22.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 41/19


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/250

tal-21 ta’ Frar 2022

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 fir-rigward taż-żieda ta’ mudell ġdid ta’ ċertifikat tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali għad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq ta’ annimali ovini u kaprini mill-Gran Brittanja u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 fir-rigward tal-lista ta’ pajjiżi terzi awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali ovini u kaprini

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 230(1), 238(3) u 239(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) Nru 2016/429 u (UE) Nru 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 90, l-ewwel paragrafu, il-punti (a) u (c), u l-Artikolu 126(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/403 (3) jistabbilixxi r-regoli dwar iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali previsti fir-Regolament (UE) 2016/429 u ċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali bbażati fuq ir-Regolament (UE) 2016/429 u fuq ir-Regolament (UE) 2017/625, meħtieġa għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali terrestri. B’mod aktar speċifiku, l-Artikolu 14 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jistipula li ċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali u ċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali li jridu jintużaw għad-dħul fl-Unjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ ungulati jridu jikkorrispondu għal ċerti mudelli stabbiliti fl-Anness II tiegħu. Dak l-Artikolu jirreferi, inter alia, għall-mudell “OV/CAP-X” stabbilit fil-Kapitolu 4 ta’ dak l-Anness, li jrid jintuża għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali ovini u kaprini.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2021/404 (4) jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom, li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ speċijiet u kategoriji ta’ annimali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (5). B’mod partikolari, l-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jirreferi għall-Parti 1 tal-Anness II tiegħu li tistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom, li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni tal-ungulati.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, għall-kontroll u għall-eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (TSEs) fl-annimali. B’mod aktar speċifiku, il-Kapitolu E tal-Anness IX ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ annimali ovini u kaprini.

(4)

F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Ftehim dwar il-Ħruġ), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (UE) 2016/429 u (UE) 2017/625, kif ukoll l-atti tal-Kummissjoni bbażati fuqhom, japplikaw għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ. Għaldaqstant, l-annimali ħajjin mibgħuta mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta’ Fuq issa huma soġġetti għar-reġim applikabbli għall-importazzjonijiet minn kwalunkwe pajjiż terz.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2022/175 (7) emenda r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali ovini u kaprini maħsuba għat-tnissil, li jippermettu, sal-31 ta’ Diċembru 2024, id-dħul mill-Gran Brittanja fl-Irlanda ta’ Fuq ta’ annimali bħal dawn meta joriġinaw minn azjendi fil-Gran Brittanja li huma involuti fil-proċess ta’ tliet snin biex jingħataw l-istatus ta’ azjenda b’riskju kkontrollat tal-iscrapie klassika. Dak ir-rekwiżit ġdid tal-importazzjoni jenħtieġ li jiġi rifless f’mudell speċifiku ġdid ta’ ċertifikat għal dawk l-annimali previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu emendati l-Artikolu 14 l-Anness II ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(6)

Barra minn hekk, peress li r-rekwiżit il-ġdid tal-importazzjoni stabbilit fl-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 japplika biss għall-annimali ovini u kaprini li joriġinaw minn azjendi fil-Gran Brittanja, jeħtieġ li l-użu tal-mudell il-ġdid taċ-ċertifikat stabbilit fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 jiġi limitat għall-Gran Brittanja fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404. Għalhekk jeħtieġ li jiġu emendati l-entrati għar-Renju Unit fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 skont dan.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 u (UE) 2021/404 jiġu emendati skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 14 jiżdied il-punt (m) li ġej:

“(m)

OV/CAP-X-NI imfassal skont il-mudell stabbilit fil-Kapitolu 4a tal-Anness II, għad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq ta’ annimali ovini u kaprini mill-Gran Brittanja sal-31 ta’ Diċembru 2024.’;

(2)

L-Anness II huwa emendat skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/403 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2016/429 u (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali u l-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali, għad-dħul fl-Unjoni u l-movimenti bejn l-Istati Membri ta’ kunsinni ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali terrestri u tal-prodotti ġerminali tagħhom, iċ-ċertifikazzjoni uffiċjali fir-rigward ta’ tali ċertifikati u li jħassar id-Deċiżjoni 2010/470/UE (ĠU L 113, 31.3.2021, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).

(6)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/175 tad-9 ta’ Frar 2022 li jemenda l-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-importazzjoni għall-movimenti ta’ annimali ovini u kaprini maħsuba għat-tnissil mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 29, 10.2.2022, p. 1).


ANNESS I

L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-tabella li telenka l-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali u d-dikjarazzjonijiet għad-dħul fl-Unjoni u għat-tranżitu mill-Unjoni, fit-taqsima għall-ungulati, tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-entrata “OV/CAP-X”:

“OV/CAP-X-NI

Kapitolu 4a: Mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali għad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq ta’ annimali ovini u kaprini mill-Gran Brittanja applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2024”;

(2)

il-Kapitolu 4a li ġej jiddaħħal bejn il-Kapitoli 4 u 5:

“KAPITOLU 4A

MUDELL TAĊ-ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI/UFFIĊJALI GĦAD-DĦUL FL-IRLANDA TA’ FUQ TA’ ANNIMALI OVINI U KAPRINI MILL-GRAN BRITTANJA APPLIKABBLI SAL-31 TA’ DIĊEMBRU 2024 (MUDELL “OV/CAP-X-NI”)

Image 1

Image 2

PAJJIŻ

Mudell taċ-ċertifikat OV/CAP-X-NI


Parti II: Ċertifikazzjoni

II.

Informazzjoni dwar is-Saħħa

II.a

Referenza taċ-ċertifikat

II.b

Referenza tal-IMSOC

II.1.

Attestazzjoni tas-saħħa pubblika

Jiena, il-veterinarju uffiċjali sottoskritt, b’dan qed niċċertifika li l-annimali deskritti f’dan iċ-ċertifikat:

II.1.1.

ma jkunux irċevew:

stilbeni jew sustanzi tirostatiċi,

sustanzi estroġeniċi, androġeniċi, ġestaġeniċi jew beta-agonisti għal skopijiet li mhux trattamenti terapewtiċi jew żootekniċi (kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE);

II.1.2.

jissodisfaw il-garanziji li jkopru l-annimali ħajjin u l-prodotti tagħhom ipprovduti mill-pjanijiet ta’ residwu sottomessi f’konformità mal-Artikolu 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE u l-annimali kkonċernati huma elenkati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/163/UE għall-pajjiż tal-oriġini kkonċernat.

II.2.

Attestazzjoni tas-saħħa tal-annimali

Jiena, il-veterinarju uffiċjali sottoskritt, b’dan qed niċċertifika li l-annimali deskritti fil-Parti I:

II.2.1.

ġej miż-żona bil-kodiċi: __ __ - __(2) li, fid-data tal-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat, hija awtorizzata għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali ovini u kaprini u li hija elenkata fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404.

II.2.2.

baqgħu kontinwament:

(i)

fiż-żona msemmija fil-punt II.2.1. mit-twelid jew għal perjodu ta’ mill-inqas 6 xhur qabel id-data li fiha jintbagħtu lejn l-Unjoni, u

(ii)

fl-istabbiliment tal-oriġini mit-twelid jew għal perjodu ta’ mill-inqas 40 jum qabel id-data li fiha jintbagħtu lejn l-Unjoni, li fiha ma jkun ġie introdott l-ebda annimal ovin jew kaprin u l-ebda annimal ta’ speċi oħra elenkata għall-istess mard bħal dak tal-annimali ovini u kaprini.

II.2.3.

ma kellhom l-ebda kuntatt ma’ annimali bi stat ta’ saħħa inferjuri mit-twelid jew għal perjodu ta’ mill-inqas 30 jum qabel id-data li fiha jintbagħtu lejn l-Unjoni.

II.2.4.

ma għandhomx jinqatlu skont programm nazzjonali għall-eradikazzjoni tal-mard, inkluż il-mard elenkat rilevanti msemmi fl-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 u l-mard emerġenti.

(1) jew[II.2.5.

ikunu ntbagħtu direttament mill-istabbiliment tal-oriġini lejn l-Unjoni mingħajr ma għaddew minn xi stabbiliment ieħor].

(1) jew[II.2.5.

għaddew minn operazzjoni waħda ta’ assemblaġġ fiż-żona tal-oriġini li tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-operazzjoni ta’ assemblaġġ tkun saret fi stabbiliment:

(i)

approvat għat-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ta’ annimali ungulati mill-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz jew territorju f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035;

(ii)

li għandu numru ta’ approvazzjoni uniku assenjat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew territorju;

(iii)

elenkat għal dak l-iskop mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew territorju tad-dispaċċ inkluża l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035;

(iv)

jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692.

(b)

l-operazzjoni ta’ assemblaġġ fiċ-ċentru tal-assemblaġġ damet mhux aktar minn 6 ijiem.]

II.2.6.

ma jkunux inħattu fi kwalunkwe post li ma jikkonformax mar-rekwiżiti stipulati fil-punt II.2.11. minn meta jkunu ntbagħtu mill-istabbiliment tal-oriġini tagħhom sakemm jintbagħtu lejn l-Unjoni u matul dak il-perjodu ma jkunux ġew f’kuntatt ma’ annimali bi stat ta’ saħħa inferjuri.

II.2.7.

jitgħabbew sabiex jintbagħtu lejn l-Unjoni fi ___/___/____ (jj/xx/ssss)(3) f’mezz ta’ trasport li jkun tnaddaf u ġie ddiżinfettat qabel it-tagħbija b’diżinfettant awtorizzat mill-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz jew territorju u li jkun inbena b’tali mod li:

(i)

l-annimali ma jkunux jistgħu jaħarbu jew jaqgħu;

(ii)

ikun possibbli li ssir spezzjoni viżwali tal-ispazju fejn jinżammu l-annimali;

(iii)

jiġi evitat jew minimizzat il-ħruġ ta’ eskrementi, mifrex jew għalf tal-annimali.

II.2.8.

ikunu ġew soġġetti għal spezzjoni klinika fil-perjodu ta’ 24 siegħa qabel jitgħabbew sabiex jintbagħtu lejn l-Unjoni, imwettqa minn veterinarju uffiċjali fil-pajjiż terz jew territorju tal-oriġini, li ma individwax sinjali li jindikaw l-okkorrenza tal-mard, inkluż il-mard elenkat rilevanti msemmi fl-Anness 1 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692 u l-mard emerġenti.

II.2.9.

ma jkunux tlaqqmu kontra:

(i)

il-marda tal-ilsien u d-dwiefer, infezzjoni bil-virus tad-deni tal-Wied tar-Rift, infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż, il-plewropulmonite kaprina li tittieħed, infezzjoni bil-kumpless tal-Mycobacterium tuberculosis (M. bovis, M. caprae u M. tuberculosis) u infezzjoni bi Brucella abortus, B. melitensis u B. suis, u

(ii)

infezzjoni bil-virus tal-ilsien blu (serotipi 1-24) b’vaċċin ħaj matul il-perjodu ta’ 60 jum qabel ma jintbagħtu lejn l-Unjoni.

II.2.10.

ġejjin minn żona:

II.2.10.1.

li fiha:

(i)

ma tkun ġiet irrapportata l-ebda marda tal-ilsien u d-dwiefer għal:

jew

[mill-inqas 24 xahar qabel id-data li fiha jintbagħtu lejn l-Unjoni](1)

jew

[minn __/__/____ (jj/xx/ssss)](1)(4)

(ii)

ma jkunx sar tilqim kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer għal mill-inqas 12-il xahar qabel id-data li fiha l-annimali jintbagħtu lejn l-Unjoni, u ma jkun ġie introdott l-ebda annimal imlaqqam kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer matul dak il-perjodu.

II.2.10.2.

li fiha ma jkunux ġew irrapportati infezzjoni bil-virus tal-pesta bovina, infezzjoni bil-virus tad-deni tal-Wied tar-Rift, infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż u plewropulmonite kaprina li tittieħed għal mill-inqas 12-il xahar qabel id-data li fiha l-annimali jintbagħtu lejn l-Unjoni u matul dak il-perjodu:

(i)

ma jkunx sar tilqim kontra dan il-mard, u

(ii)

ma jkunux ġew introdotti annimali mlaqqmin kontra dan il-mard.

jew[II.2.10.3.

li hija ħielsa minn infezzjoni bil-virus tal-ilsien blu (serotipi 1-24)](1)(5)

jew[II.2.10.3.

li hija staġjonalment ħielsa minn infezzjoni bil-virus tal-ilsien blu (serotipi 1-24):

jew[II.2.10.3.1.

għal mill-inqas 60 jum qabel id-data li fiha l-annimali jintbagħtu lejn l-Unjoni.](1)(6)

jew[II.2.10.3.1.

għal mill-inqas 28 jum qabel id-data li fiha l-annimali jintbagħtu lejn l-Unjoni u l-annimali jkunu ġew soġġetti għal test seroloġiku f’konformità mal-Artikolu 9, il-punt (b) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692, b’riżultati negattivi, imwettaq fuq kampjuni miġbura mill-inqas 28 jum wara d-data tad-dħul tal-annimal fiż-żona staġjonalment ħielsa.] (1)(6)

jew[II.2.10.3.1.

għal mill-inqas 14-il jum qabel id-data li fiha l-annimali jintbagħtu lejn l-Unjoni u jkunu ġew soġġetti għal test PCR, b’riżultati negattivi, imwettaq fuq kampjuni miġbura mill-inqas 14-il jum wara d-data tad-dħul tal-annimal fiż-żona staġjonalment ħielsa.] (1)(6)

jew[II.2.10.3.

mhijiex ħielsa minn infezzjoni bil-virus tal-ilsien blu (serotipi 1-24) u l-annimali jkunu tlaqqmu kontra s-serotipi kollha (1 sa 24) tal-virus tal-ilsien blu rrapportati matul l-aħħar sentejn f’dik iż-żona u għadhom fil-perjodu ta’ żmien ta’ immunità ggarantit fl-ispeċifikazzjonijiet tal-vaċċin, u

jew[II.2.10.3.1.

ikunu tlaqqmu aktar minn 60 jum qabel id-data li fiha l-annimali jintbagħtu lejn l-Unjoni.]](1)

jew[II.2.10.3.1.

ikunu tlaqqmu b’vaċċin inattivat u ġew soġġetti għal test PCR, b’riżultati negattivi, fuq kampjuni miġbura mill-inqas 14-il jum wara l-bidu tal-protezzjoni tal-immunità stabbilita fl-ispeċifikazzjonijiet tal-vaċċin.]](1)

jew[II.2.10.3.

li mhijiex ħielsa minn infezzjoni bil-virus tal-ilsien blu (serotipi 1-24) u l-annimali jkunu ġew soġġetti, b’riżultati pożittivi, għal test seroloġiku li jista’ jindividwa antikorpi speċifiċi kontra s-serotipi kollha (1 sa 24) tal-virus tal-ilsien blu rrapportati matul l-aħħar sentejn f’dik iż-żona u:

jew[II.2.10.3.1.

it-test seroloġiku jkun twettaq fuq kampjuni miġbura mill-inqas 60 jum qabel id-data li fiha l-annimali jintbagħtu lejn l-Unjoni.]](1)

jew[II.2.10.3.1.

it-test seroloġiku jkun twettaq fuq kampjuni miġbura mill-inqas 30 jum qabel id-data li fiha l-annimali ntbagħtu lejn l-Unjoni u l-annimali jkunu ġew soġġetti għal test PCR, b’riżultati negattivi, imwettaq fuq kampjuni miġbura mhux aktar kmieni minn 14-il jum qabel id-data li fiha l-annimali ntbagħtu lejn l-Unjoni.]](1)

II.2.11.

ikunu ġejjin minn stabbiliment:

II.2.11.1.

li jkun irreġistrat minn u taħt il-kontroll tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew territorju tal-oriġini u b’sistema fis-seħħ biex iżomm għal mill-inqas 3 snin rekords aġġornati li jkun fihom informazzjoni rigward:

(i)

l-ispeċijiet, il-kategoriji, in-numru u l-identifikazzjoni tal-annimali fl-istabbiliment;

(ii)

il-movimenti tal-annimali fl-istabbiliment u barra minnu;

(iii)

il-mortalità fl-istabbiliment.

II.2.11.2.

li jirċievi żjarat regolari tas-saħħa tal-annimali minn veterinarju għall-fini ta’ detezzjoni tas-sinjali li jindikaw l-okkorrenza ta’ mard, inkluż il-mard elenkat rilevanti msemmi fl-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 u l-mard emerġenti, u tal-informazzjoni dwarhom, bi frekwenza li tkun proporzjonali għar-riskju rrappreżentat mill-istabbiliment.

II.2.11.3.

li ma kienx soġġett għal miżuri nazzjonali ta’ restrizzjoni għal raġunijiet tas-saħħa tal-annimali, inkluż il-mard elenkat rilevanti msemmi fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692 u l-mard emerġenti, fil-ħin li l-annimali jintbagħtu lejn l-Unjoni.

II.2.11.4.

li fih u madwaru, f’żona b’raġġ ta’ 10 km, inkluż, fejn xieraq, it-territorju ta’ pajjiż ġar, ma tkun ġiet irrapportata l-ebda waħda mill-mardiet elenkati li ġejjin għal mill-inqas 30 jum qabel id-data li fiha l-annimali ntbagħtu lejn l-Unjoni: il-marda tal-ilsien u d-dwiefer, infezzjoni bil-virus tal-pesta bovina, infezzjoni bil-virus tad-deni tal-Wied tar-Rift, infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż u l-plewropulmonite kaprina li tittieħed.

jew[II.2.11.5.

li fih u madwaru, f’żona b’raġġ ta’ 150 km, inkluż, fejn xieraq, it-territorju ta’ pajjiż ġar, ma tkunx ġiet irrapportata l-marda emorraġika epiżootika għal mill-inqas sentejn qabel id-data li fiha l-annimali ntbagħtu lejn l-Unjoni](1)

jew[II.2.11.5.

li jinsab f’żona staġjonalment ħielsa mill-marda emorraġika epiżootika.](1)(7)

jew[II.2.11.6.

li fih ma tkun ġiet irrapportata l-ebda infezzjoni bil-kumpless tal-Mycobacterium tuberculosis (M. bovis, M. caprae u M. tuberculosis) matul mill-inqas it-42 jum qabel id-data li fiha l-annimali ntbagħtu lejn l-Unjoni](1)(8)

jew[II.2.11.6.

soġġett għal sorveljanza sabiex tinstab infezzjoni bil-kumpless tal-Mycobacterium tuberculosis (M. bovis, M. caprae u M. tuberculosis) f’konformità mal-proċeduri fil-punti (1) u (2) tal-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/688 matul il-perjodu ta’ mill-inqas 12-il xahar qabel id-data li fiha l-annimali jintbagħtu lejn l-Unjoni u matul dan il-perjodu:

(i)

ikunu ġew introdotti fl-istabbiliment biss annimali kaprini minn stabbilimenti li japplikaw sorveljanza bħal din;

(ii)

f’każ li tkun ġiet irrapportata infezzjoni bil-kumpless tal-Mycobacterium tuberculosis (M. bovis, M. caprae u M. tuberculosis) f’annimali kaprini miżmuma fl-istabbiliment, ikunu ttieħdu miżuri f’konformità mal-punt (3) tal-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/688].(1)(9)

II.2.11.7.

ħieles minn infezzjoni bi Brucella abortus, B. melitensis u B. suis fir-rigward ta’ annimali ovini u kaprini(10); u

jew[II.2.11.7.1.

f’żona ħielsa mill-marda fir-rigward ta’ annimali ovini u kaprini fejn ma jiġix ipprattikat tilqim kontra dik il-marda](1)(11);

jew[II.2.11.7.1.

l-annimali jkunu ġew ittestjati b’wieħed mill-metodi dijanjostiċi previsti fl-Artikolu 9, il-punt (b)(i) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692 għal infezzjoni bi Brucella abortus, B. melitensis u B. suis, b’riżultati negattivi, fuq kampjun meħud matul il-perjodu ta’ 30 jum qabel id-data li fiha ntbagħtu lejn l-Unjoni u, fil-każ ta’ annimali femminili wara li jwelldu, it-test ikun twettaq fuq kampjun meħud mill-inqas 30 jum wara l-ħlas](1)

jew[II.2.11.7.1.

l-annimali jkollhom inqas minn 6 ġimgħat;](1)

jew[II.2.11.7.1.

l-annimali jkunu kkastrati](1).

II.2.11.8.

li fih ma tkun ġiet irrapportata l-ebda rabja għal mill-inqas 30 jum qabel ma l-annimali ntbagħtu lejn l-Unjoni;

II.2.11.9.

li fih ma tkun ġiet irrapportata l-ebda antraċe għal mill-inqas 15-il jum qabel id-data li fiha l-annimali ntbagħtu lejn l-Unjoni;

jew[II.2.11.10.

li fih ma tkun ġiet irrapportata l-ebda surra (Trypanosoma evansi) għal mill-inqas sentejn qabel id-data li fiha l-annimali ntbagħtu lejn l-Unjoni.] (1)

jew[II.2.11.10.

li fih ma tkun ġiet irrapportata l-ebda surra (Trypanosoma evansi) għal mill-inqas 30 jum qabel id-data li fiha l-annimali ntbagħtu lejn l-Unjoni, u meta l-marda ġiet irrapportata fl-istabbiliment tal-oriġini matul is-sentejn qabel id-data li fiha l-annimali ntbagħtu lejn l-Unjoni, l-istabbiliment ikun baqa’ taħt restrizzjoni sakemm l-annimali infettati tneħħew mill-istabbiliment u l-annimali li kien fadal fl-istabbiliment ġew soġġetti b’riżultati negattiv għal test għas-surra (Trypanosoma evansi) kif deskritt fl-Artikolu 9, il-punt (b)(i), tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692 imwettaq fuq kampjuni meħuda mill-inqas 6 xhur wara li l-annimali infettati jkunu tneħħew mill-istabbiliment.] (1)

[II.2.11.11.

li fih ma tkun ġiet irrapportata l-ebda Burkholderia mallei (glanders) għal mill-inqas 6 xhur qabel id-data li fiha l-annimali ntbagħtu lejn l-Unjoni.](9)

[II.2.12.

jinkludu annimali maskili mhux kastrati ta’ annimali ovini, li baqgħu għal perjodu kontinwu ta’ mill-inqas 60 jum qabel intbagħtu lejn l-Unjoni fi stabbiliment fejn ma tkun ġiet irrapportata l-ebda infezzjoni bi Brucella ovis (epididimite li tittieħed) matul il-perjodu ta’ 12-il xahar qabel id-data li fiha ntbagħtu lejn l-Unjoni u kienu soġġetti għal test seroloġiku għall-individwazzjoni ta’ Brucella ovis, b’riżultati negattivi, matul it-30 jum qabel id-data li fiha ntbagħtu lejn l-Unjoni.] (1)

II.2.13.

jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-iscrapie klassika:

II.2.13.1.

ikunu nżammu kontinwament mit-twelid fil-Gran Brittanja fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-iscrapie klassika hija notifikabbli b’mod obbligatorju;

(b)

ikun hemm fis-seħħ sistema ta’ sensibilizzazzjoni, sorveljanza u monitoraġġ;

(c)

l-annimali ovini u kaprini affettwati mill-iscrapie klassika jinqatlu u jinqerdu kompletament;

(d)

it-tmigħ lill-annimali ovini u kaprini b’taħlita ta’ laħam u għadam mitħun u qrieqeċ ta’ oriġini minn ruminanti, kif definiti fil-Kodiċi dwar is-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali, kien ipprojbit u l-projbizzjoni kienet infurzata b’mod effettiv fil-pajjiż kollu għal perjodu ta’ mill-inqas l-aħħar seba’ snin, u

II.2.13.2.

ikunu annimali ovini u kaprini maħsuba għat-tnissil importati fl-Irlanda ta’ Fuq mill-Gran Brittanja sal-31 ta’ Diċembru 2024, u jkunu ġejjin minn azjenda jew azjendi:

(a)

fejn ma tkunx ġiet imposta restrizzjoni uffiċjali fuq il-moviment minħabba l-BSE jew l-iscrapie klassika matul l-aħħar tliet snin; u

(b)

li jkunu applikaw, qabel l-1 ta’ Jannar 2022, għall-iskema uffiċjali għar-rikonoxximent tal-azjendi li jkollhom riskju kkontrollat ta’ scrapie klassika skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness VIII, il-Kapitolu A, it-Taqsima A, il-punt 1.3 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, u li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (i) tiegħu fil-ħin tal-importazzjoni lejn l-Irlanda ta’ Fuq.]

Noti:

Dan iċ-ċertifikat huwa maħsub għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali ovini u kaprini.

F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-referenzi għall-Unjoni Ewropew f’dan iċ-ċertifikat jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

Dan iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali għandu jimtela f’konformità man-noti għall-mili taċ-ċertifikati previsti fil-Kapitolu 4 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235.

Parti I:

Kaxxa ta’ referenza I.27

:

“Sistema ta’ identifikazzjoni u numru ta’ identifikazzjoni”: Speċifika s-sistema ta’ identifikazzjoni (bħal ċomba tal-widna, tatwaġġ, transponder, eċċ., mil-lista fl-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035) u l-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni individwali tal-annimali f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692.

Parti II:

(1)

Żomm kif xieraq.

(2)

Il-kodiċi taż-żona kif jidher fil-kolonna 2 tat-tabella fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404.

(3)

Data tat-tagħbija: ma tridx tkun data qabel id-data tal-awtorizzazzjoni taż-żona għad-dħul fl-Unjoni, jew data f’perjodu meta jkunu ġew adottati miżuri ta’ restrizzjoni mill-Unjoni kontra d-dħul ta’ dawn l-annimali minn din iż-żona.

(4)

Għaż-żoni b’data tal-ftuħ f’konformità mal-kolonna 8 tat-tabella fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404.

(5)

Għaż-żoni bl-entrata BTV fil-kolonna 7 tat-tabella fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404.

(6)

Għaż-żoni bl-entrata SF-BTV fil-kolonna 7 tat-tabella fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404.

(7)

Għaż-żoni bl-entrata SF-EHD fil-kolonna 7 tat-tabella fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404.

(8)

Għall-annimali ovini biss.

(9)

Għall-annimali kaprini biss.

(10)

F’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692.

(11)

Żoni bl-entrata BRU għall-annimali ovini u kaprini fil-kolonna 7 tat-tabella fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404.

 

Veterinarju uffiċjali

Isem (b’ittri kapitali)

Data

Kwalifika u titolu

Timbru

Firma”.


ANNESS II

Fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, l-entrata għar-Renju Unit hija sostitwita b’dan li ġej:

GB

Ir-Renju Unit

GB-1

Annimali bovini

Annimali għaż-żamma ulterjuri(1) u maħsuba għall-iskarnar

BOV-X, BOV-Y

 

BRU, BTV, EBL, EVENTS

 

 

Annimali ovini u kaprini

Annimali għaż-żamma ulterjuri(1) u maħsuba għall-iskarnar

OV/CAP-X, OV/CAP-X-NI (1)

OV/CAP-Y

 

BRU, BTV, EVENTS

 

 

Annimali porċini

Annimali għaż-żamma ulterjuri(1) u maħsuba għall-iskarnar

SUI-X, SUI-Y

 

ADV

 

 

Annimali kamelidi

Annimali għaż-żamma ulterjuri(1)

CAM-CER

 

BTV

 

 

Annimali ċervidi

Annimali għaż-żamma ulterjuri(1)

CAM-CER

 

BTV

 

 

Ungulati oħrajn

Annimali għaż-żamma ulterjuri(1)

RUM, RHINO, HIPPO

 

BTV(2)

 

 

GB-2

Annimali bovini

Annimali għaż-żamma ulterjuri(1) u maħsuba għall-iskarnar

BOV-X, BOV-Y

 

BRU, TB, BTV, EBL, EVENTS

 

 

Annimali ovini u kaprini

Annimali għaż-żamma ulterjuri(1) u maħsuba għall-iskarnar

OV/CAP-X, OV/CAP-X-NI (1)

OV/CAP-Y

 

BRU, BTV, EVENTS

 

 

Annimali porċini

Annimali għaż-żamma ulterjuri(1) u maħsuba għall-iskarnar

SUI-X, SUI-Y

 

ADV

 

 

Annimali kamelidi

Annimali għaż-żamma ulterjuri(1)

CAM-CER

 

BTV

 

 

Annimali ċervidi

Annimali għaż-żamma ulterjuri(1)

CAM-CER

 

BTV

 

 

Ungulati oħrajn

Annimali għaż-żamma ulterjuri(1)

RUM, RHINO, HIPPO

 

BTV(2)

 

 


(1)  OV/CAP-X-NI japplika biss għad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq ta’ annimali ovini u kaprini mill-Gran Brittanja sal-31 ta’ Diċembru 2024 f’konformità mal-Artikolu 14, il-punt (m), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/403”.