13.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 115/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/629

tat-12 ta’ Jannar 2022

li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stipulati fir-Regolament Delegat (UE) 2017/583 fir-rigward tal-aġġustament tal-livelli limitu tal-likwidità u tal-perċentili tan-negozjar użati biex jiġi ddeterminat id-daqs speċifiku tal-istrument applikabbli għal ċerti strumenti mhux tal-ekwità

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ trasparenza applikabbli għall-bonds, il-prodotti finanzjarji strutturati, il-kwoti u tal-emissjonijiet d-derivattivi. Sabiex tiġi ggarantita implimentazzjoni ordnata ta’ dawn ir-rekwiżiti, dak ir-Regolament Delegat istitwixxa l-introduzzjoni gradwali annwali tal-applikazzjoni ta’ ċerti limiti ta’ trasparenza matul perjodu ta’ erba’ snin, b’seħħ mill-2019. Dik l-introduzzjoni gradwali tippermetti t-twessigħ gradwali tal-applikazzjoni tal-obbligi ta’ trasparenza korrispondenti. Dan jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kriterju tan-“numru medju ta’ kuljum ta’ negozji” użat għad-determinazzjoni ta’ bonds li hemm suq likwidu għalihom u l-perċentili tan-negozjar użati għad-determinazzjoni tad-daqs speċifiku tal-istrument (SSTI) li jippermetti li jiġu rinunzjati l-obbligi ta’ trasparenza ta’ qabel in-negozjar.

(2)

Skont dak l-approċċ ta’ introduzzjoni gradwali, il-pass għall-istadju li jmiss mhuwiex awtomatiku. L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA) hija obbligata tippreżenta lill-Kummissjoni l-valutazzjoni annwali tagħha tal-adegwatezza tal-pass għall-istadju li jmiss. Il-valutazzjoni tal-ESMA trid tanalizza l-evoluzzjoni tal-volumi tan-negozjar għall-istrumenti finanzjarji kkonċernati fl-istadju attwali u tantiċipa l-impatt possibbli li pass għall-istadju li jmiss jista’ jkollu kemm fuq il-likwidità disponibbli kif ukoll fuq il-parteċipanti fis-suq. Jekk ikun xieraq, l-ESMA tkun obbligata tippreżenta, flimkien mar-rapport tagħha, standard regolatorju rivedut li jaġġusta l-livell limitu għall-istadju li jmiss.

(3)

L-ESMA ppreżentat il-valutazzjoni u l-istandards regolatorji riveduti tagħha lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Lulju 2021. L-ESMA tikkonkludi li bejn 1,57 % u 2,58 % tal-bonds innegozjati bejn l-ewwel u r-raba’ trimestru tal-2020 tqiesu bħala likwidi skont il-kriterji li japplikaw fl-istadju S2. Il-pass għall-istadju S3 ifisser żieda ta’ madwar 40 %.

(4)

Fir-rigward tal-SSTI, l-ESMA tikkonkludi li l-pass mill-istadju S2 għal S3 se jaffettwa l-aktar in-negozjar f’bonds sovrani u bonds pubbliċi oħrajn, peress li ż-żieda se tkun l-akbar għal dawk l-istrumenti. Dawk l-istrumenti, madankollu, tipikament jiġu nnegozjati fil-medda ta’ minn EUR 3 miljun sa EUR 6 miljun. Għalhekk, l-ESMA tqis li l-pass għall-istadju S3 iżżomm l-SSTI ta’ qabel in-negozjar baxx biżżejjed biex jipproteġi lill-fornituri tal-likwidità mill-impatt fuq is-suq li jirriżulta minn ordnijiet kbar, filwaqt li jiżgura li bonds aktar likwidi jkunu soġġetti għal trasparenza ta’ qabel in-negozjar.

(5)

Meta wieħed iqis il-valutazzjoni li saret mill-ESMA u l-livell limitat ta’ trasparenza fis-swieq tal-bonds, l-effetti limitati għall-kompetizzjoni fis-suq u l-fatt li l-livell limitu xorta jkun baxx biżżejjed biex jipproteġi l-fornituri tal-likwidità mill-impatt potenzjali fuq is-suq li jirriżulta minn ordnijiet kbar, ikun xieraq li jsir il-pass għall-istadju S3 għall-bonds li hemm suq likwidu għalihom u għall-SSTI għall-bonds. Jenħtieġ li l-pass għall-istadju S3 iżid il-livell ta’ trasparenza disponibbli fis-suq tal-bonds mingħajr ma jħalli impatt negattiv fuq il-likwidità.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2017/583 jiġi emendat skont dan.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-ESMA lill-Kummissjoni.

(8)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2017/583

L-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/583 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Biex jiġu ddeterminati l-bonds li ma hemmx suq likwidu għalihom għall-finijiet tal-Artikolu 6 u skont il-metodoloġija speċifikata fl-Artikolu 13(1), il-punt (b), għandu jittieħed l-approċċ għall-kriterju ta’ likwidità “numru medju ta’ kuljum ta’ negozji” li japplika n-“numru medju ta’ kuljum ta’ negozji” li jikkorrispondi għall-istadju S3 (7 negozji kuljum).”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Biex jiġi ddeterminat id-daqs speċifiku tal-istrument finanzjarju għall-finijiet tal-Artikolu 5 u skont il-metodoloġija speċifikata fl-Artikolu 13(2), il-punt (b)(i), l-approċċ għall-perċentil tan-negozjar li jrid jiġi applikat għandu jintuża billi japplika l-perċentil tan-negozju li jikkorrispondi għall-istadju S3 (il-50 perċentil).

Biex jiġi ddeterminat id-daqs speċifiku tal-istrument finanzjarju għall-finijiet tal-Artikolu 5 u skont il-metodoloġija speċifikata fl-Artikolu 13(2), il-punti (b)(ii) sa (iv), l-approċċ għall-perċentil tan-negozjar li jrid jiġi applikat għandu jintuża billi japplika l-perċentil tan-negozju li jikkorrispondi għall-istadju S1 (it-30 perċentil).”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta’ trasparenza għal ċentri tan-negozjar u ditti ta’ investiment fir-rigward tal-bonds, il-prodotti finanzjarji strutturati, il-kwoti ta’ emissjonijiet u d-derivattivi (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 229).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).