbiltà rilevanti, u taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-kunsinna tikkonforma mal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/632”.

11.   

Il-frott speċifikat ikun ġie prodott f’sit approvat tal-produzzjoni:

(a)

fejn, matul l-ispezzjonijiet uffiċjali msemmija fil-punt 5, il-pest speċifikat ma jkunx instab fuq il-frott speċifikat;

(b)

li jkun l-oriġini tal-frott speċifikat kif imsemmi fil-punt 6, li fuqu ma jkunx instab il-pest speċifikat;

(c)

li jkun l-oriġini tal-kunsinni tal-frott speċifikat, li fuqu ma jkunx instab il-pest speċifikat matul il-verifiki uffiċjali mwettqa meta jidħlu fl-Unjoni matul l-istess staġun tat-tkabbir u tal-esportazzjoni; u

(d)

li jkun l-oriġini tal-frott speċifikat li fuqu ma jkun instab il-pest speċifikat, matul l-istaġun preċedenti tat-tkabbir u tal-esportazzjoni, fi spezzjonijiet uffiċjali fl-Arġentina jew fil-verifiki mwettqa fuq kunsinni li jidħlu fl-Unjoni.

12.   

Meta l-frott speċifikat joriġina minn sit tal-produzzjoni li jinsab fl-istess post tal-produzzjoni bħala sit tal-produzzjoni fejn tkun ġiet ikkonfermata l-preżenza tal-pest speċifikat, matul l-istess staġun tat-tkabbir u tal-esportazzjoni, fuq il-kampjuni msemmija fil-punt 6 jew matul il-verifiki mwettqa fuq kunsinni mad-dħul fl-Unjoni, dak il-frott speċifikat ikun ġie esportat biss wara li dak is-sit tal-produzzjoni jkun ġie kkonfermat li huwa ħieles mill-pest speċifikat.


ANNESS II

Kundizzjonijiet għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-frott speċifikat li joriġina mill-Brażil kif previst fl-Artikolu 3

1.   

Il-frott speċifikat ikun ġie prodott f’post tal-produzzjoni li jikkonsisti f’sit tal-produzzjoni wieħed jew aktar, li jkunu ġew identifikati bħala partijiet uniċi u fiżikament distinti ta’ post tal-produzzjoni, u kemm il-post tal-produzzjoni kif ukoll is-siti tal-produzzjoni tiegħu jkunu ġew approvati uffiċjalment mill-NPPO tal-Brażil għall-iskop tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

2.   

Il-postijiet tal-produzzjoni approvati u s-siti tal-produzzjoni tagħhom ġew irreġistrati mill-NPPO tal-Brażil bil-kodiċijiet ta’ traċċabbiltà rispettivi tagħhom.

3.   

Il-frott speċifikat ikun ġie prodott f’sit tal-produzzjoni approvat, li jkun għadda minn trattamenti u minn miżuri kulturali effettivi kontra l-pest speċifikat f’ħin xieraq mill-bidu tal-aħħar ċiklu tal-veġetazzjoni u l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet ivverifikata taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-NPPO tal-Brażil.

4.   

L-ispezzjonijiet uffiċjali li jikkonsistu f’verifiki fiżiċi u, jekk jiġu identifikati s-sintomi, f’kampjunar biex tiġi ttestjata l-preżenza tal-pest speċifikat, twettqu fis-siti tal-produzzjoni approvati mill-bidu tal-aħħar ċiklu tal-veġetazzjoni, u l-pest speċifikat ma jkunx ġie identifikat fuq il-frott speċifikat.

5.   

Ikun ittieħed kampjun matul il-linja minn meta jasal il-frott sa ma jiġi ppakkjat fil-faċilitajiet tal-ippakkjar ta’ mill-inqas 600 frotta ta’ kull speċi għal kull lott ta’ 30 tunnellata, jew parti minnu, kemm jista’ jkun magħżul abbażi ta’ kwalunkwe sintomu tal-pest speċifikat, u l-frott kollu fil-kampjun li juri xi sintomi jkun ġie ttestjat u nstab ħieles minn dak il-pest.

6.   

Il-frott speċifikat ikun ġie ttrasportat f’pakketti li kull wieħed minnhom ikollu tikketta bil-kodiċi ta’ traċċabbiltà tas-sit tal-produzzjoni li joriġina minnu.

7.   

Qabel ma jibda l-istaġun tal-esportazzjoni tal-frott speċifikat, l-NPPO tal-Brażil tkun ikkomunikat lill-operaturi professjonisti rilevanti u lill-Kummissjoni l-lista tal-kodiċijiet ta’ traċċabbiltà tas-siti tal-produzzjoni approvati kollha għal kull post tal-produzzjoni, u kwalunkwe aġġornament ta’ dik il-lista jkun ġie kkomunikat minnufih lill-Kummissjoni u lill-operaturi professjonisti rilevanti.

8.   

Il-frott speċifikat ikun akkumpanjat minn ċertifikat fitosanitarju, li jinkludi d-data tal-aħħar spezzjoni u l-għadd tal-pakketti minn kull sit tal-produzzjoni, il-kodiċijiet ta’ traċċabbiltà rilevanti, u taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-kunsinna tikkonforma mal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/632”.

9.   

Il-frott speċifikat ikun ġie prodott f’sit approvat tal-produzzjoni:

(a)

fejn, matul l-ispezzjonijiet uffiċjali msemmija fil-punt 4, il-pest speċifikat ma jkunx instab fuq il-frott speċifikat;

(b)

li jkun l-oriġini tal-frott speċifikat kif imsemmi fil-punt 5, li fuqu ma jkunx instab il-pest speċifikat;

(c)

li jkun l-oriġini tal-kunsinni tal-frott speċifikat, li fuqu ma jkunx instab il-pest speċifikat matul il-verifiki uffiċjali mwettqa meta jidħlu fl-Unjoni matul l-istess staġun tat-tkabbir u tal-esportazzjoni; u

(d)

li jkun l-oriġini tal-frott speċifikat li fuqu ma jkun instab il-pest speċifikat, matul l-istaġun preċedenti tat-tkabbir u tal-esportazzjoni, fi spezzjonijiet uffiċjali fil-Brażil jew fil-verifiki mwettqa fuq kunsinni li jidħlu fl-Unjoni.


ANNESS III

Kundizzjonijiet għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-frott speċifikat li joriġina mill-Afrika t’Isfel kif previst fl-Artikolu 3

1.   

Il-frott speċifikat ikun ġie prodott f’post tal-produzzjoni li jikkonsisti f’sit tal-produzzjoni wieħed jew aktar, li jkunu ġew identifikati bħala partijiet uniċi u fiżikament distinti ta’ post tal-produzzjoni, u kemm il-post tal-produzzjoni kif ukoll is-siti tal-produzzjoni tiegħu jkunu ġew approvati mill-NPPO tal-Afrika t’Isfel għall-iskop tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

2.   

Il-postijiet tal-produzzjoni approvati u s-siti tal-produzzjoni tagħhom ġew irreġistrati mill-NPPO tal-Afrika t’Isfel bil-kodiċijiet ta’ traċċabbiltà rispettivi tagħhom.

3.   

Il-frott speċifikat ikun ġie prodott f’sit tal-produzzjoni approvat, li jkun għadda minn trattamenti u minn miżuri kulturali, effettivi kontra l-pest speċifikat, f’ħin xieraq mill-bidu tal-aħħar ċiklu tal-veġetazzjoni u l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet ivverifikata taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-NPPO tal-Afrika t’Isfel.

4.   

L-ispezzjonijiet uffiċjali, inkluż l-ittestjar f’każ ta’ dubju, twettqu fis-siti tal-produzzjoni approvati mill-bidu tal-aħħar ċiklu tal-veġetazzjoni minn spetturi akkreditati mill-NPPO għad-detezzjoni tal-pest speċifikat, u l-pest speċifikat ma jkunx ġie identifikat fuq il-frott speċifikat.

5.   

Ikun ittieħed kampjun:

(a)

mal-wasla fil-faċilitajiet tal-ippakkjar, qabel l-ipproċessar, ta’ 200-400 frotta għal kull lott ta’ frott speċifikat;

(b)

matul il-linja bejn il-wasla u l-ippakkjar fil-faċilitajiet tal-ippakkjar, ta’ mill-inqas 1 % tal-frott speċifikat;

(c)

qabel it-tluq mill-faċilità tal-ippakkjar, bħala parti mill-ispezzjoni uffiċjali finali biex jinħareġ iċ-ċertifikat fitosanitarju, ta’ mill-inqas 2 % tal-frott speċifikat.

6.   

Il-frott speċifikat kollu msemmi fil-punt 5 instab ħieles mill-pest speċifikat abbażi ta’ spezzjonijiet mwettqa mill-ispetturi akkreditati, u ta’ ttestjar f’każ ta’ dubji dwar il-preżenza tal-pest speċifikat.

7.   

Fil-każ tas-Citrus sinensis (L.) Osbeck “Valencia”, minbarra l-kampjuni msemmija fil-punti 5 u 6, ġie ttestjat kampjun rappreżentattiv għal kull lott ta’ 30 tunnellata, jew parti minnu, għal infezzjoni latenti u nstab ħieles mill-pest speċifikat.

8.   

Il-frott speċifikat ikun ġie ttrasportat f’pakketti li kull wieħed minnhom ikollu tikketta bil-kodiċi ta’ traċċabbiltà tas-sit tal-produzzjoni li joriġina minnu.

9.   

Qabel ma jibda l-istaġun tal-esportazzjoni tal-frott speċifikat, l-NPPO tal-Afrika t’Isfel tkun ikkomunikat lill-operaturi professjonisti rilevanti u lill-Kummissjoni l-lista tal-kodiċijiet ta’ traċċabbiltà tas-siti tal-produzzjoni approvati kollha għal kull post tal-produzzjoni, u kwalunkwe aġġornament ta’ dik il-lista jkun ġie kkomunikat minnufih lill-Kummissjoni u lill-operaturi professjonisti rilevanti.

10.   

Il-frott speċifikat ikun akkumpanjat minn ċertifikat fitosanitarju, li jinkludi d-data tal-aħħar spezzjoni u l-għadd tal-pakketti minn kull sit tal-produzzjoni, il-kodiċijiet ta’ traċċabbiltà rilevanti, u taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-kunsinna tikkonforma mal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/632”.

11.   

Il-frott speċifikat ikun ġie prodott f’sit approvat tal-produzzjoni:

(a)

fejn, matul l-ispezzjonijiet uffiċjali msemmija fil-punt 4, il-pest speċifikat ma jkunx instab fuq il-frott speċifikat;

(b)

li jkun l-oriġini tal-frott speċifikat kif imsemmi fil-punt 5, li fuqu ma jkunx instab il-pest speċifikat;

(c)

li jkun l-oriġini tal-kunsinni tal-frott speċifikat, li fuqu ma jkunx instab il-pest speċifikat matul il-verifiki uffiċjali mwettqa meta jidħlu fl-Unjoni matul l-istess staġun tat-tkabbir u tal-esportazzjoni; u

(d)

li jkun l-oriġini tal-frott speċifikat li fuqu ma jkun instab il-pest speċifikat, matul l-istaġun preċedenti tat-tkabbir u tal-esportazzjoni, fi spezzjonijiet uffiċjali fl-Afrika t’Isfel jew fil-verifiki mwettqa fuq kunsinni li jidħlu fl-Unjoni.


ANNESS IV

Kundizzjonijiet għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-frott speċifikat li joriġina mill-Urugwaj kif previst fl-Artikolu 3

1.   

Il-frott speċifikat ikun ġie prodott f’post tal-produzzjoni li jikkonsisti f’sit tal-produzzjoni wieħed jew aktar, li jkunu ġew identifikati bħala partijiet uniċi u fiżikament distinti ta’ post tal-produzzjoni, u kemm il-post tal-produzzjoni kif ukoll is-siti tal-produzzjoni tiegħu jkunu ġew approvati mill-NPPO tal-Urugwaj għall-iskop tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

2.   

Il-postijiet tal-produzzjoni approvati u s-siti tal-produzzjoni tagħhom ġew irreġistrati mill-NPPO tal-Urugwaj bil-kodiċijiet ta’ traċċabbiltà rispettivi tagħhom.

3.   

Il-frott speċifikat ikun ġie prodott f’sit tal-produzzjoni approvat, li jkun għadda minn trattamenti u minn miżuri kulturali, effettivi kontra l-pest speċifikat, f’ħin xieraq mill-bidu tal-aħħar ċiklu tal-veġetazzjoni u l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet ivverifikata taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-NPPO tal-Urugwaj.

4.   

L-ispezzjonijiet uffiċjali li jikkonsistu f’verifiki fiżiċi u, jekk jiġu identifikati sintomi, f’kampjunar biex tiġi ttestjata l-preżenza tal-pest speċifikat, twettqu fis-siti tal-produzzjoni approvati mill-bidu tal-aħħar ċiklu tal-veġetazzjoni, u l-pest speċifikat ma jkunx ġie identifikat fuq il-frott speċifikat.

5.   

Ikun ittieħed kampjun matul il-linja minn meta jasal il-frott sa ma jiġi ppakkjat fil-faċilitajiet tal-ippakkjar ta’ mill-inqas 600 frotta ta’ kull speċi għal kull lott ta’ 30 tunnellata, jew parti minnu, kemm jista’ jkun magħżul abbażi ta’ kwalunkwe sintomu tal-pest speċifikat, u l-frott kollu fil-kampjun li juri xi sintomi jkun ġie ttestjat u nstab ħieles minn dak il-pest.

6.   

Il-frott speċifikat ikun ġie ttrasportat f’pakketti li kull wieħed minnhom ikollu tikketta bil-kodiċi ta’ traċċabbiltà tas-sit tal-produzzjoni li joriġina minnu.

7.   

Qabel ma jibda l-istaġun tal-esportazzjoni tal-frott speċifikat, l-NPPO tal-Urugwaj tkun ikkomunikat lill-operaturi professjonisti rilevanti u lill-Kummissjoni l-lista tal-kodiċijiet ta’ traċċabbiltà tas-siti tal-produzzjoni approvati kollha għal kull post tal-produzzjoni, u kwalunkwe aġġornament ta’ dik il-lista jkun ġie kkomunikat minnufih lill-Kummissjoni u lill-operaturi professjonisti rilevanti.

8.   

Il-frott speċifikat ikun akkumpanjat minn ċertifikat fitosanitarju, li jinkludi d-data tal-aħħar spezzjoni u l-għadd tal-pakketti minn kull sit tal-produzzjoni, il-kodiċijiet ta’ traċċabbiltà rilevanti, u taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-kunsinna tikkonforma mal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/632”.

9.   

Il-frott speċifikat ikun ġie prodott f’sit approvat tal-produzzjoni:

(a)

fejn, matul l-ispezzjonijiet uffiċjali msemmija fil-punt 4, il-pest speċifikat ma jkunx instab fuq il-frott speċifikat;

(b)

li jkun l-oriġini tal-frott speċifikat kif imsemmi fil-punt 5, li fuqu ma jkunx instab il-pest speċifikat;

(c)

li jkun l-oriġini tal-kunsinni tal-frott speċifikat, li fuqu ma jkunx instab il-pest speċifikat matul il-verifiki uffiċjali mwettqa meta jidħlu fl-Unjoni matul l-istess staġun tat-tkabbir u tal-esportazzjoni; u

(d)

li jkun l-oriġini tal-frott speċifikat li fuqu ma jkun instab il-pest speċifikat, matul l-istaġun preċedenti tat-tkabbir u tal-esportazzjoni, fi spezzjonijiet uffiċjali fl-Urugwaj jew fil-verifiki mwettqa fuq kunsinni li jidħlu fl-Unjoni.


ANNESS V

Kundizzjonijiet għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-frott speċifikat li joriġina miż-Żimbabwe kif previst fl-Artikolu 3

1.   

Il-frott speċifikat ikun ġie prodott f’post tal-produzzjoni li jikkonsisti f’sit tal-produzzjoni wieħed jew aktar, li jkunu ġew identifikati bħala partijiet uniċi u fiżikament distinti ta’ post tal-produzzjoni, u kemm il-post tal-produzzjoni kif ukoll is-siti tal-produzzjoni tiegħu jkunu ġew approvati mill-NPPO taż-Żimbabwe għall-iskop tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

2.   

Il-postijiet tal-produzzjoni approvati u s-siti tal-produzzjoni tagħhom ġew irreġistrati mill-NPPO taż-Żimbabwe bil-kodiċijiet ta’ traċċabbiltà rispettivi tagħhom.

3.   

Il-frott speċifikat ikun ġie prodott f’sit tal-produzzjoni approvat, li jkun għadda minn trattamenti u minn miżuri kulturali, effettivi kontra l-pest speċifikat, f’ħin xieraq mill-bidu tal-aħħar ċiklu tal-veġetazzjoni u l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet ivverifikata taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-NPPO taż-Żimbabwe.

4.   

L-ispezzjonijiet uffiċjali li jikkonsistu f’verifiki fiżiċi u, jekk jiġu identifikati s-sintomi, f’kampjunar biex tiġi ttestjata l-preżenza tal-pest speċifikat, twettqu fis-siti tal-produzzjoni approvati mill-bidu tal-aħħar ċiklu tal-veġetazzjoni, u l-pest speċifikat ma jkunx ġie identifikat fuq il-frott speċifikat.

5.   

Ikun ittieħed kampjun:

(a)

mal-wasla fil-faċilitajiet tal-ippakkjar, qabel l-ipproċessar, ta’ 200-400 frotta għal kull lott ta’ frott speċifikat;

(b)

matul il-linja bejn il-wasla u l-ippakkjar fil-faċilitajiet tal-ippakkjar, ta’ mill-inqas 1 % tal-frott speċifikat;

(c)

qabel it-tluq mill-faċilità tal-ippakkjar, ta’ mill-inqas 1 % tal-frott speċifikat;

(d)

qabel l-esportazzjoni, bħala parti mill-ispezzjoni uffiċjali finali biex jinħareġ iċ-ċertifikat fitosanitarju, ta’ mill-inqas 1 % tal-frott speċifikat ippreparat għall-esportazzjoni.

6.   

Il-frott speċifikat kollu msemmi fil-punt 5 ikun itteħidlu kampjun, sa fejn ikun possibbli, abbażi ta’ kwalunkwe sintomu tal-pest speċifikat, u l-frott kollu fil-kampjun imsemmi fil-punt 5(a) ikun instab ħieles minn dak il-pest abbażi ta’ spezzjonijiet viżwali, filwaqt li l-frott kollu fil-kampjun imsemmi fil-punti 5(b), 5(c) u 5(d) li jkun wera sintomi tal-pest speċifikat, ikun ġie ttestjat u nstab li huwa ħieles minn dak il-pest.

7.   

Il-frott speċifikat ikun ġie ttrasportat f’pakketti li kull wieħed minnhom ikollu tikketta bil-kodiċi ta’ traċċabbiltà tas-sit tal-produzzjoni li joriġina minnu.

8.   

Qabel ma jibda l-istaġun tal-esportazzjoni tal-frott speċifikat, l-NPPO taż-Żimbabwe tkun ikkomunikat lill-operaturi professjonisti rilevanti u lill-Kummissjoni l-lista tal-kodiċijiet ta’ traċċabbiltà tas-siti tal-produzzjoni approvati kollha għal kull post tal-produzzjoni, u kwalunkwe aġġornament ta’ dik il-lista jkun ġie kkomunikat minnufih lill-Kummissjoni u lill-operaturi professjonisti rilevanti.

9.   

Il-frott speċifikat ikun akkumpanjat minn ċertifikat fitosanitarju, li jinkludi d-data tal-aħħar spezzjoni u l-għadd tal-pakketti minn kull sit tal-produzzjoni, il-kodiċijiet ta’ traċċabbiltà rilevanti, u taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-kunsinna tikkonforma mal-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/632”.

10.   

Il-frott speċifikat ikun ġie prodott f’sit approvat tal-produzzjoni:

(a)

fejn, matul l-ispezzjonijiet uffiċjali msemmija fil-punt 4, il-pest speċifikat ma jkunx instab fuq il-frott speċifikat;

(b)

li jkun l-oriġini tal-frott speċifikat kif imsemmi fil-punt 5, li fuqu ma jkunx instab il-pest speċifikat;

(c)

li jkun l-oriġini tal-kunsinni tal-frott speċifikat, li fuqu ma jkunx instab il-pest speċifikat matul il-verifiki uffiċjali mwettqa meta jidħlu fl-Unjoni matul l-istess staġun tat-tkabbir u tal-esportazzjoni; u

(d)

li jkun l-oriġini tal-frott speċifikat li fuqu ma jkun instab il-pest speċifikat, matul l-istaġun preċedenti tat-tkabbir u tal-esportazzjoni, fi spezzjonijiet uffiċjali fiż-Żimbabwe jew fil-verifiki mwettqa fuq kunsinni li jidħlu fl-Unjoni.