28.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 55/41


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/320

tal-25 ta’ Frar 2022

dwar l-awtorizzazzjoni taż-żejt essenzjali magħsur tal-mandolin bħala addittiv fl-għalf għat-tjur tat-trobbija, għall-ħnieżer, għar-ruminanti, għaż-żwiemel, għall-fniek u għas-salmonidi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10(2) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

(2)

Iż-żejt essenzjali tal-mandolin kien ġie awtorizzat mingħajr limitu ta’ żmien f’konformità mad-Direttiva 70/524/KEE bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. Sussegwentement, dan l-addittiv iddaħħal fir-Reġistru tal-addittivi fl-għalf bħala prodott eżistenti, f’konformità mal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqet applikazzjoni għall-evalwazzjoni mill-ġdid taż-żejt essenzjali magħsur tal-mandolin għall-ispeċijiet kollha ta’ annimali.

(4)

L-applikant talab li ż-żejt essenzjali magħsur tal-mandolin jiġi awtorizzat għall-użu wkoll fl-ilma tax-xorb. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 ma jippermettix l-awtorizzazzjoni tal-komposti tat-togħma għall-użu fl-ilma tax-xorb. Għalhekk, jenħtieġ li l-użu ta’ żejt essenzjali magħsur tal-mandolin fl-ilma tax-xorb ma jkunx permess.

(5)

L-applikant talab biex l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorjali” u fil-grupp funzjonali “komposti tat-togħma”. Flimkien ma’ dik l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(6)

Fl-opinjoni tagħha tal-5 ta’ Mejju 2021 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li, fil-kundizzjonijiet tal-użu proposti, iż-żejt essenzjali magħsur tal-mandolin ma għandux effetti negattivi fuq saħħet l-annimali, fuq is-sikurezza tal-konsumaturi, jew fuq l-ambjent. Madankollu, ma setgħet issir l-ebda konklużjoni għall-annimali tal-kumpanija u għall-ħut ornamentali li normalment ma jkunux esposti għall-prodotti sekondarji taċ-ċitru. L-awtorità kkonkludiet ukoll li jenħtieġ li ż-żejt essenzjali magħsur tal-mandolin jitqies bħala sensitizzatur tal-ġilda u bħala irritant għall-ġilda, għall-għajnejn, u għas-sistema respiratorja. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa sabiex jiġu evitati effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tal-utenti tal-addittiv.

(7)

L-Awtorità kkonkludiet li peress li ż-żejt essenzjali magħsur tal-mandolin huwa universalment rikonoxxut li jagħti t-togħma lill-ikel, u li l-funzjoni tiegħu fl-għalf se tkun essenzjalment l-istess bħal dik fl-ikel, ma hemmx bżonn li jkun hemm iktar provi tal-effikaċja tiegħu. Ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodi ta’ analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf, li ġie mressaq mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(8)

Il-valutazzjoni taż-żejt essenzjali magħsur tal-mandolin turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. B’hekk, jenħtieġ li jiġi awtorizzat l-użu ta’ dik is-sustanza kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(9)

Il-fatt li l-użu taż-żejt essenzjali magħsur tal-mandolin mhuwiex awtorizzat bħala aromatizzant fl-ilma tax-xorb ma jipprekludix l-użu tiegħu fl-għalf kompost li jiġi amministrat permezz tal-ilma.

(10)

Billi l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għas-sustanza kkonċernata mhijiex meħtieġa minħabba raġunijiet ta’ sikurezza, huwa xieraq li jingħata perjodu tranżizzjonali biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

Is-sustanza speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta’ addittivi “addittivi sensorjali” u mill-grupp funzjonali “sustanzi li jagħtu t-togħma”, hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Miżuri tranżizzjonali

1.   Is-sustanza speċifikata fl-Anness u t-taħlitiet lesti minn qabel li jkun fihom dawn is-sustanzi, li huma prodotti u ttikkettati qabel l-20 ta’ Settembru 2022 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel l-20 ta’ Marzu 2022 jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.

2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanzi kif speċifikat fl-Anness, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel l-20 ta’ Marzu 2023 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel l-20 ta’ Marzu 2022 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti jekk ikunu maħsuba għall-annimali li jipproduċu l-ikel.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta’ Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f’għalf għall-bhejjem

(ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).

(3)   EFSA Journal 2021;19(6):6625.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku.

Speċi jew kategorija tal-annimali

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg ta’sustanza attiva/kg ta’ għalf sħiħ b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 %

Kategorija: Addittivi sensorjali. Grupp funzjonali: Komposti tat-togħma

2b142-eo

Żejt essenzjali magħsur tal-mandolin

Kompożizzjoni tal-addittiv

Żejt essenzjali magħsur tal-mandolin miksub mill-qxur tal-frott ta’ Citrus reticulata Blanco.

Forma likwida

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Żejt essenzjali magħsur tal-mandolin miksub bl-għasir bil-kesħa mill-qxur tal-frott ta’ Citrus reticulata Blanco kif definit mill-Kunsill tal-Ewropa (1).

d-Limonen: 65–80 %

γ-Terpinen: 13-22 %

α-Pinen (pin-2(3)-en):

1-3,5 %

Mirċen:1-2 %

β-Pinen (pin-2(10)-en):

1-2 %.

Metil N-metil antranilat: 0,15-0,7 %

Perillaldeid: ≤ 0,063 %

Numru CAS: 8008-31-9

Numru FEMA: 2657

Numru CoE: 142

Metodu analitiku  (2)

Għall-kwantifikazzjoni tal-markatur fitokimiku d-limonen fl-addittiv fl-għalf jew f’taħlita ta’ komposti tat-togħma:

Kromatografija b’fażi gassuża abbinata ma’ detezzjoni tal-jonizzazzjoni bi fjamma (GC-FID) (abbażi ta’ ISO 3528)

Tjur

Fniek

Salmonidi

15

1.

L-addittiv għandu jiġi inkorporat fl-għalf fl-għamla ta’ taħlita lesta minn qabel.

2.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà għat-trattament bis-sħana.

3.

It-taħlit ta’ żejt essenzjali magħsur tal-mandolin ma’ addittivi botaniċi oħrajn huwa permess sakemm l-ammonti ta’ perillaldeid fil-materjali tal-għalf u fl-għalf kompost ikunu aktar baxxi minn dak li jirriżulta mill-użu ta’ addittiv wieħed fil-livell massimu jew dak rakkomandat għall-ispeċi jew il-kategorija ta’ annimal.

4.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozju tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali mill-inalazzjoni, mill-kuntatt mal-ġilda jew mill-kuntatt mal-għajnejn. Fejn dawk ir-riskji ma jistgħux jiġu eliminati jew jitnaqqsu kemm jista’ jkun b’tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b’tagħmir protettiv personali li jinkludi protezzjoni għall-ġilda, għall-għajnejn u għan-nifs.

l-20 ta’ Marzu 2032

Ħnieżer

33

Ruminanti

30

Żwiemel

40


(1)  Natural sources of flavourings - Report No. 2 (2007).

(2)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports