|
18.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 37/16 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/214
tas-17 ta’ Frar 2022
li jemenda ċerti Annessi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620 rigward l-approvazzjoni tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard jew l-irtirar tiegħu, ta’ ċerti Stati Membri jew taż-żoni jew tal-kompartimenti tagħhom, rigward ċertu mard elenkat u rigward l-approvazzjoni ta’ programmi ta’ eradikazzjoni għal dak il-mard elenkat
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 31(3) u 36(4), l-Artikolu 37(4)(a) u l-Artikolu 42(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi r-regoli speċifiċi għall-mard, għall-mard elenkat f’konformità mal-Artikolu 5(1) tiegħu u jistabbilixxi kif iridu jiġu applikati dawk ir-regoli għall-kategoriji diversi tal-mard elenkat. Ir-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li l-Istati Membri jistabbilixxu programmi ta’ eradikazzjoni obbligatorji għall-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1)(b) tiegħu, u programmi ta’ eradikazzjoni fakultattivi għall-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1)(c) tiegħu, u l-approvazzjoni ta’ dawn il-programmi mill-Kummissjoni. Dak ir-Regolament jipprevedi wkoll li l-Kummissjoni tapprova l-istatus ta’ ħelsien mill-mard jew tirtira dan l-istatus tal-Istati Membri jew taż-żoni jew tal-kompartimenti tagħhom fir-rigward ta’ ċertu mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1)(b) u (c) tiegħu. |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/689 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 u jistabbilixxi l-kriterji għall-għoti ta’ status ta’ ħelsien mill-mard u għaż-żamma, għas-sospensjoni jew għall-irtir ta’ dan l-istatus lill-Istati Membri jew liż-żoni jew lill-kompartimenti tagħhom, u jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tal-programmi ta’ eradikazzjoni obbligatorji jew fakultattivi għall-Istati Membri jew għaż-żoni jew għall-kompartimenti tagħhom. |
|
(3) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/620 (3) jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni għall-mard tal-annimali elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/429, fir-rigward tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard u tal-istatus ta’ mingħajr tilqim ta’ ċerti Stati Membri jew taż-żoni jew tal-kompartimenti tagħhom, u l-approvazzjoni ta’ programmi ta’ eradikazzjoni għal dak il-mard elenkat. B’mod partikolari, jelenka fl-Annessi tiegħu, l-Istati Membri jew iż-żoni jew il-kompartimenti tagħhom li għandhom l-istatus ta’ ħelsien mill-mard u jelenka wkoll il-programmi ta’ eradikazzjoni eżistenti obbligatorji jew fakultattivi approvati. Minħabba li s-sitwazzjoni epidemjoloġika ta’ ċertu mard tinbidel il-ħin kollu, jeħtieġ li jiġu elenkati l-Istati Membri jew iż-żoni tagħhom li jkunu ġodda rigward l-istatus ta’ ħelsien mill-mard, li jitħassru mil-listi ż-żoni fejn ġew ikkonfermati tifqigħat ta’ mard jew fejn il-kondizzjonijiet għaż-żamma tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard m’għadhomx jiġu ssodisfati, u li jiġu approvati ċerti programmi ta’ eradikazzjoni obbligatorji jew fakultattivi mressqa lill-Kummissjoni. |
|
(4) |
F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-Ftehim dwar il-Ħruġ), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-Regolament (UE) 2016/429, kif ukoll l-atti tal-Kummissjoni msejsa fuqu, bħar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620, japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ. |
|
(5) |
Għall-infezzjoni bil-Brucella abortus, bil-B. melitensis u bil-B. suis, għall-infezzjoni bil-kumpless tal-Mycobacterium tuberculosis (Mycobacterium bovis, M. caprae u M. tuberculosis) (MTBC), l-infezzjoni bil-virus tar-rabja (RABV), l-infezzjoni bid-dijarea virali bovina (BVD), u l-infezzjoni bil-virus tal-ilsien blu (serotipi 1–24) (BTV), dan l-aħħar bosta Stati Membri applikaw lill-Kummissjoni biex ikollhom l-istatus ta’ ħelsien mill-mard jew għal programmi ta’ eradikazzjoni approvati għal parti mit-territorju tagħhom jew għat-territorju kollu. |
|
(6) |
Din hija okkażjoni tajba biex l-annimali bovini, ovini u kaprini jiġu elenkati b’mod separat minn dak il-mard. Għaldaqstant, il-Parti II tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620, kif emendat b’dan ir-Regolament, se jkollu Kapitoli differenti għall-annimali bovini u għall-annimali kaprini u ovini, u għaldaqstant jeħtieġ li jiġi emendat ukoll l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni li jirreferi għal dak l-Anness. |
|
(7) |
Għall-infezzjoni bil-Brucella abortus, bil-B. melitensis u bil-B. Suis fl-annimali bovini, Spanja ressqet informazzjoni lill-Kummissjoni li turi li l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard stipulati fir-Regolament Delegat (UE) 2020/689 huma ssodisfati fil-Provinċja ta’ Cáceres fil-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura. Għalhekk, jenħtieġ li dik iż-żona tiġi elenkata bħala żona ħielsa mill-Brucella abortus, mill-B. melitensis u mill-B. Suis fl-annimali bovini fil-Parti I, il-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620. |
|
(8) |
Għall-infezzjoni bil-Brucella abortus, bil-B. melitensis u bil-B. suis fl-annimali bovini, il-Bulgarija, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja u l-Portugall, u għall-infezzjoni bil-Brucella abortus, bil-B. melitensis u bil-B. Suis fl-annimali ovini u kaprini, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Greċja, l-Italja u l-Portugall ressqu l-applikazzjonijiet lill-Kummissjoni biex il-programmi ta’ eradikazzjoni obbligatorji tagħhom jiġu approvati. Wara l-valutazzjoni mill-Kummissjoni, dawk l-applikazzjonijiet kienu jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu 2 tal-Parti II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689 għall-approvazzjoni tal-programmi ta’ eradikazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jew iż-żoni tagħhom koperti minn dawk il-programmi ta’ eradikazzjoni jiġu elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620, fil-lista ta’ dawk li għandhom programm ta’ eradikazzjoni approvat għal dak il-mard f’dawk il-popolazzjonijiet tal-annimali. |
|
(9) |
Għall-infezzjoni bl-MTBC, Spanja ressqet informazzjoni lill-Kummissjoni li turi li l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard mill-infezzjoni bl-MTBC stipulati fir-Regolament Delegat (UE) 2020/689 huma ssodisfati fil-Komunità Awtonoma ta’ País Vasco. Għalhekk, jenħtieġ li l-Komunità awtonoma tiġi elenkata bħala żona ħielsa mill-MTBC fl-Anness II, il-Parti I, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620. |
|
(10) |
Għall-infezzjoni bl-MTBC, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja u r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq ressqu applikazzjonijiet lill-Kummissjoni biex il-programmi ta’ eradikazzjoni tagħhom jiġu approvati. Wara l-valutazzjoni mill-Kummissjoni, dawk l-applikazzjonijiet kienu jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu 2 tal-Parti II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689 għall-approvazzjoni tal-programmi ta’ eradikazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jew iż-żoni tagħhom koperti minn dawk il-programmi ta’ eradikazzjoni, kif ukoll ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, jiġu elenkati fl-Anness II, il-Parti II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620, bħala li għandhom programm ta’ eradikazzjoni approvat għall-infezzjoni bl-MTBC. |
|
(11) |
Għall-infezzjoni bl-RABV, Franza ressqet informazzjoni lill-Kummissjoni li turi li l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard stipulati fir-Regolament Delegat (UE) 2020/689 huma ssodisfati fil-Guyana Franċiża. Għalhekk, jenħtieġ li l-Guyana Franċiża tiżdied mat-territorju ta’ Franza li diġà huwa elenkat bħala ħieles mill-RABV fl-Anness III, il-Parti I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620. |
|
(12) |
Il-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar tifqigħat tal-infezzjoni bl-RABV f’diversi reġjuni tal-provinċja ta’ Mazowieckie u tal-provinċja ta’ Świętokrzyskie, li bħalissa elenkati bħala żoni bi status ta’ ħelsien mill-mard fil-Parti I tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620. Għalhekk, jenħtieġ li r-reġjuni affettwati jitħassru minn dik il-lista u jenħtieġ li l-entrata għal dak l-Istat Membru f’dik il-lista tiġi emendata skont dan. |
|
(13) |
Għall-infezzjoni bl-RABV, il-Polonja, u r-Rumanija ressqu l-applikazzjonijiet lill-Kummissjoni biex il-programmi ta’ eradikazzjoni tagħhom jiġu approvati. Wara l-valutazzjoni mill-Kummissjoni, dawk l-applikazzjonijiet kienu jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu 2 tal-Parti II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689 għall-approvazzjoni tal-programmi ta’ eradikazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jew iż-żoni tagħhom koperti minn dawk il-programmi ta’ eradikazzjoni jiġu elenkati fil-Parti II tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620, bħala li għandhom programm ta’ eradikazzjoni approvat għall-infezzjoni bl-RABV. |
|
(14) |
Għall-infezzjoni bil-BVD, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja ressqu informazzjoni lill-Kummissjoni li turi li l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard mill-BVD stipulati fir-Regolament Delegat (UE) 2020/689 huma ssodisfati għat-territorji tagħhom kollha. Barra minn hekk, il-Ġermanja ressqet informazzjoni lill-Kummissjoni li l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard mill-BVD huma ssodisfati għal ċerti żoni tat-territorju tagħha. Il-Ġermanja ressqet ukoll applikazzjonijiet lill-Kummissjoni biex il-programmi ta’ eradikazzjoni tagħha jiġu approvati għal żoni oħra tat-territorju tagħha. Wara l-valutazzjoni mill-Kummissjoni, dawk l-applikazzjonijiet kienu jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu 2 tal-Parti II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689 għall-approvazzjoni tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard u għall-approvazzjoni tal-programmi ta’ eradikazzjoni għall-BVD, b’mod rispettiv. Għalhekk jenħtieġ li dawk l-Istati Membri jew iż-żoni tagħhom jiġu elenkati skont dan fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620, jiġu elenkati bl-istatus ta’ ħelsien mill-mard mill-BVC jew li għandhom programm ta’ eradikazzjoni għall-BVD b’mod rispettiv. |
|
(15) |
Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar tifqigħat ta’ infezzjoni bil-BTV tas-serotip 4 fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, li affettwaw ir-reġjuni ta’ Peñarroya-Pueblonuevo, ta’ Hinojosa del Duque (Pedroches II), ta’ Pozoblanco (Pedroches I), ta’ Villanueva de Córdoba (Pedroches III), ta’ Montoro (Alto del Guadalquivir), ta’ Andújar u ta’ Linares fil-Komunità Awtonoma ta’ Andalucia. It-tifqigħat affettwaw ukoll ir-reġjuni ta’ Almadén, ta’ Almodóvar del Campo u ta’ Piedrabuena fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, kif ukoll il-Provinċja ta’ Badajoz u r-reġjuni ta’ Coria, ta’ Valencia de Alcántara, ta’ Cáceres u ta’ Trujillo y Logrosán (Zorita) fil-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura. Dawn ir-reġjuni affettwati, li jinsabu fil-Komunità Awtonoma ta’ Andalucia, fil-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura, u fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, b’mod rispettiv, bħalissa jinsabu elenkati bħala li għandhom l-istatus ta’ ħelsien mill-mard bil-BTV, fil-Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620. Jenħtieġ li l-istatus ta’ ħelsien mill-mard ta’ dawk ir-reġjuni għall-infezzjoni bil-BTV jiġi rtirat, u jenħtieġ li l-entrata għal Spanja f’dik il-lista tiġi emendata skont dan. |
|
(16) |
Barra minn hekk, il-Portugall innotifika lill-Kummissjoni dwar tifqigħat ta’ infezzjoni bil-BTV tas-serotip 4 fid-distretti ta’ Castelo Branco u ta’ Setubal. Peress li d-distretti ta’ Castelo Branco u ta’ Setubal, huma parti mill-Portugall u jinsabu fiż-żoni bl-istatus ta’ ħelsien mill-mard elenkati fil-Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620, jenħtieġ li l-istatus ta’ ħelsien mill-mard tagħhom għall-infezzjoni bil-BTV jiġi rtirat, u jenħtieġ li l-entrata għall-Portugall f’dik il-lista tiġi emendata skont dan. |
|
(17) |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-infezzjoni bil-BTV, Spanja ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi approvat programm ta’ eradikazzjoni fakultattiv. Wara l-valutazzjoni mill-Kummissjoni, dik l-applikazzjoni kienet tikkonforma mal-kriterji stipulati fil-Kapitolu 2 tal-Parti II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689. Għalhekk, jenħtieġ li ż-żoni koperti minn dak il-programmi ta’ eradikazzjoni jiġu elenkati fil-Parti II tal-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620, bħala li għandhom programm ta’ eradikazzjoni approvat għall-infezzjoni bil-BTV. |
|
(18) |
Fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tan-nekrożi ematopojetika infettiva tal-mard akkwatiku (IHN), id-Danimarka infurmat lill-Kummissjoni li l-kondizzjonijiet biex jinżamm l-istatus ta’ ħelsien mill-mard għat-territorju kollu tagħha ma għadhomx issodisfati. Id-Danimarka hija elenkata fil-Parti I tal-Anness XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620. Għalhekk, jenħtieġ li l-entrata għad-Danimarka titħassar minn dik il-lista. |
|
(19) |
Il-Finlandja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar diversi tifqigħat ta’ IHN fil-Gżejjer Åland, f’żona li hija elenkata bl-istatus ta’ ħelsien mill-mard fl-Anness XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620. Għalhekk, jenħtieġ li l-istatus ta’ ħelsien mill-mard taż-żona infettata jiġi rtirat u jenħtieġ li ż-żona titħassar mill-Parti I ta’ dak l-Anness, u jenħtieġ li l-entrata għal dak l-Istat Membru f’dik il-lista tiġi emendata skont dan. |
|
(20) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Annessi I, II, III, VII, VIII u XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620 jiġu emendati skont dan. |
|
(21) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620 huwa emendat kif ġej:
|
1. |
L-Artikolu 2(3) huwa sostitwit b’dan li ġej: “3. L-Istati Membri jew iż-żoni tagħhom bi programm ta’ eradikazzjoni obbligatorju approvat għall-infezzjoni bil-Brucella abortus, bil-B. melitensis u bil-B. suis fil-popolazzjonijiet tal-annimali bovini għandhom jiġu elenkati fil-Kapitolu 1 tal-Parti II tal-Anness I. 4. L-Istati Membri jew iż-żoni tagħhom bi programm ta’ eradikazzjoni obbligatorju approvat għall-infezzjoni bil-Brucella abortus, bil-B. melitensis u bil-B. suis fil-popolazzjonijiet tal-annimali ovini u kaprini għandhom jiġu elenkati fil-Kapitolu 2 tal-Parti II tal-Anness I.” |
|
2. |
L-Annessi I, II, III, VII, VIII u XIII huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Frar 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/689 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għas-sorveljanza, għall-programmi ta’ eradikazzjoni u għall-istatus ta’ ħelsien mill-mard għal ċertu mard elenkat u emerġenti (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 211).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/620 tal-15 ta’ April 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-approvazzjoni tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard u tal-istatus ta’ mingħajr tilqim ta’ ċerti Stati Membri jew taż-żoni jew il-kompartimenti tagħhom fir-rigward ta’ ċertu mard elenkat, u rigward l-approvazzjoni ta’ programmi ta’ eradikazzjoni għal dak il-mard elenkat (ĠU L 131, 16.4.2021, p. 78).
ANNESS
L-Annessi I, II, III, VII, VIII u XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620 huma emendati kif ġej:
|
(1) |
L-Anness I huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
L-Anness II huwa emendat kif ġej:
|
|
(3) |
L-Anness III huwa emendat kif ġej:
|
|
(4) |
Fl-Annessi VII, il-Partijiet I u II huma sostitwiti b’dawn li ġejjin: “PARTI I L-Istati Membri jew żoni tagħhom li għandhom status ta’ ħelsien mill-BVD
PARTI II L-Istati Membri jew iż-żoni tagħhom li għandhom programm ta’ eradikazzjoni approvat għall-BVD
|
|
(5) |
L-Anness VIII huwa emendat kif ġej:
|
|
(6) |
fl-Anness XIII, il-Parti I hija emendata kif ġej:
|
(*1) F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għall-Istati Membri jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq”