1.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 62/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/342

tal-21 ta’ Diċembru 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji speċifiċi tal-għażla u d-dettalji tal-proċess għall-għażla ta’ proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) introduċiet mira għall-enerġija rinnovabbli ġdida u vinkolanti għall-Unjoni għall-2030. Hija tippromwovi wkoll l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bħala għodod effettivi li jikkontribwixxu għall-ilħuq ta’ dik il-mira.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/1153 iwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrument lil hinn min-networks trans-Ewropej għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jistabbilixxi kategorija ġdida ta’ proġetti għall-finanzjament taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) – “proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli”.

(3)

Il-proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli (“proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli”) jenħtieġ li jkollhom l-għan li jippermettu l-użu kosteffettiv ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-Unjoni, jappoġġaw l-ilħuq tal-mira vinkolanti tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli fl-2030 kif imsemmi fid-Direttiva (UE) 2018/2001 u jikkontribwixxu għall-adozzjoni strateġika ta’ teknoloġiji rinnovabbli innovattivi. Il-proġetti jenħtieġ ukoll li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni, għat-tlestija tas-suq intern tal-enerġija u għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista billi jippromwovu l-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri fl-oqsma tal-ippjanar, l-iżvilupp u l-isfruttar kosteffettiv tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

(4)

Sabiex ikunu eliġibbli għall-finanzjament, il-proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li l-ewwel jiġu inklużi f’lista ta’ proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli. L-istatus uffiċjali ta’ “proġett transfruntier fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli” jista’ jipprovdi benefiċċji bħal viżibbiltà ogħla, ċertezza akbar għall-investituri, u appoġġ aktar b’saħħtu mill-Istati Membri.

(5)

Promotur tal-proġetti li l-proġett tiegħu jkun intgħażel għall-inklużjoni fil-lista ta’ proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli jista’ japplika wkoll għall-finanzjament skont ir-Regolament (UE) 2021/1153 għal studji jew xogħlijiet relatati ma’ dak il-proġett.

(6)

L-objettivi, il-kriterji ġenerali li jridu jiġu ssodisfati, u l-proċedura li trid tiġi segwita għall-proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli huma previsti fil-Parti IV tal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/1153. L-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta att delegat sabiex tistabbilixxi l-kriterji speċifiċi tal-għażla u d-dettalji tal-proċess għall-għażla tal-proġetti transfruntiera li għandhom jiġu inklużi fil-lista ta’ proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli.

(7)

Il-proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li jiġu stabbiliti permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni. Dak il-mekkaniżmu jista’ jieħu kwalunkwe waħda mill-forom ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni previsti fl-Artikoli 8, 9, 11 u 13 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u jista’ jiġi stabbilit bejn żewġ Stati Membri jew aktar, jew bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż mhux tal-UE wieħed jew aktar. Sabiex dan il-kriterju jiġi ssodisfat, huwa importanti li jkun hemm evidenza ta’ ċertu grad ta’ appoġġ mill-Istati Membri u, fejn rilevanti, mill-pajjiżi mhux tal-UE, involuti. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni bil-miktub li tesprimi r-rieda li jiġi appoġġat il-proġett permezz ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni, ivvalidat minn istituzzjoni responsabbli fl-Istati Membri parteċipanti kollha u, fejn rilevanti, f’pajjiżi mhux tal-UE. Ma hemm l-ebda restrizzjoni speċifika fuq il-format tad-dikjarazzjoni.

(8)

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/1153, l-entitajiet legali — inklużi l-impriżi konġunti — stabbiliti fi Stat Membru, huma eliġibbli għall-programm. Bħala tali, huma jistgħu jissottomettu applikazzjoni stabbilita bi ftehim ta’ kooperazzjoni għal proġett konġunt, inkluż wieħed li jinvolvi pajjiż mhux tal-UE, skont l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Madankollu, fil-każ speċifiku ta’ skema ta’ appoġġ konġunt, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 Stat Membru biss jista’ jissottometti applikazzjoni. Jekk il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni jieħu l-forma ta’ trasferiment statistiku awtonomu skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, ma jkun hemm l-ebda investiment addizzjonali marbut miegħu u, għalhekk, l-appoġġ fil-qafas tal-FNE jista’ jkun meħtieġ biss għal studji f’konformità mal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) 2021/1153.

(9)

Skont il-punti 2(b) u (c), il-Parti IV tal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/1153, il-proġetti transfruntiera jenħtieġ li jipprovdu soluzzjoni aktar effettiva għall-użu ta’ sorsi rinnovabbli meta mqabbla ma’ proġetti implimentati minn wieħed mill-Istati Membri parteċipanti waħdu. Għalhekk, minbarra li jiġi stabbilit b’mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni, li għandu jiġi inkluż fil-lista ta’ proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, iridu jintwerew ukoll il-benefiċċji soċjoekonomiċi netti tal-proġett.

(10)

Il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi netti ta’ proġett transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li jintwerew permezz ta’ analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji li tkopri l-elementi kollha tal-punt 3 tal-Parti IV tal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/1153, imħejjija mill-promotur tal-proġett. Flimkien ma’ dan l-att delegat il-Kummissjoni se tippubblika metodoloġija li tistabbilixxi kif jenħtieġ li titwettaq l-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji u kif il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-konformità tal-proġett mal-kriterji ġenerali (3).

(11)

Il-Parti IV tal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/1153 tistabbilixxi l-passi ewlenin tal-proċedura għall-għażla ta’ proġett li għandu jiġi inkluż fil-lista ta’ proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli. Il-proċedura tal-għażla se tinvolvi: (a) l-ewwel evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-applikazzjonijiet għal proġett transfruntier fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli skont il-kriterji ġenerali; (b) l-istabbiliment mill-Kummissjoni ta’ grupp għal proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli bil-kompetenza li jadotta abbozz ta’ lista u li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-proġetti fil-lista bl-għan li jinżamm l-istatus tagħhom; (c) ftehim mill-grupp dwar l-abbozz ta’ lista; u (d) l-adozzjoni tal-lista finali mill-Kummissjoni u r-rieżami tal-lista kull sentejn.

(12)

Meta tadotta l-lista finali ta’ proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-għan li tiżgura bilanċ ġeografiku xieraq. Tista’ tuża wkoll raggruppamenti reġjonali għall-għażla tal-proġetti filwaqt li żżomm f’moħħha li bħalissa mhux l-Istati Membri kollha huma parti minn tali raggruppament u li l-kooperazzjoni transfruntiera dwar l-użu ta’ sorsi rinnovabbli tista’ tkun ukoll bejn pajjiżi li ma għandhomx fruntiera fiżika.

(13)

Il-proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jinvolvu diversi teknoloġiji li jitqiesu eliġibbli. Pereżempju, il-ġenerazzjoni minn sorsi rinnovabbli mir-riħ kemm fuq l-art kif ukoll lil hinn mill-kosta, l-enerġija solari, il-bijomassa sostenibbli, l-enerġija mill-oċeani, l-enerġija ġeotermali jew kombinazzjonijiet tagħha, il-konnessjoni tagħhom mal-grilja u elementi addizzjonali bħal faċilitajiet ta’ ħżin jew konverżjoni.

(14)

Sabiex tippermetti direttament il-kisba tal-mira tal-enerġija rinnovabbli tal-UE għall-2030, il-proġetti transfruntiera jenħtieġ li dejjem jinkludu faċilità ta’ ġenerazzjoni minn sorsi rinnovabbli bħala parti integrali tal-proġett. Komponenti addizzjonali tal-proġett li indirettament jippermettu l-kisba tal-mira tal-enerġija rinnovabbli għall-UE għall-2030 u l-użu kosteffettiv tal-enerġija rinnovabbli billi jikkontribwixxu għall-integrazzjoni effettiva tal-ġenerazzjoni minn sorsi rinnovabbli jistgħu jkunu eliġibbli, madankollu mhux bħala proġetti awtonomi, iżda bħala parti integrali mill-proġett transfruntiera li tintuża flimkien mal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Tali komponenti addizzjonali jistgħu jkunu grilja tat-trażmissjoni transfruntiera, ħżin termali, ħżin tal-batteriji, ħżin tal-arja kkompressata u ħżin tal-arja likwida, ilma ppumpjat u elettroliżi tal-ilma flimkien mal-ħżin tal-idroġenu. L-azzjoni eliġibbli mhijiex limitata għas-settur tal-elettriku u tista’ tkopri trasportaturi oħra tal-enerġija u l-akkoppjament potenzjali tas-settur, pereżempju bit-tisħin u t-tkessiħ, l-enerġija għall-gass, il-ħżin u t-trasport.

(15)

Il-proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli mhux neċessarjament jinvolvu rabta fiżika bejn l-Istati Membri li kkooperaw. Dawn il-proġetti jistgħu jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss involut diment li jiġu ssodisfati l-kriterji ġenerali tal-parti IV tal-Anness.

(16)

Il-proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti legali applikabbli dwar is-sostenibbiltà, l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, kif ukoll il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(17)

Ir-Regolament (UE) 2021/1153 jippermetti lill-programm tal-FNE jappoġġa studji li jgħinu fl-iżvilupp u fl-identifikazzjoni ta’ proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli, f’konformità mal-Artikolu 7(3) ta’ dak ir-Regolament. Dawn l-istudji għandhom l-għan li jħejju mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni għall-ippjanar u l-użu ta’ sorsi rinnovabbli u li jegħlbu l-ostakli inizjali għall-istabbiliment ta’ tali kooperazzjoni. L-appoġġ għal studji bħal dawn jista’ jsir qabel l-inklużjoni ta’ proġett fil-lista ta’ proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u jista’ jintuża wkoll sabiex iħejji għall-applikazzjoni tiegħu għal-lista u/jew għall-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji.

(18)

Proġett li jkun ingħata appoġġ għal studju skont l-Artikolu 7(3) jenħtieġ li ma jkollux vantaġġ fil-proċedura sabiex jiġi inkluż fil-lista ta’ proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u/jew jirċievi finanzjament mill-FNE għal studji u xogħlijiet. Il-benefiċċjar minn studju skont l-Artikolu 7(3) lanqas ma jirriżulta f’obbligu li ssir applikazzjoni la sabiex jiġi inkluż fil-lista ta’ proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u lanqas sabiex japplika għal finanzjament tal-FNE għal studji u xogħlijiet.

(19)

Peress li r-riskji u l-profittabbiltà tal-proġetti eliġibbli jistgħu jvarjaw u jistgħu wkoll jevolvu maż-żmien, jista’ jkun xieraq li parti mill-allokazzjoni disponibbli għall-proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli tiġi pprovduta permezz ta’ kontribuzzjonijiet għal operazzjonijiet ta’ taħlit jew faċilità ta’ taħlit taħt il-Programm Invest EU.

(20)

Id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari dwar is-sostenibbiltà tal-bijoenerġija, l-allokazzjoni tal-kapaċità fil-fruntieri, is-separazzjoni, il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat, il-bijodiversità u l-protezzjoni ambjentali jenħtieġ li jiġu rrispettati bis-sħiħ mill-proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli.

(21)

Il-proġetti kollha inklużi fil-lista ta’ proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li jiġu implimentati malajr u jiġu mmonitorjati u evalwati mill-qrib u regolarment, filwaqt li r-rekwiżiti ta’ rapportar għall-promoturi tal-proġetti jinżammu f’livell minimu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi kriterji speċifiċi tal-għażla u dettalji tal-proċess għall-għażla ta’ proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2021/1153.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“proġett transfruntier tal-enerġija rinnovabbli” jew “proġett” tfisser proġett transfruntier fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2021/1153;

(2)

“enerġija rinnovabbli” tfisser enerġija rinnovabbli kif definita fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(3)

“promotur tal-proġetti” tfisser entità ġuridika li tiżviluppa proġett transfruntier fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, inkluż Stat Membru;

(4)

“applikazzjoni” tfisser applikazzjoni sabiex proġett jintgħażel bħala proġett transfruntier fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/1153;

(5)

“mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni” tfisser kooperazzjoni bejn mill-anqas żewġ Stati Membri, jew bejn mill-anqas Stat Membru wieħed u pajjiż mhux tal-UE, li sseħħ f’konformità mal-Artikoli 8, 9, 11 u 13 tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(6)

“ftehim ta’ kooperazzjoni” tfisser ftehim formali li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni;

(7)

“l-abbozz ta’ lista” tfisser il-lista ta’ proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli kif miftiehma mill-Grupp imsemmi fil-punt 4(b) tal-Parti IV tal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/1153;

(8)

“il-lista finali” tfisser il-lista ta’ proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli kif stabbilita mill-Kummissjoni skont il-punt 4(g) tal-Parti IV tal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/1153;

(9)

“Stat Membru ospitanti” tfisser Stat Membru fejn tinsab fiżikament il-faċilità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli;

(10)

“Stat Membru kontribwent” tfisser Stat Membru li jikkontribwixxi finanzjarjament għall-investiment fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli li tinsab fi Stat Membru ieħor;

(11)

“Stati Membri parteċipanti” tinkludi kemm l-Istati Membri kontribwenti kif ukoll dawk ospitanti;

(12)

“ħżin” tfisser il-ħżin tal-enerġija kif definit fl-Artikolu 2(59) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

KAPITOLU II

KRITERJI SPEĊIFIĊI TAL-GĦAŻLA GĦAL PROĠETTI TRANSFRUNTIERA TAL-ENERĠIJA RINNOVABBLI

Artikolu 3

It-teknoloġiji, il-komponenti u l-investimenti eliġibbli

It-teknoloġiji, il-komponenti u l-investimenti li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli bħala parti mill-proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli:

(a)

Teknoloġiji tal-ġenerazzjoni bbażati fuq kwalunkwe wieħed mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli elenkati fid-Direttiva (UE) 2018/2001;

(b)

Faċilitajiet ta’ ħżin kemm fuq is-sit kif ukoll barra minnu, sakemm dawn jifformaw parti integrali mill-proġett, jippermettu b’mod effettiv l-integrazzjoni ta’ faċilità ta’ ġenerazzjoni minn sorsi rinnovabbli u jkunu anċillari għaliha;

(c)

Kwalunkwe sistema u komponent li jintegraw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, inkluż sabiex tittejjeb il-prevedibbiltà tal-produzzjoni tas-sorsi rinnovabbli u kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali sabiex l-investiment jopera kif suppost, inklużi sistemi ta’ monitoraġġ u kontroll, sakemm dawn jifformaw parti integrali mill-proġett, jippermettu b’mod effettiv l-integrazzjoni ta’ faċilità għall-ġenerazzjoni minn sorsi rinnovabbli u huma anċillari għaliha;

(d)

Konnessjoni tal-ġenerazzjoni minn sorsi rinnovabbli jew mal-grilja tad-distribuzzjoni jew tat-trażmissjoni u, jekk applikabbli, tal-ħżin mal-grilja tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni, sakemm dawn jifformaw parti integrali mill-proġett, jippermettu b’mod effettiv l-integrazzjoni ta’ faċilità għall-ġenerazzjoni minn sorsi rinnovabbli u huma anċillari għaliha;

(e)

Konverżjoni tal-elettriku rinnovabbli għal karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika, inklużi faċilitajiet ta’ transformer jew ta’ kompressjoni, sakemm dawn jifformaw parti integrali mill-proġett, jippermettu b’mod effettiv l-integrazzjoni ta’ faċilità ta’ ġenerazzjoni minn sorsi rinnovabbli u jkunu anċillari għaliha;

(f)

Kwalunkwe teknoloġija, komponent jew investiment ieħor speċifikat fil-programmi ta’ ħidma u sejħiet rilevanti tal-FNE, li jifformaw parti integrali mill-proġett, jippermettu b’mod effettiv l-integrazzjoni ta’ faċilità ta’ ġenerazzjoni minn sorsi rinnovabbli u huma anċillari għaliha.

Artikolu 4

Mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni li jistabbilixxu l-proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli u l-applikazzjoni

1.   Sabiex proġett jiġi inkluż fl-abbozz ta’ lista ta’ proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli, dan għandu jiġi stabbilit permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni.

2.   Promotur ta’ proġett li japplika sabiex proġett jiġi inkluż fl-abbozz tal-lista ta’ proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli għandu jipprovdi dikjarazzjoni bil-miktub tal-Istati Membri parteċipanti u, fejn rilevanti, ta’ pajjiżi terzi, li tesprimi r-rieda tagħhom li jikkonkludu ftehim ta’ kooperazzjoni sabiex jistabbilixxu l-proġett transfruntier tal-enerġija rinnovabbli. Id-dikjarazzjoni ma teħtieġx format speċifiku, iżda għandha tiġi ffirmata mill-Ministeri tal-Istati Membri parteċipanti inkarigati mill-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ kooperazzjoni, inklużi l-pajjiżi ta’ tranżitu, fejn rilevanti u fejn il-ftehim ikun jeħtieġ l-użu tal-infrastruttura tagħhom.

3.   L-applikazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-abbozz ta’ lista għandha tinkludi l-informazzjoni dwar il-kriterji għall-għażla msemmija f’dan il-Kapitolu.

Artikolu 5

Il-benefiċċji soċjoekonomiċi netti tal-proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli

1.   Promotur ta’ proġett li japplika sabiex proġett jiġi inkluż fl-abbozz ta’ lista ta’ proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli għandu juri li l-iffrankar globali potenzjali fl-użu ta’ sorsi rinnovabbli u/jew il-benefiċċji għall-integrazzjoni tas-sistema, is-sigurtà tal-provvista jew l-innovazzjoni li huma assoċjati mal-proġett jegħlbu l-kostijiet tiegħu (“benefiċċji soċjoekonomiċi netti”).

2.   Il-benefiċċji soċjoekonomiċi netti msemmija fil-paragrafu preċedenti għandhom jintwerew għall-perjodu, li għandu jkopri mill-anqas 15-il sena, li jibda mill-ewwel sena tal-operat tal-proġett u li jirrifletti l-ħajja teknoloġika tiegħu.

3.   L-istima tal-benefiċċji soċjoekonomiċi netti tal-proġett imsemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkun ibbażata fuq analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji, imħejjija mill-promotur tal-proġett. L-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji għandha tinkludi l-elementi kollha msemmija fil-punt 3 tal-Parti IV tal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/1153 u għandha turi l-eżistenza ta’ benefiċċji soċjoekonomiċi netti meta mqabbla ma’ proġett simili jew ma’ proġett tal-enerġija rinnovabbli implimentat minn wieħed mill-Istati Membri parteċipanti fil-ftehim ta’ kooperazzjoni.

KAPITOLU III

IL-PROĊESS TAL-GĦAŻLA GĦAL-LISTA TA’ PROĠETTI TRANSFRUNTIERA TAL-ENERĠIJA RINNOVABBLI

Artikolu 6

Grupp għal proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp għal proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli (“il-Grupp”) li għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed ta’ kull Stat Membru u minn rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni.

2.   Ir-rappreżentant ta’ kull Stat Membru jista’ jkun akkumpanjat minn partijiet rilevanti oħrajn, bħall-awtorità regolatorja nazzjonali, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jew distribuzzjoni, jew l-awtoritajiet li jagħtu l-awtorizzazzjoni.

3.   Il-Grupp għandu jistieden, kif xieraq, lill-promoturi ta’ proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u lir-rappreżentanti ta’ pajjiżi mhux tal-UE involuti fi proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli.

4.   Il-Grupp jista’ jistieden għal-laqgħat tiegħu, kif xieraq, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti inklużi l-produtturi, il-fornituri, il-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni ambjentali. Il-Grupp jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ jew konsultazzjonijiet meta jkunu rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

5.   Il-Grupp għandu jistabbilixxi l-abbozz ta’ lista ta’ proġetti li għandhom isiru proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli u għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-proġetti fil-lista finali.

6.   Il-Grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess u għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

Abbozz ta’ lista ta’ proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli

1.   Il-Kummissjoni għandha tniedi sejħa għall-applikazzjonijiet sabiex proġett jintgħażel bħala proġett transfruntier tal-enerġija rinnovabbli mill-anqas darba fis-sena.

2.   Wara evalwazzjoni tal-proġetti, f’konformità mal-punt 4(c) tal-Parti IV tal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/1153, il-Kummissjoni għandha tħejji u tissottometti lill-Grupp lista ta’ proġetti li jikkonformaw mal-kriterji tal-għażla stabbiliti fil-Parti IV tal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/1153, flimkien mal-informazzjoni rilevanti msemmija fil-punt 4(d) tal-Parti IV tal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/1153. Il-Kummissjoni ma għandhiex tissottometti l-applikazzjonijiet sħaħ lill-Grupp, jew kwalunkwe informazzjoni li tkun ġiet indikata mill-applikant bħala kummerċjalment sensittiva.

3.   Abbażi tal-informazzjoni li jirċievi mill-Kummissjoni, il-Grupp għandu jistabbilixxi l-abbozz ta’ lista ta’ proġetti li għandhom isiru proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli.

Artikolu 8

Il-lista finali ta’ proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-lista finali ta’ proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli f’konformità mal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (UE) 2021/1153. Il-lista finali ta’ proġetti ma għandhiex tattribwixxi klassifikazzjoni lill-proġetti fil-lista.

2.   Il-lista finali għandha tirrifletti l-abbozz ta’ lista stabbilit mill-Grupp f’konformità mal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-Regolament. Jekk il-lista finali tkun differenti mill-abbozz, il-Kummissjoni għandha tikseb l-opinjoni pożittiva tal-Grupp qabel tadotta l-lista finali.

Artikolu 9

Ir-reviżjoni tal-lista finali ta’ proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-lista mill-anqas kull sentejn.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti, il-Kummissjoni għandha tirtira proġett mil-lista finali hekk kif tistabbilixxi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

li l-evalwazzjoni tal-proġett kienet ibbażata fuq informazzjoni żbaljata li kienet fattur determinanti fl-evalwazzjoni; jew

(b)

li l-proġett ma jikkonformax mad-dritt tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tirtira proġett mil-lista jekk:

(a)

l-approvazzjoni minn Stat Membru wieħed jew mill-Istati Membri parteċipanti kollha tkun ġiet irtirata; u/jew

(b)

il-promotur tal-proġett jinforma lill-grupp li l-proġett ma għadux segwit; jew

(c)

il-proġett ma jkunx għamel progress minn meta tqiegħed fuq il-lista; jew

(d)

il-proġett ikun tlesta.

4.   Qabel ma tirtira proġett mil-lista, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Grupp u għandha tqis kif xieraq l-informazzjoni rilevanti li tirċievi mill-membri tal-Grupp.

Artikolu 10

Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ proġetti inklużi fil-lista ta’ proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli

1.   Il-promotur tal-proġett li huwa inkluż fil-lista finali għandu jissottometti rapport ta’ progress bl-aġġornamenti rilevanti dwar l-ispeċifikazzjoni tal-proġett u l-implimentazzjoni darba fis-sena lill-Kummissjoni, u l-Kummissjoni għandha tissottometti r-rapport lill-Grupp.

2.   Jekk il-promoturi tal-proġetti jinkludu informazzjoni kummerċjalment sensittiva fir-rapportar tagħhom, huma għandhom jindikaw liema informazzjoni m’għandhiex issir pubblika jew tiġi sottomessa lill-Grupp b’mod li jippermetti li jiġi identifikat il-proġett li għalih tirreferi l-informazzjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-progress tal-proġetti lill-Grupp b’mod aggregat.

3.   Għall-finijiet tal-monitoraġġ mill-Grupp, ir-rapport ta’ progress sottomess mill-promotur għandu jinkludi:

(a)

deskrizzjoni aġġornata tal-proġett u l-istatus tiegħu;

(b)

skeda ta’ żmien ta’ dawn li ġejjin kif applikabbli: il-fattibbiltà, id-disinn, il-permessi, il-kostruzzjoni, l-ikkummissjonar;

(c)

kwalunkwe informazzjoni amministrattiva, legali, finanzjarja jew informazzjoni oħra li tkun differenti mill-informazzjoni pprovduta qabel.

4.   Abbażi tal-informazzjoni dwar il-progress sottomessa mill-Kummissjoni, il-Grupp għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-proġetti.

5.   Il-Grupp jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet li jappartjenu għal proġett speċifiku bl-għan li jingħeleb kwalunkwe dewmien possibbli fl-implimentazzjoni. Dawn jistgħu jinkludu azzjonijiet li jridu jittieħdu fi Stat Membru wieħed jew aktar.

Artikolu 11

Informazzjoni u pubbliċità

1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika informazzjoni dwar il-proġetti inklużi fil-lista finali ta’ proġetti b’mod li jkun faċilment aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika biss informazzjoni mhux kummerċjalment sensittiva tal-proġett, bħad-deskrizzjoni tal-proġett, l-istatus, l-iskeda ta’ implimentazzjoni jew il-post.

3.   Il-promotur ta’ proġett inkluż fil-lista finali għandu jippubblika mill-anqas l-informazzjoni indikata fil-paragrafu preċedenti permezz tal-paġna web tiegħu stess u jaġġornaha mill-anqas kull sitt xhur.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 249, 14.7.2021, p. 38.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(3)  SWD/2021/429 final.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).