8.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 109/1


REGOLAMENT (UE) 2022/562 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ April 2022

li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 fir-rigward tal-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175, it-tielet paragrafu, u l-Artikolu 177 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-aggressjoni militari reċenti mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-kunflitt armat li għaddej biddlu b’mod fundamentali s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa. B’riżultat ta’ dik l-aggressjoni militari, l-Unjoni, u r-reġjuni tal-Lvant tagħha b’mod partikolari, qed jiffaċċaw influss sostanzjali ta’ persuni. Dan joħloq sfida addizzjonali fi żmien meta l-ekonomiji tal-Istati Membri għadhom qed jirkupraw mill-impatt tal-pandemija tal-COVID-19.

(2)

L-Istati Membri diġà jistgħu jiffinanzjaw firxa wiesgħa ta’ investimenti taħt il-programmi ta’ politika ta’ koeżjoni biex jindirizzaw sfidi migratorji taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), inkluż taħt ir-riżorsi addizzjonali li saru disponibbli bħala Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU) biex jipprovdu assistenza għat-trawwim ta’ tiswija tad-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija. L-azzjonijiet jistgħu jkopru investimenti fl-oqsma tal-inklużjoni soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u l-indukrar tat-tfal, inkluż permezz ta’ investimenti fl-infrastruttura, ir-riġenerazzjoni ta’ żoni urbani żvantaġġati, azzjonijiet biex jitnaqqas l-iżolament spazjali u edukattiv tal-migranti, u n-negozji l-ġodda. L-Istati Membri jistgħu jaqilbu r-riżorsi li jifdal fil-programmi tagħhom biex jindirizzaw tali sfidi ta’ migrazzjoni. Barra minn hekk, il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FGħEB) jista’ jintuża biex jipprovdi ikel u assistenza materjali bażika lill-persuni, inklużi ċittadini ta’ pajjiżi terzi, affettwati mill-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa.

(3)

Filwaqt li r-riżorsi addizzjonali li saru disponibbli taħt ir-REACT-EU diġà jibbenefikaw minn għadd ta’ flessibbiltajiet fl-arranġamenti ta’ implimentazzjoni tagħhom, huwa meħtieġ li l-użu tar-riżorsi tal-FEŻR, l-FSE u FGħEB mill-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 ikun iktar flessibbli. Wara li ġiet ikkunsidrata l-urġenza biex jiġu indirizzati l-isfidi migratorji b’riżultat tal-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, jenħtieġ li l-infiq għall-operazzjonijiet li jindirizzaw dawk l-isfidi jkunu eliġibbli mid-data li fiha bdiet dik l-aggressjoni militari. Barra minn hekk, il-flessibbiltà fil-mod kif jistgħu jintużaw il-FEŻR u l-FSE jenħtieġ li tiżdied għal tali operazzjonijiet sabiex il-finanzjament disponibbli fil-programmi jkun jista’ jintuża malajr, dment li l-operazzjoni kkonċernata tkun konformi mal-programm operazzjonali kif emendat fejn meħtieġ. Jenħtieġ li dik il-flessibbiltà tkun addizzjonali għall-possibbiltajiet għall-finanzjament komplementari ta’ operazzjonijiet diġà previsti. Jenħtieġ li jiġu introdotti wkoll arranġamenti ta’ rapportar simplifikati dwar id-data tal-parteċipanti f’dawk l-operazzjonijiet.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-persuni affettwati jkunu jistgħu jibbenefikaw minn assistenza taħt il-FGħEB mingħajr dewmien, huwa xieraq li l-Istati Membri jitħallew jemendaw ċerti elementi tal-programmi operazzjonali appoġġati mill-FGħEB mingħajr il-ħtieġa tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni.

(5)

L-appoġġ ipprovdut taħt il-politika ta’ koeżjoni jenħtieġ li jkun komplementari, b’mod partikolari għall-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, biex jimmassimizza l-impatt tal-finanzjament disponibbli.

(6)

L-Istati Membri ġew affettwati mill-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 b’mod bla preċedent. L-impatt kumplessiv ta’ dik il-pandemija kien li jitfa’ pressjoni għolja ħafna fuq il-baġits tal-Istati Membri minħabba ż-żieda f’daqqa u sinifikanti fl-investimenti pubbliċi meħtieġa fis-sistemi tal-kura tas-saħħa u f’setturi oħrajn tal-ekonomiji tagħhom. Dan irriskja wkoll li jfixkel l-appoġġ ipprovdut lill-persuni l-aktar fil-bżonn. Dan ħoloq sitwazzjoni eċċezzjonali li kienet teħtieġ li tiġi indirizzata minn miżuri speċifiċi.

(7)

Sabiex jirrispondu għall-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19, ir-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 (3) u (UE) Nru 1303/2013 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ġew emendati bir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) sabiex jippermettu aktar flessibbiltà fl-implimentazzjoni ta’ programmi appoġġati mill-FEŻR, mill-FSE u mill-Fond ta’ Koeżjoni (il-Fondi) u mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. Madankollu, peress li l-effetti negattivi serji ta’ dik il-kriżi fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-Unjoni marru għall-agħar, iż-żewġ Regolamenti reġgħu ġew emendati, bir-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

Barra minn hekk, sabiex iwieġeb għall-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-persuni l-aktar fil-bżonn, ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) ġie emendat bir-Regolament (UE) 2020/559 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) biex jiġu introdotti miżuri speċifiċi għall-FGħeB biex tindirizza t-tifqigħa tal-COVID-19. Dawk l-emendi pprovdew flessibbiltà addizzjonali eċċezzjonali biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq ir-rispons meħtieġ għall-kriżi mingħajr preċedent billi titqawwa l-possibbiltà li jiġi mobilizzat appoġġ mhux użat mill-Fondi u billi jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti proċedurali marbutin mal-implimentazzjoni tal-programm biex jiġi indirizzat il-bżonn ta’ rispons rapidu għal dik il-kriżi. Emenda sussegwenti tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, introdotta bir-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), għamlet disponibbli riżorsi addizzjonali sostanzjali bħala REACT-EU biex jipprovdu assistenza għat-trawwim ta’ tiswija tad-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija.

Bħala parti mill-istess pakkett, ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 ġie emendat ukoll bir-Regolament (UE) 2021/177 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), sabiex jippermetti l-mobilizzazzjoni ta’ dawk ir-riżorsi addizzjonali mill-Istati Membri lill-persuni l-aktar fil-bżonn fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-FGħEB.

(8)

Filwaqt li l-flessibbiltajiet u r-riżorsi addizzjonali previsti fir-rigward tal-perjodu ta’ programmar 2014-2020 għenu lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom ta’ rispons għall-kriżijiet u ta’ rkupru, l-emerġenza ta’ varjanti ġodda tal-coronavirus, b’mod partikolari l-varjant Omicron, kif ukoll l-issikkar mifrux tar-restrizzjonijiet fl-aħħar trimestru tal-2021 komplew ikollhom effetti negattivi serji fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-Istati Membri u xekklu l-implimentazzjoni normali tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u tal-programmi appoġġati mill-FGħEB. L-aggressjoni militari reċenti mill-Federazzjoni Russa u l-flussi migratorji riżultanti aggravaw dawk l-effetti u jirriskjaw li jkomplu jimminaw l-irkupru tal-ekonomija tal-Unjoni. F’konformità mal-possibbiltà prevista fir-Regolament (UE) 2020/558, huwa għalhekk meħtieġ li tiġi prevista estensjoni eċċezzjonali ta’ waħda mill-miżuri introdotti permezz ta’ dak ir-Regolament, jiġifieri l-opzjoni tal-applikazzjoni ta’ rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % għas-sena kontabilistika 2020/2021 sas-sena kontabilistika ta’ wara.

(9)

Bil-ħsieb li jittaffa l-piż fuq il-baġits pubbliċi li qed jirriżulta mill-ħtieġa li jkun hemm reazzjoni għas-sitwazzjoni ta’ kriżi, li titħaffef l-implimentazzjoni tal-programm u li jiġu abilitati l-investimenti meħtieġa għall-irkupru tar-reġjuni, jenħtieġ li għalhekk l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà eċċezzjonali li japplikaw rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % fi programm appoġġat mill-FEŻR, mill-FSE, mill-Fond ta’ Koeżjoni jew mill-FGħEB għas-sena kontabilistika 2021/2022 ukoll.

(10)

Sabiex ikun hemm konformità mal-limiti massimi tal-pagamenti tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-2022 u l-2023, jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu massimu għal dawk is-snin għall-pagamenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % taħt il-FEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni jew l-FSE. Il-pagamenti li ma jistgħux isiru b’riżultat tal-applikazzjoni ta’ dawk il-limiti massimi jenħtieġ li jitħallsu mill-Kummissjoni mal-ewwel opportunità soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament, jew bl-aċċettazzjoni tal-kontijiet jew permezz ta’ pagamenti sussegwenti. Jenħtieġ li tali pagamenti differiti ma jaffettwawx l-aċċettazzjoni tal-kontijiet u ma jkollhom l-ebda effett ieħor.

(11)

Meta jitqies li l-applikazzjoni tar-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mhix se taffettwa sostanzjalment il-kontenut tal-programmi operazzjonali stess, huwa xieraq li tiġi permessa l-implimentazzjoni rapida tagħha mingħajr il-ħtieġa ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-emenda tal-Istati Membri għat-tabelli finanzjarji tal-programm operazzjonali. Jenħtieġ li l-Istat Membru xorta waħda jinnotifika t-tabelli finanzjarji riveduti qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-pagament finali għas-sena kontabilistika. Emendi konsegwenzjali potenzjali, inkluż għall-valuri tal-indikaturi, jistgħu jsiru bħala parti minn emenda sussegwenti tal-programm wara t-tmiem tas-sena kontabilistika.

(12)

Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jintroduċi miżuri ta’ flessibilità fil-qasam tal-għoti ta’ appoġġ, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri waħedhom, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħaq dak l-objettiv.

(13)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 jiġu emendati kif xieraq.

(14)

Fid-dawl tal-urġenza biex jiġu indirizzati l-isfidi migratorji b’riżultat tal-aggressjoni militari reċenti mill-Federazzjoni Russa u l-kriżi tas-saħħa pubblika kontinwa li ġejja mill-pandemija tal-COVID-19, ġie kkunsidrat xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(15)

Fid-dawl tal-bżonn li l-Istati Membri jkunu jistgħu jemendaw il-programmi tagħhom fil-ħin biex jibbenefikaw mill-applikazzjoni ta’ rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % għas-sena kontabilistika 2021/2022, jenħtieġ li r-Regolament jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni urġenti l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 25a, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   B’deroga mill-Artikolu 60(1) u l-ewwel u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 120(3), tista’ tiġi applikata rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % għan-nefqa ddikjarata fl-applikazzjonijiet għal pagament matul is-sena kontabilistika li tibda fl-1 ta’ Lulju 2021 u li tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2022, għal ass ta’ prijorità wieħed jew aktar fi programm appoġġat mill-FEŻR, mill-FSE jew mill-Fond ta’ Koeżjoni.

B’deroga mill-Artikolu 30(1) u (2) u l-Artikolu 96(10), l-applikazzjoni tar-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % ma għandhiex teħtieġ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova emenda tal-programm. L-Istat Membru għandu jinnotifika t-tabelli finanzjarji riveduti lill-Kummissjoni wara l-approvazzjoni mill-kumitat ta’ monitoraġġ. Ir-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % għandha tapplika biss jekk it-tabelli finanzjarji jkunu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni finali għal pagament interim għas-sena kontabilistika li tibda fl-1 ta’ Lulju 2021 u tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2022 f’konformità mal-Artikolu 135(2).

Il-pagamenti addizzjonali totali li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % ma għandhomx jaqbżu l-EUR 5 biljun fl-2022 u l-EUR 1 biljun fl-2023.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel pagamenti interim billi tapplika r-rata ta’ kofinanzjament applikabbli għall-assi prijoritarji kkonċernati qabel in-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu. B’deroga mill-Artikolu 135(5), il-Kummissjoni għandha tħallas l-ammonti addizzjonali li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % wara li tirċievi l-applikazzjonijiet finali kollha għal pagament interim għas-sena kontabilistika 2021/2022, meta jkun meħtieġ fuq bażi pro-rata biex jiġu rrispettati l-limiti massimi stabbiliti fit-tielet subparagrafu.

B’deroga mill-Artikolu 139(7), l-ammonti li jifdal li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % li, sabiex jiġu rrispettati l-limiti massimi stabbiliti fit-tielet subparagrafu, ma jistgħux jitħallsu wara l-aċċettazzjoni tal-kontijiet, għandhom jitħallsu fl-2024 jew wara.”;

(2)

fl-Artikolu 65(10), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-paragrafu 9, in-nefqa għal operazzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi migratorji b’riżultat tal-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa għandha tkun eliġibbli mill-24 ta’ Frar 2022.”;

(3)

fl-Artikolu 98, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Operazzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi migratorji b’riżultat tal-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa jistgħu jiġu ffinanzjati jew mill-FEŻR jew mill-FSE abbażi tar-regoli applikabbli għall-Fond l-ieħor.

F’każijiet bħal dawn, dawk l-operazzjonijiet għandhom jiġu pprogrammati taħt assi prijoritarju ddedikat ta’ dak il-Fond l-ieħor li jikkontribwixxi għall-prijoritajiet ta’ investiment korrispondenti tiegħu.

Meta jkun meħtieġ li d-data dwar il-parteċipanti tiġi rrapportata għal operazzjonijiet taħt l-assi prijoritarju ddedikat imsemmi fit-tieni subparagrafu, dik id-data għandha tkun ibbażata fuq stimi infurmati u għandha tkun limitata għall-għadd totali ta’ persuni appoġġati u l-għadd ta’ tfal taħt it-18-il sena.

Dan il-paragrafu m’għandux japplika għall-programmi taħt l-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea.”.

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 223/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 9(4), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ewwel u t-tieni subparagrafi għandhom japplikaw ukoll għall-finijiet tal-modifika tal-elementi ta’ programm operattiv li jindirizza l-isfidi migratorji b’riżultat tal-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa.”;

(2)

fl-Artikolu 20, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1b.   B’deroga mill-paragrafu 1, tista’ tiġi applikata rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % għan-nefqa ddikjarata f’applikazzjonijiet għall-pagament għas-sena ta’ kontabilità li tibda fl-1 ta’ Lulju 2021 u li tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2022.

B’deroga mill-Artikolu 9(1), (2) u (3), l-applikazzjoni tar-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % ma għandhiex teħtieġ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova emenda tal-programm. L-Istat Membru għandu jinnotifika t-tabelli finanzjarji riveduti, imsemmijin fit-Taqsima 5.1 tal-mudelli tal-programmi operazzjonali stabbiliti fl-Anness I, lill-Kummissjoni. Ir-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % għandha tapplika biss jekk it-tabelli finanzjarji jkunu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni finali għal pagament interim għas-sena kontabilistika li tibda fl-1 ta’ Lulju 2021 u tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2022 f’konformità mal-Artikolu 45(2).”;

(3)

fl-Artikolu 22(4), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, in-nefqa għal operazzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi migratorji b’riżultat tal-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa għandha tkun eliġibbli mill-24 ta’ Frar 2022.”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-6 ta’ April 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

C. BEAUNE


(1)  Opinjoni tat-23 ta’ Marzu 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ April 2022.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom fir-rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19 (Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2020/559 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 223/2014 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ miżuri speċifiċi biex tiġi indirizzata t-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 7).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta’ implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU) (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 30).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2021/177 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 223/2014 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-indirizzar tal-kriżi assoċjata mat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 53, 16.2.2021, p. 1).