6.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/18


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/545

tas-26 ta’ Jannar 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-proċeduri speċifiċi tal-ittestjar u r-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tar-reġistratur tagħhom tad-data f’każ ta’ avveniment u għall-approvazzjoni tat-tip ta’ dawk is-sistemi bħala unitajiet tekniċi separati, u li jemenda l-Anness II ta’ dak ir-Regolament

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq, li jemenda r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 78/2009, (KE) Nru 79/2009 u (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 631/2009, (UE) Nru 406/2010, (UE) Nru 672/2010, (UE) Nru 1003/2010, (UE) Nru 1005/2010, (UE) Nru 1008/2010, (UE) Nru 1009/2010, (UE) Nru 19/2011, (UE) Nru 109/2011, (UE) Nru 458/2011, (UE) Nru 65/2012, (UE) Nru 130/2012, (UE) Nru 347/2012, (UE) Nru 351/2012, (UE) Nru 1230/2012 u (UE) 2015/166 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(6) u l-Artikolu 6(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/2144 jistabbilixxi obbligu ġenerali għall-vetturi bil-mutur li jkunu mgħammra b’ċerti sistemi avvanzati tal-vetturi. L-Anness II ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jelenka r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tar-reġistraturi tagħhom tad-data f’każ ta’ avveniment u għall-approvazzjoni tat-tip ta’ dawk is-sistemi bħala unitajiet tekniċi separati. Jeħtieġ li dawk ir-rekwiżiti jiġu supplimentati billi jiġu stabbiliti regoli armonizzati dettaljati dwar il-proċeduri speċifiċi tal-ittestjar u r-rekwiżiti tekniċi għal tali approvazzjoni tat-tip.

(2)

Ir-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri tal-ittestjar stabbiliti f’dan ir-Regolament jikkonċernaw il-kategoriji tal-vetturi bil-mutur M1 u N1, f’konformità mad-dati applikabbli għar-rifjut tal-għoti tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE rigward dawk il-kategoriji tal-vetturi bil-mutur stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2144.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 3, il-punt (13), tar-Regolament (UE) 2019/2144, ir-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment huwa sistema bl-uniku skop li jirreġistra u jaħżen parametri u informazzjoni kritiċi relatati mal-ħabta ftit qabel, waqt u eżatt wara l-ħabta bil-ħsieb li tinkiseb data dwar l-aċċident aktar preċiża u fil-fond li tippermetti lill-Istati Membri jwettqu analiżi tas-sikurezza fit-toroq u jivvalutaw l-effettività ta’ miżuri speċifiċi.

(4)

Il-proċeduri tal-ittestjar u r-rekwiżiti tekniċi dettaljati għall-approvazzjoni tat-tip ta’ tipi ta’ vetturi fir-rigward tar-reġistraturi tad-data f’każ ta’ avveniment huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 160 tan-NU (2). Għalhekk, dak ir-Regolament tan-NU jenħtieġ li jiżdied mal-lista tar-rekwiżiti applikabbli msemmija fl-Artikoli 4(5) u 5(3) tar-Regolament (UE) 2019/2144.

(5)

Ir-Regolament Nru 160 tan-NU jinkludi r-rekwiżiti rigward l-elementi tad-data li r-reġistraturi tad-data f’każ ta’ avveniment iridu jirreġistraw, il-format ta’ dik id-data, ir-rekwiżiti tal-ksib, tar-reġistrazzjoni u tal-ħżin abbord tad-data, kif ukoll ir-rekwiżiti dwar il-prestazzjoni tat-test tal-ħbit u l-kapaċità ta’ sopravivenza.

(6)

Ir-rekwiżiti tekniċi kollha stabbiliti fis-Serje ta’ Emendi 01 tar-Regolament Nru 160 tan-NU (3) għandhom japplikaw mid-dati speċifikati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/2144, mingħajr preġudizzju għall-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-manifatturi tal-vetturi jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw il-protezzjoni tad-data tar-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment kontra l-manipulazzjoni, u d-disponibbiltà tad-data tar-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment fuq l-interfaċċa standardizzata, u biex dik id-data tkun tista’ tiġi anonimizzata, dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jiġu supplimentati b’rekwiżiti addizzjonali għall-irkupru tad-data, il-privatezza u s-sigurtà tad-data.

(8)

Biex jiġi żgurat li d-data rreġistrata mir-reġistraturi tad-data f’każ ta’ avveniment tibqa’ anonimizzata, jenħtieġ li l-manifatturi jkunu obbligati jieħdu l-miżuri xierqa biex jiġi evitat li dik id-data tiġi rrapportata jew irkuprata flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika.

(9)

Sakemm ikunu fis-seħħ protokolli ta’ komunikazzjoni standardizzati għall-aċċess u l-irkupru tad-data f’każ ta’ avveniment, il-manifatturi tal-vetturi, permezz ta’ att delegat tal-Kummissjoni, jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni lill-partijiet rilevanti dwar kif jaċċessaw, jirkupraw u jinterpretaw id-data fir-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment.

(10)

L-istatus operazzjonali korrett tar-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, kif ukoll il-funzjonalità korretta tiegħu u l-integrità tas-software, jenħtieġ li jiġu vverifikati permezz ta’ testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali.

(11)

It-tabella li fiha l-lista tar-rekwiżiti fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/2144 ma fiha l-ebda referenza għall-atti regolatorji fir-rigward tar-reġistraturi tad-data f’każ ta’ avveniment. Għalhekk jeħtieġ li tiġi introdotta referenza għal dan ir-Regolament u r-Regolament Nru 160 tan-NU f’dak l-Anness.

(12)

Il-lista tar-Regolamenti tan-NU msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2019/2144 li tinsab fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi emendata biex tinkludi referenza għas-Serje ta’ emendi 01 tar-Regolament Nru 160 tan-NU.

(13)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/2144 jiġi emendat skont dan.

(14)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma interkonnessi mill-qrib peress li dawk id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu regoli dwar ir-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tar-reġistratur tagħhom tad-data f’każ ta’ avveniment, kif ukoll għall-approvazzjoni tat-tip ta’ reġistraturi tad-data f’każ ta’ avveniment bħala unità teknika separata. B’riżultat tar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament, jeħtieġ tiżdied ir-referenza għal dan ir-Regolament, ir-Regolament Nru 160 tan-NU u s-Serje ta’ emendi 01 tar-Regolament Nru 160 tan-NU fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/2144. Għalhekk, jixraq li dawk id-dispożizzjonijiet jiġu stabbiliti f’Regolament Delegat wieħed.

(15)

Peress li r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2019/2144 fir-rigward tar-reġistraturi tad-data f’każ ta’ avveniment għall-vetturi tal-kategoriji M1 u N1 jeħtieġ japplikaw mis-6 ta’ Lulju 2022, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-istess data.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kategoriji tal-vetturi M1 u N1, kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

Artikolu 2

Rekwiżiti tekniċi applikabbli

1.   Is-sistema tar-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment għandha tikkonforma mar-rekwiżiti tekniċi stabbiliti:

(a)

fir-Regolament Nru 160 tan-NU; u

(b)

fl-Artikoli 3, 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Approvazzjoni tat-tip tal-unità teknika separata bħala reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment għandha tkun soġġetta għall-unità teknika separata li tikkonforma mal-istess rekwiżiti bħal dawk stabbiliti fil-paragrafi 5.3 (il-paragrafu introduttorju), 5.3.3, 5.3.4, 5.3.5 u 5.5 tar-Regolament Nru 160 tan-NU.

3.   Meta vettura bil-mutur jitwaħħlilha reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment tat-tip approvat bħala unità teknika separata, il-vettura u r-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment tagħha għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Madankollu, fir-rigward tal-paragrafu 5 tar-Regolament Nru 160 tan-NU, huma għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 5.1, 5.2, 5.3.1, 5.3.2, u 5.4 ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 3

Sigurtà tad-data

1.   Id-data relatata mal-ħabta li jirreġistra u jaħżen ir-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, għandha tiġi protetta kontra l-manipulazzjoni billi tikkonforma mar-rekwiżiti tekniċi rilevanti u d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali tar-Regolament Nru 155 tan-NU (5), is-serje oriġinali jew kwalunkwe serje ta’ emendi sussegwenti tiegħu.

2.   L-aġġornamenti tas-software mwettqa fuq ir-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment għandhom jiġu protetti biex b’mod raġonevoli jiġi evitat li jiġu kompromessi u b’mod raġonevoli jiġu evitati l-aġġornamenti invalidi.

Artikolu 4

Irkupru tad-data

1.   Id-data relatata mal-ħabta rreġistrata mir-reġistraturi tad-data f’każ ta’ avveniment, għandha tkun disponibbli għall-irkupru permezz ta’ port serjali tad-data fuq il-konnettur standardizzat li jillinkja d-data, imsemmi fil-punt 2.9 tal-Anness X tar-Regolament (UE) 2018/858. Meta l-port serjali tad-data ma jibqax jiffunzjona wara ħabta, id-data għandha tkun tista’ tinkiseb permezz ta’ konnessjoni diretta mar-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment.

2.   Il-manifattur tal-vettura għandu jipprovdi l-informazzjoni dwar kif tista’ tiġi aċċessata, miksuba u interpretata d-data f’każ ta’ avveniment, lill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip, u fuq talba ta’ awtorità tal-approvazzjoni tat-tip, lil kwalunkwe manifattur tal-komponenti, l-għodod dijanjostiċi jew it-tagħmir tat-testijiet jew min isewwihom.

3.   Il-vetturi u r-reġistraturi tagħhom tad-data f’każ ta’ avveniment, għandhom jitfasslu b’tali mod li jippermettu li għodda tal-irkupru tad-data tipproduċi rapporti tal-avvenimenti li jkollhom l-elementi tad-data li ġejjin:

(a)

kull wieħed mill-elementi tad-data obbligatorji, kif meħtieġ skont ir-Regolament Nru 160 tan-NU;

(b)

it-tip ta’ vettura, il-varjant u l-verżjoni preċiżi (inkluż is-sistemi attivi tas-sikurezza u tal-evitar tal-aċċidenti mwaħħla) tal-vettura li għandha r-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment.

Id-data msemmija fil-punt (b) hawn fuq, għandha tkun disponibbli wkoll meta jitlesta t-test tal-ħbit imsemmija fil-paragrafu 5.4.3 tar-Regolament Nru 160 tan-NU.

4.   Id-data rreġistrata mir-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, ma għandhiex tkun disponibbli għall-irkupru fuq interfaċċi aċċessibbli mingħajr il-ħtieġa li tinfetaħ il-vettura jew li jintużaw għodod, jew fuq interfaċċi tal-vetturi għall-konnessjonijiet mingħajr fili.

5.   Id-data tar-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment li tkun disponibbli skont il-paragrafu 1:

(a)

għandha tkun disponibbli f’format li jinqara mill-magni;

(b)

ma għandha tinkludi ebda informazzjoni li tippermetti dik id-data tiġi relatata ma’ persuna fiżika, jew tkun disponibbli ma’ din l-informazzjoni.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet għal ittestjar tal-affidabbiltà stradali

Għall-finijiet tat-testijiet tal-affidabbiltà stradali tal-vetturi, għandu jkun possibbli li jiġu vverifikati l-karatteristiċi li ġejjin tas-sistema tar-reġistraturi tad-data f’każ ta’ avveniment:

(1)

l-istatus operattiv korrett tagħha, permezz ta’osservazzjoni viżibbli tal-istatus tas-sinjal ta’ twissija ta’ ħsara wara l-attivazzjoni tal-iswiċċ ta’ kontroll prinċipali tal-vettura u kwalunkwe kontroll tal-bozza. Meta s-sinjal ta’ twissija ta’ falliment jintwera fi spazju komuni (iż-żona li fuqha jistgħu jintwerew żewġ funzjonijiet/simboli ta’ informazzjoni jew aktar, iżda mhux fl-istess ħin), l-ewwel irid jiġi vverifikat li l-ispazju komuni huwa funzjonali qabel il-verifika tal-istatus tas-sinjal ta’ twissija ta’ falliment;

(2)

il-funzjonalità korretta tagħha u l-integrità tas-software, bl-użu ta’ interfaċċa elettronika tal-vetturi, bħal dik stabbilita fit-Taqsima I, il-punt (14) tal-Anness III tad-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), fejn il-karatteristiċi tekniċi tal-vettura jippermettu dan u d-data meħtieġa tkun disponibbli. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-informazzjoni teknika tkun disponibbli għall-użu tal-interfaċċa elettronika tal-vettura f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/621 (7).

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet temporanji dwar l-approvazzjonijiet skont ir-Regolament Nru 160 tan-NU

1.   B’effett mis-6 ta’ Lulju 2022, għal raġunijiet relatati mar-reġistraturi tad-data f’każ ta’ avveniment, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-UE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali fir-rigward ta’ tipi ġodda ta’ vetturi li ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament u mar-rekwiżiti tekniċi tas-Serje ta’ emendi 01 tar-Regolament Nru 160 tan-NU. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jaċċettaw l-approvazzjonijiet f’konformità mar-Regolament Nru 160 tan-NU mogħtija barra l-UE bħala alternattiva għal approvazzjoni f’konformità mas-Serje ta’ emendi 01 tar-Regolament Nru 160 tan-NU, għall-finijiet tal-għoti ta’ approvazzjoni tal-UE f’konformità ma’ dan ir-Regolament sal-1 ta’ Lulju 2024.

2.   B’effett mis-6 ta’ Lulju 2024, għal raġunijiet relatati mar-reġistraturi tad-data f’każ ta’ avveniment, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz ta’ vetturi ġodda meta tali vetturi ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolamenti u mar-rekwiżiti tekniċi tas-Serje ta’ emendi 01 tar-Regolament Nru 160 tan-NU, peress li ċ-ċertifikati ta’ konformità tat-tali vetturi mhux se jibqgħu validi. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jaċċettaw l-approvazzjonijiet f’konformità mar-Regolament Nru 160 tan-NU, mogħtija barra l-UE bħala alternattiva għal approvazzjoni f’konformità mas-Serje ta’ emendi 01 tar-Regolament Nru 160 tan-NU għall-finijiet tar-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz tat-tali vetturi f’konformità mal-Artikoli 48, 49 u 50 tar-Regolament (UE) 2018/858 sal-1 ta’ Lulju 2026.

Artikolu 7

Emendi tar-Regolament (UE) 2019/2144

L-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2019/2144 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-6 ta’ Lulju 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 325, 16.12.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Nru 160 tan-NU — Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur fir-rigward tar-Reġistratur tad-Data f’każ ta’ Avveniment (ĠU L 221, 21.6.2021, p. 15); Ir-Regolament Nru 160 tan-NU — Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur fir-rigward tar-Reġistratur tad-Data f’każ ta’ Event [2021/1215] Serje ta’ emendi 01 (ĠU L 265, 26.7.2021, p. 3).

(3)  Ir-Regolament Nru 160 tan-NU — Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur fir-rigward tar-Reġistratur tad-Data f’każ ta’ Event [2021/1215] Serje ta’ emendi 01 (ĠU L 265, 26.7.2021, p. 3).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).

(5)  Ir-Regolament Nru 155 tan-NU — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward taċ-ċibersigurtà u s-sistema tal-ġestjoni taċ-ċibersigurtà [2021/387] (ĠU L 82, 9.3.2021, p. 30).

(6)  Id-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li tħassar id-Direttiva 2009/40/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 51).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/621 tas-17 ta’ April 2019 dwar l-informazzjoni teknika meħtieġa għall-ittestjar tal-affidabbiltà stradali tal-oġġetti li jridu jiġu ttestjati, dwar l-użu tal-metodi ta’ ttestjar rakkomandati, u li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-format tad-data u l-proċeduri għall-aċċess għall-informazzjoni teknika rilevanti (ĠU L 108, 23.4.2019, p. 5).


ANNESS

Emendi tar-Regolament (UE) 2019/2144

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/2144 huwa emendat kif ġej:

160

Reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment (EDR)

Serje ta’ emendi 01

ĠU L 265, 26.7.2021, p. 3

M1, N1”.

Fl-Anness II, il-Parti E, ir-ringiela għar-rekwiżit E5 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Suġġett

Atti regolatorji

Dispożizzjonijiet tekniċi speċifiċi addizzjonali

M1

M2

M3

N1

N2

N3

O1

O2

O3

O4

STU

Komponent

“E5 Reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/545 (*1)

Regolament Nru 160 tan-NU

 

B

D

D

B

D

D

 

 

 

 

B

 


(*1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/545 tas-26 ta’ Jannar 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-proċeduri speċifiċi tal-ittestjar u r-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tar-reġistratur tagħhom tad-data f’każ ta’ avveniment u għall-approvazzjoni tat-tip ta’ dawk is-sistemi bħala unitajiet tekniċi separati, u li jemenda l-Anness II ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 107, 5.4.2022, p. 18).”