1.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/56


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/518

tat-13 ta’ Jannar 2022

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2018/985 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali tiegħu għal ċerti vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija mgħammra b’magni fil-medda tal-potenza daqs 56 kW jew akbar, u inqas minn 130 kW sabiex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, il-magni mwaħħlin fil-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija jsegwu l-limiti tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu tal-istadju V u d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

B’riżultat tat-tfixkil kontinwu kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, ir-Regolament (UE) 2021/1068 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emenda r-Regolament (UE) 2016/1628 biex jiġu posposti l-iskadenzi li jseħħu fl-2021 għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq mgħammar b’magni ta’ tranżizzjoni fil-medda tal-potenza bejn is-56 kW u l-130 kW. L-iskadenza tat-30 ta’ Ġunju 2021 għall-produzzjoni tal-makkinarju mgħammar b’dawk il-magni ġiet estiża b’sitt xhur, u l-iskadenza tal-31 ta’ Diċembru 2021 għat-tqegħid fis-suq tal-makkinarju mgħammar b’dawk il-magni ġiet estiża b’disa’ xhur.

(3)

It-tfixkil kontinwu fil-katina tal-provvista u fil-produzzjoni kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 xorta għadu jwassal għal dewmien fil-produzzjoni u fit-tqegħid fis-suq tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija mgħammra b’magni ta’ tranżizzjoni fil-medda tal-potenza bejn is-56 kW u l-130 kW. Sabiex jiġu żgurat il-funzjonament bla tfixkil tas-suq intern, biex ikun hemm ċertezza legali, u biex jiġi evitat tfixkil potenzjali fis-suq, jeħtieġ li jiġu estiżi d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/985 (4) għal dawk il-kategoriji ta’ magni.

(4)

Għalhekk, ir-Regolament Delegat (UE) 2018/985 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Peress li l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali mhux se jkollha impatt ambjentali minħabba li l-magni ta’ tranżizzjoni kkonċernati diġà ġew prodotti, l-estensjoni tal-perjodi rilevanti jenħtieġ li tkun ta’ disa’ u sitt xhur sabiex jiġu riflessi l-perjodi estiżi previsti fir-Regolament (UE) 2016/1628.

(6)

Fid-dawl tal-fatt li perjodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 13(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/985 għal ċerti magni se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2021, u l-manifatturi kellhom sat-30 ta’ Ġunju 2021 biex jipproduċu vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija mgħammra b’magni ta’ tranżizzjoni ta’ dawk is-subkategoriji, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Lulju 2021. It-tali dispożizzjoni hija meħtieġa minħabba t-tfixkil kontinwu tal-pandemija tal-COVID-19 li ma kienx previst, kif ukoll minħabba l-ħtieġa li jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u t-trattament indaqs tal-manifatturi irrispettivament minn jekk ipproduċewx il-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 13, il-paragrafu 5, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-magni tas-subkategoriji tal-kategorija NRE li għalihom id-data ta’ applikazzjoni obbligatorja stabbilita fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ magni tal-Istadju V hija l-1 ta’ Jannar 2020, għajr għall-magni msemmija fit-tielet subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-estensjoni b’disa’ xhur tal-perjodu ta’ 24 xahar imsemmi fl-ewwel u t-tieni subparagrafi u l-estensjoni b’sitt xhur tal-perjodu ta’ 18-il xahar imsemmi fit-tieni subparagrafu.’.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f”Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1068 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu għal ċertu makkinarju mgħammar b’magni fil-meded tal-potenza akbar minn jew ugwali għal 56 kW u inqas minn 130 kW, u akbar minn jew ugwali għal 300 kW, biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 230, 30.6.2021, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/985 tat-12 ta’ Frar 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni ambjentali u tal-unità tal-propulsjoni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija u l-magni tagħhom u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 (ĠU L 182, 18.7.2018, p. 1).