15.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/421

tal-14 ta’ Marzu 2022

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1), b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 272/2009 (2) jissupplimenta l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 300/2008.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 272/2009 jinkariga lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ekwivalenza tal-istandards tas-sigurtà ta’ pajjiżi terzi, f’konformità mal-kriterji stabbiliti fil-Parti E tal-Anness ta’ dak ir-Regolament.

(3)

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 (3) jelenka l-pajjiżi terzi rikonoxxuti bħala pajjiżi li japplikaw standards tas-sigurtà li huma ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni.

(4)

Il-Kummissjoni vverifikat li, fir-rigward tal-Ajruport ta’ Belgrad Nikola Tesla, ir-Repubblika tas-Serbja tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-Parti E tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 272/2009, fir-rigward tal-iskrinjar tal-passiġġieri u tal-bagalji tal-kabina, l-iskrinjar tal-bagalji tal-istiva, tal-merkanzija u tal-posta u s-sigurtà tal-inġenju tal-ajru.

(5)

Il-Kummissjoni vverifikat li, fir-rigward tal-Ajruport Internazzjonali Ben Gurion, l-Istat ta’ Iżrael jissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-Parti E tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 272/2009, fir-rigward tas-sigurtà tal-inġenji tal-ajru u l-iskrinjar tal-passiġġieri u tal-bagalji tal-kabina.

(6)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/111 (4) li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 inkluda kemm ir-Repubblika tas-Serbja, fir-rigward tal-Ajruport ta’ Belgrad Nikola Tesla, kif ukoll l-Istat ta’ Iżrael, fir-rigward tal-Ajruport Internazzjonali Ben Gurion, fid-Dokumenti Mehmuża rilevanti li jelenkaw il-pajjiżi terzi rikonoxxuti bħala li japplikaw standards ta’ sigurtà ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni.

(7)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/413 (5) li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 irrikonoxxa lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq bħala pajjiżi li japplikaw standards tas-sigurtà ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni. L-Anness ta’ dak ir-Regolament kien jikkonsisti, inter alia, fis-sostituzzjoni tal-kontenut kollu tad-Dokumenti Mehmuża 3-B, 4-B, 5-A u 6-F b’Dokumenti Mehmuża ġodda li jinkludu wkoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

(8)

Id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/413 ġiet stabbilita fl-Artikolu 3, jiġifieri d-data ta’ wara dik li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u fihom skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Id-dewmien fl-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/413, fl-1 ta’ Jannar 2021, irriżulta fis-sostituzzjoni minn dak il-jum tad-Dokumenti Mehmuża 3-B, 4-B, 5-A u 6-F b’dokumenti mehmuża li fihom listi li ma jirriflettux il-modifiki li seħħew wara l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/413, jiġifieri dawk introdotti permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/111.

(9)

Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti mill-ġdid il-listi korretti ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti li japplikaw standards tas-sigurtà ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni billi jiżdiedu dawk il-pajjiżi terzi li ġew miżjuda permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/111.

(10)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/255 (6) li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 introduċa pjan direzzjonali ġdid għat-tlestija progressiva tal-installazzjoni tat-tagħmir tas-sistemi għall-individwazzjoni tal-isplussivi (EDS) tal-istandard 3 għall-iskrinjar tal-bagalji tal-istiva fl-ajruporti Ewropej, biż-żieda tal-flessibbiltà meħtieġa minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Fl-elaborazzjoni ta’ tali pjan direzzjonali, bi żball ma ngħatatx flessibbiltà addizzjonali simili mill-1 ta’ Settembru 2021, lill-operaturi li għadhom qed jużaw tagħmir tal-EDS tal-istandard 2 għall-iskrinjar tal-merkanzija u tal-posta. L-awtoritajiet xierqa jenħtieġ li jingħataw il-possibbiltà li jippermettu estensjoni raġonevoli tal-użu tal-EDS tal-istandard 2 anki lill-operaturi involuti fl-iskrinjar tal-merkanzija u tal-posta.

(11)

L-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 uriet il-ħtieġa ta’ xi emendi għall-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ ċerti standards bażiċi komuni fl-oqsma tal-validaturi tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE u t-tneħħija gradwali progressiva tat-tagħmir bir-raġġi X b’viżjoni unika (single-view) rispettivament. Id-dispożizzjonijiet relatati fl-Anness jeħtieġ li jiġu aġġustati sabiex titjieb iċ-ċarezza ġuridika, tiġi standardizzata l-interpretazzjoni komuni tal-leġiżlazzjoni u tiġi żgurata ulterjorment l-aħjar implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni fis-sigurtà tal-avjazzjoni.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 jiġi emendat skont dan.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 272/2009 tat- 2 ta’ April 2009 li jissupplimenta l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti fl-Anness tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 300/2008 (ĠU L 91, 3.4.2009, p. 7).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 tal-5 ta’ Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 299, 14.11.2015, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/111 tat-13 ta’ Jannar 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 fir-rigward tal-approvazzjoni tat-tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili kif ukoll tal-pajjiżi terzi rikonoxxuti bħala pajjiżi li japplikaw standards tas-sigurtà ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 21, 27.1.2020, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/413 tal-14 ta’ Marzu 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ pajjiżi terzi rrikonoxxuti bħala pajjiżi li japplikaw standards tas-sigurtà li huma ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 73, 15.3.2019, p. 98).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/255 tat-18 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 58, 19.2.2021, p. 23).


ANNESS

L-Anness huwa emendat kif ġej:

(1)

il-lista fid-Dokument Mehmuż 3-B tal-Kapitolu 3 hija emendata kif ġej:

(a)

l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata rigward il-Montenegro:

“Ir-Repubblika tas-Serbja, fir-rigward tal-Ajruport ta’ Belgrad Nikola Tesla”;

(b)

l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata dwar ir-Repubblika ta4 Singapor, fir-rigward tal-Ajruport Singapore Changi:

“L-Istat ta’ Iżrael, fir-rigward tal-Ajruport Internazzjonali Ben Gurion”;

(2)

il-lista fid-Dokument Mehmuż 4-B tal-Kapitolu 4 hija emendata kif ġej:

(a)

l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata rigward il-Montenegro:

“Ir-Repubblika tas-Serbja, fir-rigward tal-Ajruport ta’ Belgrad Nikola Tesla”;

(b)

l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata dwar ir-Repubblika ta4 Singapor, fir-rigward tal-Ajruport Singapore Changi:

“L-Istat ta’ Iżrael, fir-rigward tal-Ajruport Internazzjonali Ben Gurion”;

(3)

fil-lista fid-Dokument Mehmuż 5-A tal-Kapitolu 5, l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata Il-Montenegro:

“Ir-Repubblika tas-Serbja, fir-rigward tal-Ajruport ta’ Belgrad Nikola Tesla”;

(4)

fil-lista 6-Fi fid-Dokument Mehmuż 6-F tal-Kapitolu 6, l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata Il-Montenegro:

“Ir-Repubblika tas-Serbja”;

(5)

l-ittra (c) fil-punt 11.6.4.1 hija sostitwita b’dan li ġej:

“(c)

ma jistax iwettaq validazzjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE jekk ikollu status ta’ validatur tas-sigurtà tal-avjazzjoni skont skema ekwivalenti fis-seħħ f’pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, sakemm il-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali ma jagħtux opportunitajiet reċiproċi lill-validaturi tas-sigurtà tal-UE fl-iskema tiegħu.”;

(6)

il-punt 12.3.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“12.3.1

It-tagħmir kollu installat sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2023, li għandu jintuża fl-Unjoni għall-iskrinjar tal-merkanzija u tal-posta, kif ukoll tal-posta u tal-materjali tat-trasportaturi tal-ajru soġġetti għall-kontrolli tas-sigurtà f’konformità mal-Kapitolu 6, għandu jkun b’viżjoni multipla (multi-view).

L-awtorità xierqa, għal raġunijiet oġġettivi, tista’ tippermetti l-użu ta’ tagħmir bir-raġġi X b’viżjoni unika (single-view) installat qabel l-1 ta’ Jannar 2023 sad-dati li ġejjin:

(a)

tagħmir tar-raġġi X b’viżjoni unika installat qabel l-1 ta’ Jannar 2016, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025;

(b)

tagħmir tar-raġġi X b’viżjoni unika installat mill-1 ta’ Jannar 2016, għal perjodu massimu ta’ għaxar snin mid-data tal-installazzjoni tiegħu jew sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2027, skont liema minnhom jiġi l-ewwel.

 

L-awtorità xierqa għandha tinforma lill-Kummissjoni meta tapplika d-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu.”;

(7)

fil-punt 12.4.2.4, tiżdied is-sentenza li ġejja wara t-tabella:

“Barra minn hekk, l-awtorità xierqa tista’ tippermetti l-użu tal-EDS tal-istandard 2 għall-iskrinjar tal-merkanzija u tal-posta kif ukoll tal-posta u tal-materjali tat-trasportaturi tal-ajru soġġetti għall-kontrolli tas-sigurtà f’konformità mal-Kapitolu 6, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru 2022.”.