7.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 26/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/158

tal-4 ta’ Frar 2022

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1641 dwar l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti tal-Amerka ta’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gasteropodi tal-baħar ħajjin, imkessħin, iffriżati jew ipproċessati għall-konsum mill-bniedem

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 129(1) tiegħu

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (il-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 238(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi r-regoli ġenerali għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali biex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli li għandhom l-għan li jipprevjenu, jeliminaw jew inaqqsu r-riskji għall-bnedmin u għall-annimali għal livelli aċċettabbli, b’mod dirett jew permezz tal-ambjent.

(2)

B’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ġenerali għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali jew oġġetti minn pajjiżi terzi jew mir-reġjuni tagħhom, inkluż ikel maħsub għall-konsum mill-bniedem. L-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tirrikonoxxi li l-miżuri applikati minn pajjiżi terzi jew mir-reġjuni tagħhom, ikunu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f’ċerti regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament, jekk il-pajjiżi terzi jagħtu prova oġġettiva f’dan ir-rigward. Jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw id-dħul fl-Unjoni ta’ dawn l-annimali u l-oġġetti minn tali pajjiżi terzi jew mir-reġjuni tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura u l-kontenut taċ-ċertifikati jew id-dikjarazzjonijiet uffiċjali li jeħtieġ jakkumpanjaw lil dawk il-komoditajiet.

(3)

F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1641 (3) il-miżuri applikati fl-Istati ta’ Massachusetts u Washington tal-Istati Uniti għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika fir-rigward tal-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ molluski bivalvi, ta’ ekinodermi, ta’ tunikati u ta’ gasteropodi tal-baħar ħajjin, imkessħin, iffriżati jew ipproċessati maħsubin għall-konsum mill-bniedem, huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-regoli dwar is-sikurezza tal-ikel imsemmija fl-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1641 jistabbilixxi mudell ta’ ċertifikat uffiċjali għall-importazzjonijiet mill-Istati Uniti ta’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gasteropodi tal-baħar ħajjin, imkessħin, iffriżati jew ipproċessati maħsubin għall-konsum mill-bniedem. Il-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali jeħtieġ li spettur uffiċjali jiċċertifika li l-miżuri applikati għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ dawk il-prodotti jkunu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-regoli rigward is-sikurezza fl-ikel imsemmijin fl-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625.

(5)

Bi qbil mal-miżuri miftehma mal-Food and Drug Administration (id-dipartiment tal-amministrazzjoni tal-ikel u l-mediċini) tal-Istati Uniti, li huwa responsabbli għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gasteropodi tal-baħar ħajjin, imkessħin, iffriżati jew ipproċessati maħsubin għall-konsum mill-bniedem, jenħtieġ li l-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1641 jiġi addattat għall-format ix-xieraq għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ dawk il-prodotti. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali jagħti l-informazzjoni dwar id-data tat-tluq tal-kunsinni. Barra minn hekk, jenħtieġ li tingħata l-informazzjoni dwar jekk humiex iċċertifikati għall-konsum mill-bniedem jew għall-konsumatur aħħari l-prodotti.

(6)

Apparti r-rekwiżiti dwar is-saħħa pubblika tal-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1641, jenħtieġ li l-molluski bivalvi ħajjin tal-ispeċijiet elenkati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (4), li huma maħsubin għall-konsum mill-bniedem, u l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali minn dawk il-molluski, li huma maħsubin għal aktar ipproċessar fl-Unjoni qabel ma jiġu kkunsmati mill-bniedem, jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikollhom magħhom ċertifikat uffiċjali li fih l-attestazzjonijiet ix-xierqa dwar is-saħħa tal-annimali. Għaldaqstant, biex jissodisfa r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li jipprovdu garanziji ekwivalenti għal dawk previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jenħtieġ li l-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali jinkludi r-rekwiżiti ġenerali tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni, kif stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 6(1), u fl-Artikoli 6(2) u 7(1) u l-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (5), u rekwiżiti speċifiċi tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ dawk il-prodotti, kif stabbiliti fil-punti (a), (c)(ii), (c)(iii) u (d) tal-Artikolu 167, u fl-Artikolu 169(1) u (2) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1641 jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1641 huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1641 tal-5 ta’ Novembru 2020 dwar l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti tal-Amerka ta’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gasteropodi tal-baħar ħajjin, imkessħin, iffriżati jew ipproċessati għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 370, 6.11.2020, p. 4).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).


ANNESS

MUDELL TA’ ĊERTIFIKAT UFFIĊJALI GĦAD-DĦUL FL-UNJONI TA’ MOLLUSKI BIVALVI, EKINODERMI, TUNIKATI U GASTEROPODI TAL-BAĦAR ĦAJJIN, IFFRIŻATI, IMKESSĦIN JEW IPPROĊESSATI, MILL-ISTATI UNITI TAL-AMERKA, MAĦSUBIN GĦALL-KONSUM MILL-BNIEDEM

Image 1

Image 2

L-Istati Uniti (US)

ċertifikat veterinarju għall-UE


Parti II: Ċertifikazzjoni

II.

Informazzjoni dwar is-Saħħa

II.a.

Numru tar-referenza taċ-ċertifikat

II.b.

II.1.

Attestazzjoni tas-saħħa pubblika għall-molluski bivalvi, l-ekinodermi, it-tunikati u l-gasteropodi tal-baħar ħajjin, imkessħin, iffriżati jew ipproċessati maħsubin għall-użu mill-bniedem

Jien, is-sottoskritt, b’dan niċċertifika li:

Il-prodotti deskritti hawn jikkonformaw mal-istandards rilevanti tal-Istati Uniti u mar-rekwiżiti tal-programm ta’ kontroll regolatorju tal-Istati Uniti għall-frott tal-baħar bil-qoxra, u ġew prodotti f’konformità magħhom.

Il-prodotti deskritti hawn huma ttikkettati bħala mhux maħsuba biex jingħaddsu jew jiġu f’kuntatt ma’ ebda baħar tal-UE

Kull materjal mill-frott tal-baħar bil-qoxra minn sorsi barranin użat f’dawn il-prodotti joriġina minn pajjiżi terzi/stabbilimenti/żoni ta’ tkabbir approvati biex jesportaw molluski bivalvi ħajjin lejn l-UE.

(1) (2)[II.2.

Attestazzjoni tas-saħħa tal-annimali għall-molluski bivalvi ħajjin (3) tal-ispeċijiet elenkati maħsubin għall-konsum mill-bniedem,

Jiena, il-veterinarju uffiċjali sottoskritt, b’dan niċċertifika li l-annimali akkwatiċi msemmija fil-Kaxxa I.18 tal-Parti I jissodisfaw:

II.2.1.

ir-rekwiżiti ġenerali tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 6(1), fil-punti (a)(4), u (b), fl-Artikoli 6(2) u 7(1), u fl-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (1);

II.2.2.

ir-rekwiżiti tas-saħħa speċifiċi għad-dħul fl-Unjoni tal-prodotti li għalihom japplika dan iċ-ċertifikat, stabbiliti fil-punti (a), (c)(ii), (c)(iii) u (d) tal-Artikolu 167, u fl-Artikolu 169(1) u (2) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692.]

Noti

F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-referenzi għall-Unjoni Ewropea f’dan iċ-ċertifikat jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

Parti I:

Il-kaxxa bir-referenza I.8: Reġjun tal-oriġini: l-Istat tal-Istati Uniti fejn ikunu nqabdu l-prodotti u l-kodiċi taż-żona tal-produzzjoni approvata.

Parti II:

(1)

Il-Parti II.2. ta’ dan iċ-ċertifikat tapplika biss għall-prodotti ta’ molluski bivalvi ħajjin maħsubin għall-konsum mill-bniedem li ġejjin:

(a)

molluski tal-ispeċijiet elenkati ttrasportati mingħajr ilma, ippakkjati u ttikkettati għall-konsum mill-bniedem f’konformità mar-rekwiżiti speċifiċi għal dawk l-annimali kif stipulati fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u li ma jkunux jistgħu jibqgħu ħajjin jekk jitqiegħdu lura f’ambjent akkwatiku;

(b)

molluski tal-ispeċijiet elenkati ttrasportati mingħajr ilma maħsubin għall-konsum mill-bniedem mingħajr aktar ipproċessar, dment li jkunu ppakkjati għall-bejgħ bl-imnut f’konformità mar-rekwiżiti għat-tali imballaġġ kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(c)

molluski tal-ispeċijiet elenkati ttrasportati mingħajr ilma, ippakkjati u ttikkettati għall-konsum mill-bniedem f’konformità mar-rekwiżiti speċifiċi għal dawk l-annimali kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 853/2004, u li huma maħsubin għal aktar ipproċessar mingħajr ħżin temporanju fil-post tal-ipproċessar.

(2)

Il-Parti II.2 ma tkunx tapplika u jenħtieġ li titħassar meta l-kunsinna tkun tikkonsisti minn annimali akkwatiċi selvaġġi mħottija minn bastimenti tas-sajd.

(3)

L-ispeċijiet elenkati fil-kolonni 3 u 4 tat-tabella fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). L-ispeċijiet elenkati fil-kolonna 4 ta’ dik it-tabella għandhom biss jitqiesu bħala vetturi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 171(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692.

(4)

Meta l-mard ikun rilevanti u rapportabbli.

(5)

Irid jiġi ffirmat minn:

veterinarju uffiċjali meta timtela l-attestazzjoni tas-saħħa tal-annimali fil-Parti II.2;–

uffiċjali taċ-ċertifikazzjoni jew veterinarju uffiċjali meta titħassar l-attestazzjoni tas-saħħa tal-annimali fil-Parti II.2.–

[Veterinarju uffiċjali] (5) / [Uffiċjal taċ-ċertifikazzjoni] (5 )

Isem (b’ittri kbar)

Kwalifika u titlu

Data

Firma

Timbru


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139 30.4.2004, p. 55).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).