10.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 29/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/175

tad-9 ta’ Frar 2022

li jemenda l-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-importazzjoni għall-movimenti ta’ annimali ovini u kaprini maħsuba għat-tnissil mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta’ Fuq

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (1), u partikolarment il-fażi introduttorja u l-punt (m) tal-Artikolu 23a tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, għall-kontroll u għall-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (TSE) fl-annimali, inkluża l-iscrapie klassika.

(2)

B’mod iktar speċifiku, il-Kapitolu E tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-importazzjoni fl-Unjoni tal-annimali ovini u kaprini. Dawk ir-rekwiżiti jipprevedu li tali importazzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jattesta, fost l-oħrajn, li l-annimali ovini u kaprini għat-tnissil importati fl-Unjoni jridu jiġu minn azjenda agrikola b’riskju negliġibbli jew ikkontrollat tal-iscrapie klassika jew, għall-annimali ovini, ikunu tal-ġenotip tal-proteina prijonika ARR/ARR, li jagħti reżistenza għall-iscrapie klassika.

(3)

F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-Ftehim dwar il-Ħruġ), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-Regolament (KE) Nru 999/2001, kif ukoll l-atti tal-Kummissjoni bbażati fuqu, japplikaw għar-Renju Unit u ġewwa fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni li hemm previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ. Għaldaqstant, l-annimali ħajjin mibgħuta mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta’ Fuq issa huma soġġetti għar-reġim applikabbli għall-importazzjonijiet minn kwalunkwe pajjiż terz.

(4)

Sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-movimenti intranazzjonali annwali mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta’ Fuq, li mhux soġġetti għar-regoli dwar il-kummerċ intra-Unjoni u dwar l-importazzjoni fl-Unjoni, kienu stmati għal madwar 8 000 nagħġa għat-tnissil, prinċipalment tar-razza Scottish Blackface. Ħafna mill-azjendi li normalment jagħmlu kummerċ tan-nagħaġ bejn il-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq bħalissa mhumiex rikonoxxuti li għandhom riskju negliġibbli jew ikkontrollat tal-iscrapie klassika. Barra minn hekk, proporzjon żgħir biss mill-popolazzjoni tan-nagħaġ Scottish Blackface huwa tal-ġenotip tal-proteina prijonika ARR/ARR. Il-kummerċ tradizzjonali tan-nagħaġ għat-tnissil mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta’ Fuq għalhekk intlaqat serjament mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(5)

Jeħtieġ li jiġi żgurat li n-nissiela tal-Irlanda ta’ Fuq jibqa’ jkollhom aċċess għar-riżorsi ġenetiċi ovini u kaprini disponibbli fil-Gran Brittanja, sakemm l-azjendi fil-Gran Brittanja jkunu jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-annimali ovini u kaprini għat-tnissil. Għalhekk, il-Kapitolu E tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jenħtieġ li jiġi emendat biex jippermetti l-importazzjoni tal-annimali ovini u kaprini għat-tnissil mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta’ Fuq minn azjendi agrikoli li mhumiex rikonoxxuti li għandhom riskju kkontrollat tal-iscrapie klassika. Jenħtieġ li din il-possibbiltà tkun disponibbli biss għall-azjendi fil-Gran Brittanja li applikaw, qabel l-1 ta’ Jannar 2022, għall-iskema uffiċjali għar-rikonoxximent ta’ azjendi li għandhom riskju kkontrollat tal-iscrapie klassika f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1.3 tat-Taqsima A tal-Kapitolu A tal-Anness VIII ta’ dak ir-Regolament, u li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (i) tiegħu fil-waqt tal-importazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq. Barra minn hekk, din il-possibbiltà jenħtieġ li tibqa’ temporanja u li tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024, sabiex b’hekk ikun hemm perjodu ta’ żmien suffiċjenti mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għal dawk l-azjendi fil-Gran Brittanja biex jiksbu r-rikonoxximent bħala azjendi li għandhom riskju kkontrollat tal-iscrapie klassika.

(6)

L-iscrapie klassika hija enċefalopatija sponġiformi trażmissibbli (TSE) li mhijiex meqjusa bħala marda żoonotika, kif konkluż mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard fl-Opinjoni Xjentifika Konġunta tagħhom dwar kwalunkwe assoċjazzjoni epidemjoloġika jew molekulari possibbli bejn it-TSEs fl-annimali u fil-bnedmin, adottata fid-9 ta’ Diċembru 2010 (2). Barra minn hekk, in-natura limitata tal-emendi proposti għall-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, u l-implimentazzjoni tar-regoli applikabbli għall-kummerċ intra-Unjoni tal-annimali ovini u kaprini stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jipprovdu garanziji raġonevoli li l-livell tas-saħħa tal-annimali fl-Unjoni mhux se jiġi kompromess mill-emendi proposti għal dak l-Anness.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiġi emendat skont dan.

(8)

Minħabba l-importanza għas-settur tat-tnissil fl-Irlanda ta’ Fuq tal-kummerċ tal-annimali ovini u kaprini għat-tnissil mill-Gran Brittanja, huwa importanti li l-emendi li għandhom isiru lir-Regolament (KE) Nru 999/2001 permezz ta’ dan ir-Regolament jidħlu fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  https://doi.org/10.2903/j.efsa.2011.1945


ANNESS

Fil-Kapitolu E tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, il-punt (5) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(5)

Għall-annimali ovini u kaprini għat-tnissil li jiġu importati fl-Unjoni u li jkunu maħsuba għal Stati Membri differenti minn dawk li għandhom riskju negliġibbli tal-iscrapie klassika jew minn dawk li għandhom programm nazzjonali ta’ kontroll tal-iscrapie approvat, elenkat fil-punt 3.2 tat-Taqsima A tal-Kapitolu A tal-Anness VIII, għandu jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-annimali ovini u kaprini importati jkunu ġejjin minn azjenda jew azjendi li kkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 1.3 tat-Taqsima A tal-Kapitolu A tal-Anness VIII; jew

(b)

Ikunu annimali ovini tal-ġenotip tal-proteina prijonika ARR/ARR, u jkunu ġejjin minn azjenda jew azjendi fejn ma ġiet imposta l-ebda restrizzjoni uffiċjali fuq il-moviment minħabba l-BSE jew l-iscrapie klassika matul l-aħħar sentejn; jew

(c)

għall-annimali ovini u kaprini mill-Gran Brittanja importati fl-Irlanda ta’ Fuq sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-annimali ovini u kaprini jkunu ġejjin minn azjenda jew azjendi:

(i)

fejn ma ġiet imposta l-ebda restrizzjoni uffiċjali fuq il-moviment minħabba l-BSE jew l-iscrapie klassika matul l-aħħar tliet snin; u

(ii)

li jkunu applikaw, qabel l-1 ta’ Jannar 2022, għall-iskema uffiċjali għar-rikonoxximent ta’ azjendi li għandhom riskju kkontrollat tal-iscrapie klassika f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 1.3 tat-Taqsima A tal-Kapitolu A tal-Anness VIII, u li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a) sa (i) tiegħu fil-waqt tal-importazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq.”