15.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/199

tat-2 ta’ Diċembru 2021

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-apparat għall-esklużjoni fis-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana għall-merluzz tan-Norveġja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu

Billi:

(1)

L-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1241 jipprevedi miżuri tekniċi stabbiliti fil-livell reġjonali għall-Baħar tat-Tramuntana, Skagerrak u Kattegat.

(2)

Fejn l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett f’settur tas-sajd iqisu li miżuri alternattivi huma kompatibbli mal-protezzjoni tal-frieħ tal-ħut permezz tal-użu ta’ apparati ta’ selettività alternattivi għal dawk stabbiliti fil-livell reġjonali u stabbiliti fil-Parti B tal-Annessi V sa XI tar-Regolament (UE) 2019/1241, il-Kummissjoni tista’ tadotta tali miżuri permezz ta’ atti delegati fuq rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata minn dawk l-Istati Membri.

(3)

Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2019/1241, l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett f’żona tas-sajd jistgħu jissottomettu rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ selettività tal-irkaptu, skont id-daqs u skont l-ispeċi. L-Istati Membri li jippreżentaw tali rakkomandazzjoni għandhom jipprovdu evidenza xjentifika li turi li dawk il-miżuri jirriżultaw f’karatteristiċi ta’ selettività għal speċijiet speċifiċi jew taħlita ta’ speċijiet li huma mill-inqas ekwivalenti għall-karatteristiċi ta’ selettività tal-irkaptu stabbiliti fil-Parti B tal-Annessi V sa X u fil-Parti A tal-Anness XI ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, in-Netherlands u l-Iżvezja (il-Grupp ta’ Scheveningen) għandhom interess ta’ ġestjoni tas-sajd dirett fis-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana. Wara konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar tat-Tramuntana, fis-26 ta’ Frar 2020, il-Grupp ta’ Scheveningen ippreżenta rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/1241 li tipproponi att delegat biex jemenda l-Parti B tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament biex jiġi permess l-użu ta’ apparat selettiv skont l-ispeċi fis-sajd tal-merluzz tan-Norveġja bħala alternattiva għall-għarbiel bi spazju massimu tal-vireg ta’ 35mm kif definit fil-Parti B tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, bħala l-miżura ta’ referenza għal dak is-sajd dirett.

(5)

Il-Grupp ta’ Esperti għas-Sajd ġie kkonsultat dwar ir-rakkomandazzjoni konġunta fit-30 ta’ Settembru 2021. Il-Parlament Ewropew attenda l-laqgħa bħala osservatur.

(6)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (“STECF”) ikkonkluda (2) li l-użu tal-apparat għall-esklużjoni x’aktarx jirriżulta f’rati mnaqqsa ta’ qabdiet inċidentali (f’piż u għadd) u f’mudell ta’ sfruttament miżmum jew imtejjeb għal speċijiet ta’ qabdiet inċidentali li jikbru akbar mill-merluzz tan-Norveġja (bħal gadojdi) meta mqabbel mal-użu tal-għarbiel. L-STECF innota li individwi iżgħar minn 15cm jikkostitwixxu biss proporzjon żgħir tal-qabdiet inċidentali globali u għalhekk ikkonkluda li l-qabdiet inċidentali fis-sajd tal-merluzz tan-Norveġja jitnaqqsu sostanzjalment bl-apparat għall-esklużjoni meta mqabbla mal-għarbiel.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1241 jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament iħallu impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Peress li s-sajd tal-merluzz tan-Norveġja isir minn Settembru sa Diċembru, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Settembru 2021. Tali applikazzjoni retroattiva ma taffettwax il-prinċipju taċ-ċertezza ġuridika u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1241 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Settemrbu 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105.

(2)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2786172/STECF+PLEN+20-03.pdf


ANNESS

Fl-Anness V, Parti B, punt 1.4, id-disa’ entrata tat-tabella hija emendata kif ġej:

Daqs tal-Malja

Żoni Ġeografiċi

Kondizzjonijiet

“Tal-anqas 16 mm

Żona sħiħa

Sajd dirett għal speċijiet pelaġiċi żgħar li mhumiex koperti f’parti oħra tat-tabella.

Sajd dirett għall-merluzz tan-Norveġja. Għandu jitqabbad wieħed mill-apparati li ġejjin:

(1)

għarbiel bi spazju massimu tal-vireg ta’ 35 mm;

(2)

apparat għall-esklużjoni (*1), sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-apparat għall-esklużjoni għandu jkollu daqs massimu tal-malja ta’ 70 mm u għandu jiġi mmuntat b’tajra magħmula minn PVC jew materjali flessibbli simili;

(ii)

meta l-qlugħ jiġi mmuntat ġewwa l-apparat għall-esklużjoni tul il-konu/it-tubu ta’ dak l-apparat, dak il-qlugħ għandu jkun magħmul minn PVC jew materjal flessibbli simili u d-daqs tal-qlugħ għandu jkun tali li ma jkoprix aktar minn 75% tal-erja tas-sezzjoni trażversali fejn ikun pożizzjonat; kif ukoll

(iii)

għandha ssir toqba tal-ħruġ ta’ minimu ta’ 50 x 50 cm fil-quċċata tal-apparat għall-esklużjoni.

Sajd dirett għal gambli komuni u gambli Aesop. Għandha titqabbad xibka tat-tkarkir għas-separazzjoni jew għarbiel f’konformità mar-regoli stabbiliti f’livell nazzjonali jew reġjonali.”


(*1)   “Apparat għall-esklużjoni” tfisser apparat b’xibka konika li jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(1)

jiddaħħal qabel il-manka, b’tali mod li x-xifer jew il-bażi ta’ quddiem tal-konu jitwaħħal maċ-ċirkonferenza sħiħa tax-xibka tat-tkarkir quddiem il-manka jew il-biċċa tal-estensjoni;

(2)

dan jidjieq għal apiċi fejn ikun imwaħħal mal-għatu tal-qiegħ tax-xibka tat-tkarkir;

(3)

it-toqba tal-ħruġ tinqata’ fejn l-apiċi tal-apparat għall-esklużjoni u l-manka jiltaqgħu;

(4)

jippermetti l-passaġġ tal-merluzz tan-Norveġja minnu u ż-żamma tiegħu fil-manka, filwaqt li jirrilaxxa qabdiet inċidentali ta’ ħut billi jiggwidahom mit-toqba tal-ħruġ.