15.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/14


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/424

tal-14 ta’ Marzu 2022

li jemenda u jikkoreġi l-Annessi I, IV, XV, XVI, XVII u XXI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 fir-rigward tal-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni jew kompartimenti tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali ekwini, prodotti tal-laħam, ħalib, kolostru, prodotti li fihom il-kolostru u prodotti tal-ħalib, budellati u annimali akkwatiċi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 230(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi, inter alia, ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, u japplika mill-21 ta’ April 2021. Wieħed minn dawk ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali huwa li dawk il-konsenji jridu jkunu ġejjin minn pajjiż terz, minn territorju jew minn żona jew kompartiment tiegħu, elenkati f’konformità mal-Artikolu 230(1) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ċerti speċijiet u kategoriji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali minn pajjiżi terzi, territorji jew żoni jew kompartimenti tagħhom. Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/692 jipprevedi li konsenji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jkunu permessi li jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu ġejjin minn pajjiż terz, minn territorju jew minn żona jew kompartiment tiegħu, elenkati għall-ispeċijiet u għall-kategoriji partikolari tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali, f’konformità mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dak ir-Regolament Delegat.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (3) jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni jew kompartimenti tagħhom, li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ dawk l-ispeċijiet u l-kategoriji ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692. Il-listi u ċerti regoli ġenerali li jikkonċernaw il-listi huma stabbiliti fl-Annessi I sa XXII ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(4)

L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali ekwini. Ir-referenza żbaljata fit-titolu tal-kolonna 2 ta’ dik il-lista jenħtieġ li tiġi kkoreġuta. Għalhekk, l-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jenħtieġ li jiġi kkoreġut skont dan.

(5)

It-Taqsima A tal-Parti 1 tal-Anness XV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 tistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ prodotti tal-laħam minn ungulati, tjur u għasafar tal-kaċċa. Fil-ħames kolonna ta’ dik il-lista, jenħtieġ li l-entrata għas-Serbja fir-rigward tal-annimali porċini tirrifletti t-trattamenti għall-mitigazzjoni tar-riskju B jew C imsemmija fl-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1351 (4), li kienu japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2021, u li issa huma stabbiliti fl-Anness XXVI tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692. Dik l-entrata għas-Serbja jenħtieġ li tiġi kkoreġuta, u l-Anness XV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jenħtieġ li jiġi kkoreġut skont dan.

(6)

L-Anness XVI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ budellati. Il-Mongolja ssottomettiet lill-Kummissjoni t-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju dwar id-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ budellati minn dak il-pajjiż terz f’termini tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika. Il-Mongolja pprovdiet ukoll biżżejjed evidenza u garanziji lill-Kummissjoni biex tiġi inkluża f’dik il-lista li għalhekk jenħtieġ li tiġi emendata biex tinkludi lil dak il-pajjiż terz. Għalhekk, l-Anness XVI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(7)

L-Anness XVII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ħalib, kolostru, prodotti li fihom il-kolostru, prodotti tal-ħalib derivati minn ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib li mhumiex soġġetti għal trattament speċifiku għall-mitigazzjoni tar-riskju kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer. Jenħtieġ li dik il-lista tqis il-lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ konsenji ta’ ħalib mhux ipproċessat, ta’ prodotti tal-ħalib, ta’ kolostru u ta’ prodotti li fihom il-kolostru u tindika t-tip ta’ trattament ta’ tisħin meħtieġ għal dawn il-komoditajiet stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 (5), peress li r-Regolament (UE) Nru 605/2010 tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness XVII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jiġi kkoreġut biex jinkludi l-entrata għal Isle of Man, li ġiet elenkata fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010.

(8)

L-Anness XXI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi jew territorji jew iż-żoni jew kompartimenti tagħhom li minnhom id-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ annimali akkwatiċi ħajjin tal-ispeċijiet elenkati huwa awtorizzat. Jenħtieġ li dak l-Anness jiġi kkoreġut billi jerġgħu jiddaħħlu l-Partijiet 2, 3 u 4 kif applikabbli qabel l-emendi li saru fl-Anness XXI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1937 (6), u li tħassar b’mod mhux intenzjonat b’dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Għalhekk, l-Anness XXI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(9)

Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jenħtieġ li jiġi emendat u kkoreġut skont dan.

(10)

Peress li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 japplika mill-21 ta’ April 2021, fl-interess taċ-ċertezza legali, l-emendi u l-korrezzjonijiet li jridu jsiru fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jsiru effettivi b’urġenza.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I, IV, XV, XVI, XVII u XXI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati u kkoreġuti f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali skont ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1351 tad-19 ta’ Awwissu 2019 li tistabbilixxi kundizzjonijiet speċjali rigward l-importazzjonijiet fl-Unjoni u t-tranżitu minnha ta’ ċerti prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem derivati minn annimali porċini li oriġinaw fir-Repubblika tas-Serbja wara l-okkorrenza tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’dak il-pajjiż u li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/426/UE (ĠU L 216, 20.8.2019, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 tat-2 ta’ Lulju 2010 li jistipula l-kundizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 175, 10.7.2010, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1937 tad-9 ta’ Novembru 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 fir-rigward tad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ molluski u krustaċji maħsuba biex jinżammu għal skopijiet ornamentali f’faċilitajiet magħluqa u li jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi jew territorji, jew iż-żoni jew il-kompartimenti tagħhom li minnhom huwa awtorizzat id-dħul fl-Unjoni ta’ tali kunsinni(ĠU L 396, 10.11.2021, p. 36).


ANNESS

L-Annessi I, IV, XV, XVI, XVII u XXI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati u kkoreġuti kif ġej:

(1)

fl-Anness I, il-punt 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(10)

Meta ssir referenza għas-Serbja, it-territorju tal-Kosovo (*) mhuwiex inkluż.

(*)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.”;"

(2)

fl-Anness IV, fil-Parti 1, it-titoli tat-tabella huma sostitwiti b’dan li ġej:

Kodiċi ISO u isem

il-pajjiż terz jew it-territorju

Żona

kif stabbilita fil-Parti 2

Grupp sanitarju

Kategoriji

permessi li jidħlu fl-Unjoni

Ċertifikati tas-saħħa tal-annimali

Kundizzjonijiet speċifiċi

kif stabbiliti fil-Parti 3

Garanziji tas-saħħa tal-annimali

kif stabbiliti fil-Parti 4

Data tal-għeluq

Data tal-ftuħ”

 

 

 

 

 

 

 

 

 

(3)

fl-Anness XV, fil-Parti 1, it-Taqsima A, l-entrata għas-Serbja hija sostitwita b’dan li ġej:

RS

Is-Serbja

RS-0

A

A

B jew C

A

D

D

D

D

D

Mhux awtorizzati

MPNT(*1)

MPST”

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

(4)

fl-Anness XVI, fil-Parti 1, l-entrata li ġejja għall-Mongolja tiddaħħal bejn l-entrata għall-Marokk u l-entrata għal New Zealand:

MN

Il-Mongolja

MN-0

Ungulati u tjur

CAS”

 

 

(5)

fl-Anness XVII, fil-Parti 1, l-entrata li ġejja għal Isle of Man tiddaħħal bejn l-entrata għal Greenland u l-entrata għal Jersey:

IM

Isle of Man

IM-0

Ungulati

MILK-RM, MILK-RMP/NT, COLOSTRUM, COLOSTRUM-BP, DAIRY-PRODUCTS-PT”

 

 

 

 

(6)

fl-Anness XXI, il-Partijiet 2, 3 u 4 li ġejjin jiżdiedu wara l-Parti 1:

“PARTI 2

Deskrizzjonijiet taż-żoni jew tal-kompartimenti tal-pajjiżi terzi jew tat-territorji msemmija fil-kolonna 2 tat-tabella stabbilita fil-Parti 1

Isem

il-pajjiż terz jew it-territorju

Kodiċi

taż-żona/tal-kompartiment

Deskrizzjoni taż-żona

Il-Kanada

CA-1

British Columbia

CA-2

Alberta

CA-3

Saskatchewan

CA-4

Manitoba

CA-5

New Brunswick

CA-6

Nova Scotia

CA-7

Il-Gżira ta’ Prince Edward

CA-8

Newfoundland u Labrador

CA-9

Yukon

CA-10

It-territorji tal-Majjistral

CA-11

Nunavut

CA-12

Quebec

Il-Malasja

MY-1

Peniżolari, il-Malasja tal-Punent

L-Istati Uniti

US-1

Il-pajjiż kollu, ħlief l-Istati li ġejjin: New York, Ohio, Illinois, Michigan, Indiana, Wisconsin, Minnesota u Pennsylvania

US-2

Il-Bajja ta’ Humboldt (California)

US-3

Il-Bajja ta’ Netarts (Oregon)

US-4

Il-Bajja ta’ Wilapa, id-Daħla ta’ Totten, il-Bajja ta’ Oakland, il-Bajja ta’ Quilcence u l-Bajja ta’ Dabob (Washington)

US-5

NELHA (Hawaii)

PARTI 3

Kundizzjonijiet speċifiċi msemmija fil-kolonna 7 tat-tabella stabbilita fil-Parti 1

A

L-annimali akkwatiċi u l-prodotti li joriġinaw minn annimali akkwatiċi għajr annimali akkwatiċi ħajjin, li għalihom tapplika l-Parti II.2.4. tal-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali FISH-CRUST-HC, iridu joriġinaw minn pajjiż terz jew territorju, jew żona jew kompartiment tiegħu elenkati fil-kolonna 2 tal-Parti 1 f’dan l-Anness. Fil-każijiet kollha, dan għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/405 (*1)

B

L-annimali akkwatiċi u l-prodotti li joriġinaw minn annimali akkwatiċi għajr annimali akkwatiċi ħajjin, li għalihom tapplika l-Parti II.2.4. tal-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali MOL-HC, iridu joriġinaw minn pajjiż terz jew territorju, jew żona jew kompartiment tiegħu elenkati fil-kolonna 2 tal-Parti 1 f’dan l-Anness. Fil-każijiet kollha, dan għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/405

Dan iċ-ċertifikat uffiċjali jista’ jintuża biss għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali akkwatiċi ħajjin maħsuba għall-konsum mill-bniedem li jikkonformaw mal-istandards għas-saħħa għall-molluski bivalvi ħajjin stabbiliti fl- Anness III, it-Taqsima VII, il-Kapitolu V, tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), u mal-kriterji tas-sikurezza tal-ikel stabbiliti fl-Anness I, il-Kapitolu 1, il-punti 1.17 u 1.25, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 (*3)

PARTI 4

Garanziji tas-saħħa tal-annimali msemmija fil-kolonna 8 tat-tabella stabbilita fil-Parti 1

Xejn”.


(*)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.”;”


(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/405 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li minnhom huwa awtorizzat id-dħul fl-Unjoni ta’ ċerti annimali u oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 118).

(*2)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

(*3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1).