28.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 55/1


REGOLAMENT (UE) 2022/312 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Frar 2022

li jemenda r-Regolament (UE) 2020/1429 fir-rigward tad-durata tal-perijodu ta’ referenza għall-applikazzjoni ta’ miżuri temporanji dwar l-impożizzjoni ta’ imposti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis qawwi fit-traffiku ferrovjarju kkawżat minn tnaqqis sinifikanti fid-domanda. Dan kellu impatt serju fuq l-impriżi ferrovjarji.

(2)

Dawk iċ-ċirkostanzi huma lil hinn mill-kontroll tal-impriżi ferrovjarji, li kontinwament kellhom jiffaċċjaw problemi konsiderevoli ta’ likwidità, telf kbir u f’xi każijiet, qed jirriskjaw l-insolvenza.

(3)

Sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu l-effetti ekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 u jappoġġaw lill-impriżi ferrovjarji, ir-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ippermetta lill-Istati Membri jawtorizzaw lill-maniġers tal-infrastruttura biex inaqqsu, jirrinunzjaw jew jiddifferixxu l-imposti għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja. Dik il-possibbiltà ngħatat għal perijodu ta’ referenza mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020 u ġiet estiża ulterjorment mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1061 (4) sal-31 ta’ Diċembru 2021.

(4)

It-tkomplija tal-pandemija tal-COVID-19 u l-ħolqien ta’ varjanti li jittieħdu ħafna u li huma imprevedibbli, bħall-varjant tal-COVID-19 tal-Omicron, jfisser li jistgħu jkunu neċessarji miżuri restrittivi ġodda.

(5)

L-impatt negattiv tal-pandemija tal-COVID-19 fuq it-traffiku ferrovjarju għadu jippersisti u huwa possibbli li l-impriżi ferrovjarji jkomplu jiġu affettwati. Fi sforz biex iwieġeb għall-ħtiġijiet urġenti tas-settur, il-perijodu ta’ referenza stipulat mir-Regolament (UE) 2020/1429 jenħtieġ li jiġi estiż ulterjorment sat-30 ta’ Ġunju 2022.

(6)

L-evoluzzjoni mhux prevedibbli tal-pandemija tal-COVID-19, il-ħolqien f’daqqa ta’ varjanti ġodda u l-ħtieġa li jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq is-settur ferrovjarju jeħtieġu rispons regolatorju rapidu u flessibbli. Sabiex jiġi evitat distakk fir-rispons għas-sitwazzjoni attwali, huwa essenzjali li jiġi żgurat li r-regoli jkomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2021. Minħabba n-natura tal-miżuri previsti mir-Regolament (UE) 2020/1429, l-applikazzjoni retroattiva tal-estensjoni tal-perijodu ta’ referenza ma tirriżultax fi ksur tal-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati.

(7)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza kontinwament l-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur ferrovjarju u jenħtieġ li l-Unjoni tkun f’pożizzjoni li testendi, mingħajr dewmien żejjed, il-perijodu tal-applikazzjoni tal-miżuri previsti mir-Regolament (UE) 2020/1429 jekk jippersistu l-kundizzjonijiet ħżiena.

(8)

Sabiex tiġi estiża, jekk neċessarju u ġġustifikat, il-validità tar-regoli previsti fir-Regolament (UE) 2020/1429, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-estensjoni tal-perijodu ta’ referenza li matulu japplikaw il-miżuri previsti mir-Regolament (UE) 2020/1429. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(9)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jestendi l-applikazzjoni tar-regoli temporanji dwar l-impożizzjoni ta’ imposti għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja stabbiliti fir-rispons għas-sitwazzjoni urġenti maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

(10)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2020/1429 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(11)

Fid-dawl tal-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 li jiġġustifikaw il-miżuri proposti, u b’mod aktar partikolari sabiex jiġu adottati l-miżuri meħtieġa malajr sabiex jiġu indirizzati l-problemi serji u immedjati li qed jaffaċċja s-settur, ġie kkunsidrat xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni, li huwa anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(12)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità u tkun possibbli l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u jenħtieġ li japplika, b’mod retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2022,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2020/1429

Ir-Regolament (UE) 2020/1429 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli temporanji dwar l-impożizzjoni ta’ imposti għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja kif stabbilit fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34/UE. Dan japplika għall-użu tal-infrastrutturi ferrovjarji għal servizzi ferrovjarji domestiċi u internazzjonali koperti minn dik id-Direttiva, matul il-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2022 (‘il-perijodu ta’ referenza’).”

(2)

l-Artikolu 5, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fejn il-Kummissjoni ssib, abbażi tad-data msemmija fil-paragrafu 1, li t-tnaqqis fil-livell tat-traffiku ferrovjarju, meta mqabbel mal-livell fil-perijodu korrispondenti fis-snin preċedenti qed jippersisti u li x’aktarx ser jippersisti, u ssib ukoll, abbażi tal-aħjar data xjentifika disponibbli, li din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 6, biex temenda l-perijodu ta’ referenza speċifikat fl-Artikolu 1 kif meħtieġ. Kwalunkwe emenda bħal din ma tistax testendi l-perijodu ta’ referenza b’aktar minn sitt xhur, u l-perijodu ta’ referenza ma jistax jiġi estiż lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2023.”;

(3)

l-Artikolu 6, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

A. PANNIER-RUNACHER


(1)  Opinjoni tad-19 ta’ Jannar 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2022.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 333, 12.10.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1061 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li jestendi l-perjodu ta’ referenza tar-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 229, 29.6.2021, p. 1).

(5)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.